Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1751

Brussell, 20 ta' Diċembru 2010

Tassazzjoni: It-tneħħija tal-ostakli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tispjega l-aktar problemi fiskali serji li ċ-ċittadini tal-UE jħabbtu wiċċhom magħhom f'sitwazzjonijiet transkonfinali u tħabbar pjanijiet għal soluzzjonijiet. Meta individwi jaħdmu jew jinvestu jew jitilqu barra minn pajjiżhom, jiltaqgħu ma' tassazzjoni doppja u ma' problemi oħra bħar-riklamazzjoni tar-rifużjonijiet tat-taxxa u biex jiksbu informazzjoni dwar ir-regoli fiskali barranin. Il-Kommunikazzjoni tħabbar pjanijiet f'xi oqsma bħad-dħul transkonfinali, it-taxxi tal-wirt, taxxi fuq id-dividendi, taxxi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi u l-Kummerċ-e. Il-Komunikazzjoni tal-lum għandha wkoll l-għan li tara fejn tista' tittieħed azzjoni fil-ġejjieni, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, ħalli s-sistemi fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar kompatibbli ħalli ċ-ċittadini ma jaqtgħux qalbhom milli jidħlu għal attivitajiet transkonfinali.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "It-Tassazzjoni għandha rwol kruċjali x'taqdi fit-tisħiħ tas-Suq Intern u l-bini mill-ġdid ta' ekonomija Ewropea b'saħħitha u sostenibbli. Politiki fiskali tajbin jistgħu jippromwovu l-impjiegi, l-investiment u t-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tal-lum hija pass ieħor 'l quddiem biex jingħelbu l-ostakli fiskali u tiġi promossa tassazzjoni ġusta fl-UE ħalli ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha li joffri s-Suq Uniku."

Problemi li jridu jiġu indirizzati

Kull sena, parti sostanzjali mill-ilmenti u l-mistoqsijiet kollha li ċ-ċittadini tal-UE jibagħtu lill-Kummissjoni jkunu dwar kwistjonijiet fiskali transkonfinali. L-ilmenti jkopru firxa sħiħa ta' kwistjonijiet li jibdew mid-diffikultajiet ikkawżati minn regoli fiskali barranin kumplessi, għan-nuqqas ta' informazzjoni ċara għall-barranin, sas-sistemi konflinġenti fi Stati Membri differenti. Il-ħaddiema transkonfinali jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jiksbu benefiċċji, eżenzjonijiet u tnaqqis fiskali mingħand l-awtoritajiet fiskali barranin, u ta' spiss ikunu soġġetti għal tassazzjoni doppja. Ċittadini li jixtru proprjetà barranija ta' spiss jitilfu l-eżenzjonijiet fuq it-taxxa jew ikollhom iħallsu taxxi fuq il-proprjetà ogħla milli jħallsu r-residenti, filwaqt li dawk li jieħdu jew jixtru karozza minn barra l-pajjiż iħabbtu wiċċhom ma' taxxa tar-reġistrazzjoni doppja. Persuni bi dħul minn investiment barrani jsibuha diffiċli biex jitolbu drittijiet ta' eżenzjoni mit-taxxi minn ras il-għajn li jkunu applikati minn pajjiżi barranin. Ħafna persuni b'fondi ta' pensjoni barranin ikollhom problemi bi tnaqqis u trasferimenti transkonfinali, filwaqt li wirt minn Stat Membru ieħor ta' spiss jiġi soġġett għal dazzji jew tassazzjoni doppja. Ix-xiri-e wkoll huwa jbati ħafna minħabba ostakli fiskali bħal regoli komplikati tal-VAT u rekweżiti ta' rappurtar, bir-riżultat li 7% biss tal-oġġetti negozjati fl-UE jinxtraw onlajn minn Stat Membru ieħor.

Nofs il-proċeduri ta' ksur tat-taxxa li l-Kummissjoni tiftaħ kull sena fil-qasam tat-taxxa jkunu marbuta mal-ilmenti taċ-ċittadini. Madankollu, il-proċeduri ta' ksur ma jsolvux kollox. L-aħjar mod biex jissolvew kwistjonijiet bħat-tassazzjoni doppja u l-kumplessitajiet amministrattivi huwa l-kooperazzjoni xierqa bejn l-Istati Membri. Skont il-Komunikazzjoni tal-lum, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw il-miżuri u l-prassi fiskali tagħhom b'mod li ma jaqtax qalb iċ-ċittadini milli jwettqu attivitajiet transkonfinali. Huma għandhom ukoll jikkoordinaw aktar bejniethom sabiex jipprevjenu li regoli fiskali li ma jaqblux flimkien joħolqu ostakli u diffikultajiet għas-Suq Intern.

Indirizzar tal-problemi

Il-Kummissjoni bi ħsiebha żżid l-attivitajiet tagħha biex tgħin biex is-sistemi fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar kompatibbli, u tipproponi miżuri konkreti biex tipprevjeni jew tneħħi l-problemi fiskali għaċ-ċittadini tal-UE. Il-Komunikazzjoni tippreżenta għadd ta' inizjattivi f'dan il-qasam. Dawn jinkludu:

  • Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-2011, li teżamina l-estenżjoni u l-gravità ta' din il-probema madwar l-UE, segwita bi proposti leġiżlattivi fl-2012, li jipproponu soluzzjonijiet.

  • Proposti f'nofs 2011 biex jiġu indirizzati l-problemi fiskali f'każijiet ta' wirt transkonfinali.

  • Miżuri biex tispiċċa t-tassazzjoni doppja li tista' tinħoloq meta karozza li tkun irreġistrata fi Stat Membru tittieħed fi Stat Membru ieħor fejn terġa' tiġi rreġistrata.

  • Estenżjoni tas-sistema ta' "one-stop-shop" għall-Kummerċ-e, ħalli l-obbligi ta' rappurtar tan-negozji jsiru aktar sempliċi u jsir aktar faċli għalihom li joffru affarijiet u servizzi onlajn għal konsumaturi barranin. L-ostakli għall-Kummerċ-e ser ukoll jiġu indirizzati fi ħdan l-analiżi tas-Sistema tal-VAT tal-UE li issa nfetħet konsultazzjoni dwarha (ara IP/10/1633).

  • Proposti f'nofs 2011 biex jissolvew il-problemi relatati mat-tassazzjoni fuq ħlas transkonfinali tad-dividendi.

Barra minn dan, il-Kummissjoni bi ħsiebha tħeġġeġ djalogu wiesa' fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati ħalli tara x'jista' jsir aktar biex jiġu ssimplifkati l-miżuri fiskali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u s-Suq Intern. Fost l-ideat hemm l-istandardizzazzjoni tal-formuli tar-riklamazzjoni lura u d-dikjarazzjonijet tat-taxxa, punt tal-informazzjoni uniku minn fejn il-ħaddiema u l-investituri jkun jistgħu jiksbu informazzjoni ċara u affidabbli dwar it-taxxa u miżuri fiskali speċjali fil-livell nazzjonali ħalli jitqiesu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema mobbli u transkonfinali.

Il-Kummissjoni ser tagħti r-reazzjonijiet tagħha dwar il-progress fl-indirizzar tal-problemi fiskali transkonfinali fir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza fl-2013 (ara IP/10/1390).

Għal aktar tagħrif, ara: http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website