Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tnaqqis tal-emissjonijiet minn trasport bil-baħar: Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni jippreżenta xi għażliet

European Commission - IP/10/1747   20/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1747

Brussell, l-20 ta' Diċembru 2010

Tnaqqis tal-emissjonijiet minn trasport bil-baħar: Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni jippreżenta xi għażliet

It-trasport marittimu ikkawża 4 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 li jirriżultaw mill-bniedem, li jirrendi l-marka tal-karbonju tiegħu kważi għolja daqs tal-Ġermanja. Għad m'hemm ebda regolazzjoni tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu internazzjonali, però din qed tiġi diskussa attwalment fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u fil-Konferenza tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (GHG), it-trasport bil-baħar huwa l-iktar tip ta’ trasport li jibża' għall-ambjent. Madankollu, jekk ma tittieħed ebda azzjoni, huwa stmat li l-emissjonijiet minn bastimenti se jiżdiedu b'150-200 % sal-2050. Bħalissa, madwar 50,000 bastiment tal-merkanzija jittrasportaw 90 % tal-oġġetti globali u jrendu t-trasport marittimu indispensabbli għall-ekonomija dinjija. Rapport ippubblikat illum miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdi l-ewwel analiżi komprensiva tal-metodoloġiji biex jiġu stmati l-emissjonijiet fl-arja mit-trasport bil-baħar, jiddeskrivi soluzzjonijiet teknoloġiċi, u janalizza għażliet ta' politika għal tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-tniġġis tal-arja f'dan is-settur.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire-Geoghegan-Quinn qalet: "Dan ir-rapport tal-JRC jispjega għaliex it-tniġġis mit-trasport bil-baħar, bħal ħafna sorsijiet oħra, jeħtieġ li jitnaqqas kemm biex jgħin fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, kif ukoll biex tiġi evitata ħsara serja għal saħħet il-bniedem. Jiddiskuti wkoll għażliet dwar kif l-innovazzjoni teknoloġika flimkien mal-politiki bbażati fuq is-suq jistgħu jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ. Dan l-istudju huwa wkoll eżempju perfett ta' kif il-ħidma xjentifika mwettqa miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni tista' tgħin biex tidderieġi l-progress politiku lejn l-Innovazzjoni għall-Unjoni tal-UE u l-għanijiet tal-Ewropa 2020".

Għalkemm it-trasport marittimu għandu l-inqas proporzjon ta' emissjonijiet ta' CO2 kull kilometru għal kull tunnellata trasportata meta mqabbel ma' tipi oħra ta' trasport, l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra (GHG) huma mistennija jiżdiedu mil-livelli attwali ta' 1 gigatunnellata kull sena, b'żieda stmata ta’ 150-200% matul l-erba’ deċennji li ġejjin.

Barra minn hekk, is-settur tat-trasport bil-baħar huwa sors tat-tniġġis tal-arja. Jekk ma jittieħdux miżuri, it-tniġġis tal-arja fir-rotot prinċipali tat-trasport bil-baħar se jiżdied minħabba żieda stmata ta’ 10-20 % fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit matul is-sentejn li jmiss. Iż-żejt tal-fjuwil tal-baħar għandu kontenut għoli ħafna tal-kubrit li jvarja minn medja globali ta' minn 27 000 ppm (partijiet għal kull miljun) sa 10 000 ppm f'Żoni ta' Kontroll għall-Emissjonijiet tal-Kubrit (Sulphur Emission Control Areas - SECAs).

Madankollu, bil-ftehim il-ġdid għall-bastimenti tal-IMO fis-SECAS tal-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana, dawn se jkollhom jużaw fjuwil li fih 0.1% biss ta' Kubrit sal-2015, kif inhu diġà l-każ fil-portijiet tal-UE minħabba l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Hemm potenzjal sinifikanti biex jitrażżnu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport bil-baħar. Is-soluzzjonijiet tekniċi biex jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil, it-tniġġis tal-arja u l-gassijiet serra huma diġà disponibbli u jvarjaw minn disinn, propulsjoni u makkinarju tal-bastimenti aħjar biex l-operazzjoni tiġi ottimizzata. Dan ir-Rapport ta' Referenza ġdid tal-JRC jikkontribwixxi biex jitkattar l-għarfien tal-impatti ambjentali tat-trasport bil-baħar madwar id-dinja kollha, inkluż fuq is-saħħa. Janalizza l-kwistjonijiet metodoloġiċi mqajma fil-komunità xjentifika dwar il-valutazzjoni tal-impatti tas-settur marittimu fuq l-ambjent, u jidentifika nuqqasijiet f'sorsi affidabbli u komprensivi ta' informazzjoni. Tingħata wkoll valutazzjoni dettaljata tal-effiċjenza tal-kost u l-potenzjal tat-trażżin ta' kull għażla teknoloġika deskritta fir-rapport.

Madankollu, biex jinkiseb titjib sinifikanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-tniġġis tal-arja, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi (relatati ma' fjuwil u magni) għandhom ikunu supplimentati minn miżuri oħrajn. Għażliet ibbażati fuq is-suq li jindirizzaw miżuri kemm reġjonali kif ukoll globali għandhom ukoll jiġu investigati. Ir-rapport janalizza kif wieħed jista' juża l-introduzzjoni ta' politiki bbażati fuq is-suq, bħall-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-gassijiet serra (ETS) għas-settur tat-trasport bil-baħar fuq livell internazzjonali.

Fil-qosor, dan ir-Rapport ta' Referenza tal-JRC jipprovdi l-ewwel qafas komprensiv li fih tiġi definita strateġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja minn bastimenti, u jipprovdi l-għodod analitiċi biex jgħinu fil-bini tar-rotta lejn politiki effikaċi.

Rapporti ta' Referenza tal-JRC

Ir-Rapporti ta' Referenza tal-JRC jirrappreżentaw l-opinjoni tal-JRC dwar suġġett li fih il-JRC għandu speċjalizzazzjoni rikonoxxuta. Jipprovdu referenza għal dawk li jfasslu l-politika, il-komunità ta' riċerka, il-partijiet interessati u l-udjenza infurmata iżda mhix speċjalizzata. Ir-Rapporti ta' Referenza tal-JRC jimmirraw lejn l-istabbiliment ta’ sitwazzjoni attwali ta' għarfien f'oqsma speċifiċi ta' investigazzjonijiet xjentifiċi jew f'valutazzjonijiet ta' politika.

Il-pożizzjoni legali dwar l-emissjonijiet mit-trasport tal-baħar

L-Istrateġija Europa 2020 tinkludi, bħala mira ewlenija għall-2020, l-impenn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 jew bi 30 %, jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin. L-ambitu ta’ dan l-impenn huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija tal-UE. Skont din il-leġiżlazzjoni, is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dawn it-tnaqqisiet tal-emissjonijiet, inklużi s-setturi tat-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni internazzjonali. Fil-każ li ma jiġi approvat ebda ftehim internazzjonali li jinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fil-miri ta' tnaqqis tagħha mill-Komunità sal-2011, il-Kummissjoni għandha tinkludi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali fl-impenn ta' tnaqqis tal-Komunità, bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ sal-2013.

http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/docs/2012_clima_001_greenhouse_maritime_transport_en.pdf

http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/roadmaps_2011_en.htm#clim_act

Għal aktar tagħrif:

Biex tniżżel ir-Rapport ta' Referenza tal-JRC "Regolazzjoni tal-emissjonijiet fl-arja mit-trasport bil-baħar: l-ogħla livell ta' metodoloġiji, teknoloġiji, u għażliet ta' politika", jekk jogħġbok ara: http://www.jrc.ec.europa.eu/rr

Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet tal-JRC relatati mal-kwalità tal-arja u t-tibdil fil-klima, jekk jogħġbok ara: http://ies.jrc.ec.europa.eu/

Għal aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar emissjonijiet mit-trasport bil-baħar, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/environment/air/transport/ships_directive.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu, jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/transport/maritime/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website