Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejn interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej

European Commission - IP/10/1734   16/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1734

Brussell, 16 ta’ Diċembru 2010

Lejn interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat inizjattiva biex tħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE jimmassimizzaw il-potenzjal soċjali u ekonomiku tagħhom tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. L-għan tal-Komunikazzjoni "Lejn interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej" hu li tistabbilixxi approċċ komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, li tgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jiggwadanjaw bis-sħiħ mis-Suq Uniku tal-UE. Ħafna drabi, l-użu sħiħ mis-Suq Uniku Ewropew jobbliga liċ-ċittadini jibagħtu jew jiġbru informazzjoni jew dokumenti li jkollhom bżonn biex jaħdmu, jistudjaw jew jivvjaġġaw fl-UE u jibagħtuhom lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fi Stat Membru ieħor. In-negozji jħabbtu wiċċhom mal-istess realtà. Għalhekk hu vitali li l-amministrazzjonijiet jagħtu servizzi transkonfinali tal-Gvern-e li jkunu effikaċi u effiċjenti, kif rifless fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern-e li għadha kif adottat il-Kummissjoni (ara IP/10/1718), skont l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-ħtieġa għal interoperabbiltà effikaċi hija parti ċentrali tal-Aġenda Diġitali, waħda mill-inizjattivi kruċjali fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tintroduċi kemm l-Istrateġija Ewropea ta' Interopreabbiltà kif ukoll il-Qafas Ewropew ta' Interoperabbiltà, li għandhom iservu ta' gwida għall-politika tal-ICT għall-korpi pubbliċi madwar l-Unjoni.

Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni qal: "L-Unjoni Ewropea hija dwar il-kooperazzjoni biex jinħoloq ambjent li fih iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jiżviluppaw. L-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej għandhom iwittu t-triq billi jaħdmu flimkien. Dan ma jistax isir jekk ma jkunx hemm interoperabbiltà reali u effikaċi bejn l-Amministrazzjonijiet Pubbliċi fil-livelli kollha."

L-isfidi tas-servizzi pubbliċi elettroniċi Ewropej

Iktar u iktar ċittadini u negozji qed jagħmlu użu mil-libertajiet tas-suq uniku Ewropew. Madankollu, ta' spiss iċ-ċittadini jkunu obbligati jikkuntattjaw jew inkella jmorru għand amministrazzjonijiet pubbliċi barra minn pajjiżhom sabiex jibagħtu jew jiġbru informazzjoni jew dokumenti li jkunu jeħtieġu biex jaħdmu, jistudjaw jew jivvjaġġaw fl-UE. L-istess japplika għan-negozji li jridu jistabbilixxu lilhom infushom f'aktar minn Stat Membru wieħed.

Sabiex jegħlbu dawk l-ostakoli (magħrufa bħala "ostakli elettroniċi"), l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa u jikkollaboraw biex jagħtu servizzi pubbliċi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Dan jitlob li tiġi żgurata l-interoperabbiltà fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Bosta amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri diġà qed jieħdu passi biex itejbu l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda sakemm l-Istati Membri u l-Kummissjoni mhumiex se jaħdmu flimkien, l-interoperabbiltà fl-UE se tibqa' lura. Għalhekk, il-Kummissjoni matul dawn l-aħħar snin fasslet strateġija komuni u bniet qafas komuni mal-Istati Membri.

Is-servizzi pubbliċi Ewropej spiss se jkunu r-riżultat ta' servizzi pubbliċi eżistenti aggregati, li jingħataw f'diversi livelli tal-gvern fl-Istati Membri. It-twaqqif ta' servizzi pubbliċi Ewropej se jkun fattibbli biss jekk dawk is-servizzi pubbliċi jkunu ddisinnjati b'tali mod li jitqiesu r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà.

Lejn interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej

Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tadotta Komunikazzjoni li tintroduċi Strateġija ta' Interoperabbiltà Ewropea (EIS) u Qafas ta' Interoperabbiltà Ewropea (EIF), żewġ dokumenti ewlenin li jippromwovu l-interoperabbiltà fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Il-benefiċjarji diretti ta' din l-azzjoni huma l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni Eworpea li se jiggwadanjaw f'termini ta' effikaċja meta jiġu stabbiliti s-servizzi pubbliċi Ewropej u se jkunu iktar konxji tar-riskju li joħolqu ostakli elettroniċi ġodda li kieku kellhom imorru għal soluzzjonijiet tas-servizzi pubbliċi li mhumiex interoperabbli fil-livell tal-UE. Iċ-ċittadini u n-negozji se jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi Ewropej aħjar fil-ħajja tagħhom ta' kuljum meta jkunu jridu jestendu x-xogħol jew l-attivitajiet ta' divertiment tagħhom lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi domestiċi tagħhom.

Kemm l-EIS u kemm l-EIF jirrikonoxxu li l-interoperabbiltà għandha bosta dimensjonijiet: legali, organizzazzjonali, semantiċi u tekniċi. Kollha huma importanti, imma bis-saħħa tal-Internet u x-xogħol li jsir mill-korpi tal-istandardizzazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn, diġà sar progress sinifikanti fil-qasam tal-interoperabbiltà teknika u b'hekk qiegħed tiġi żgurata l-kompatibbiltà, il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid u t-trawwim tal-kompetizzjoni.

L-Istrateġija ta' Interoperabbiltà Ewropea se tgħin biex tiffoka l-isforzi tal-UE permezz ta' organizzazzjoni xierqa ta' governanza u politiki u inizjattivi komuni biex joħloq l-ambjent għal skambju ta' informazzjoni ta' fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Il-Qafas ta' Interoperabbiltà Ewropea jwitti t-triq għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE sabiex jużaw approċċ komuni billi jadottaw prinċipji ta' gwida li jagħtu lok għal kollaborazzjoni ġenwina bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li jimmodernizzaw u jirrazzjonalizzaw is-sistemi tagħhom biex iżidu, b'mod kosteffikaċi il-ħila tagħhom li jipprovdu servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja.

Il-Kummissjoni Ewropa tistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li l-isforzi differenti tagħhom biex jiksbu l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi jkunu allinjati u jqisu id-dimensjoni Ewropea fi stadju bikri fl-iżvilupp ta' kwalunkwe servizz pubbliku li jista' jibda jagħmel parti mis-servizzi pubbliċi Ewropej fil-ġejjieni.

Sabiex tkun iffaċilitata din il-kollaborazzjoni, ġie propost mudell kunċettwali ġdid fjamant għas-servizzi pubbliċi Ewropej. Dan il-mudell se jippermetti l-identifikazzjoni tal-ostakli u l-faċilitaturi għall-isfruttar ta' dawn is-servizzi fil-ġejjieni.

http://ec.europa.eu/isa/strategy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website