Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1730

Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2010

L-Ambjent: Il-kampanja tal-Kummissjoni favur il-bijodiversità tirbaħ premju internazzjonali

Il-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea li qajmet kuxjenza dwar it-telf tal-bijodiversità rebħet premju prestiġjuż fil-qasam tal-komunikazzjoni, "Premju ta' Eċċellenza Ewropea". Dawn il-premijiet – li jintgħażlu minn ġurija indipendenti komposta minn 30 professjonista ewlenin tal-komunikazzjoni - huma maħsuba biex jagħtu unur lil professjonisti tal-komunikazzjoni għall-kisbiet spettakolari tagħhom. Il-premju jaqa' taħt il-kategorija tal-Ambjent u l-Ekoloġija. Il-kampanja, li tiffoka fuq film virali u s-slowgan "aħna lkoll parti minnha" laħqet miljuni ta' Ewropej madwar il-kontinent, u se tibqa' għaddejja sas-sena d-dieħla.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Ninsab kuntent ħafna nara li din il-kampanja ġibdet daqshekk attenzjoni. It-telf tal-bijodiversità hu waħda mill-iktar problemi serji li qed tħabbat wiċċha magħha d-dinja, u din il-problema mhux xi waħda li tisparixxi kif ġieb u laħaq. Kampanji ta' dan it-tip huma vitali, minħabba li ż-żgħażagħ huma grupp ta' pressjoni importanti ħafna. Se jkunu l-iktar affettwati mit-telf tal-bijodiversità – jiġifieri l-opinjonijiet tagħom ħaqqhom ikunu l-iktar mismugħa.

S'issa, il-kampanja, li għadha għaddejja fil-lingwi kollha tal-UE, kellha suċċess konsiderevoli. Tisħaq in-natura interkonnessa tal-bijodiversità u tenfasizza fuq l-idea ta' telf. Dan il-kunċett qed jiġi vviżwalizzat ċar permezz ta' linji mpinġija madwar il-vittmi f'xi xena ta' delitt. Eluf ta' nies ipparteċipaw f'avvenimenti li kienu qed isiru dak il-ħin stess u ħadu sehem f'attivitajiet prattiċi marbuta mal-bijodiversità. Iktar minn 3.5 miljun ruħ żaru l-websajt (www.weareallinthistogether.eu), u mill-anqas 1.5 miljun ruħ raw il-vidjow virali (http://www.youtube.com/watch?v=drd-Bs4jtf8&feature=related), u hemm iktar minn 55 000 utent attiv tal-applikazzjoni dwar il-bijodiversità fuq il-Facebook, b'madwar 20 000 "ammiratur" tal-paġni tal-kampanja fuq il-Facebook (http://en-gb.facebook.com/apps/application.php?id=346348816000).

Sfond: Il-Premijiet ta' Eċċellenza Ewropej

Il-premijiet ta' Eċċellenza Ewropea huma miftuħa għal professjonisti tal-ġestjoni tar-relazzjonijiet pubbliċi, komunikazzjonijiet, il-ħolqien ta' brands, u r-reputazzjoni minn kumpaniji, konsulenzi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi, li x-xogħol tagħhom issarraf f'talent u ħila eċċezzjonali matul l-2010. Din is-sena kien hemm 1400 sottomissjoni fil-kategoriji kollha, b'ħames films ġew innominati taħt il-kategorija tal-ambjent. Il-ġurija hija komposta minn bord u komunikaturi ta' esperjenza li jaqgħu fil-livell ta' ġestjoni u li huma ġejjin minn kumpaniji tal-PR, kumpaniji multinazzjonali, universitajiet u kelliema tal-gvern.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website