Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-UE tappoġġja l-projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali tat-tonn tal-Atlantiku

European Commission - IP/10/172   22/02/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/172

Brussell, it-22 ta' Frar 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-UE tappoġġja l-projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali tat-tonn tal-Atlantiku

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-Unjoni Ewropea tagħmel pressjoni biex sa żmien sena tidħol fis-seħħ projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali tat-tonn tal-Atlaniku. Il-Kummissjoni hija mħassba ferm dwar kif is-sajd eċċessiv tat-tonn tal-Atlantiku, xprunat l-aktar mill-kummerċ internazzjonali, qiegħed ixejjen b'mod mill-aktar serju l-istokkijiet ta' din l-ispeċi. Il-proposta se tiġi diskussa mal-Istati Membri sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni tal-UE għal-laqgħa li jmiss tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet Ipperikolati (CITES), li se ssir f'Doha, il-Qatar, mit-13 sal-25 ta' Marzu 2010.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: " Hija r-responsabbiltà tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni li nieħdu azzjoni deċiżiva quddiem il-probabbiltà kbira li speċi tisparixxi għal dejjem. Huwa dmirna li nippreżervaw il-kapital naturali tagħna. Billi hemm riskju għoli li t-tonn tal-Atlaniku jisparixxi għal dejjem, ma fadlilniex għażla oħra ħlief li naġixxu minn issa, u nipproponu projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali."

Il-Kummisarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, żiedet tgħid: "L-għan tagħna huwa li niżguraw ġejjieni vjabbli għas-sajjieda. Dan jitlob stokkijiet b'saħħithom tat-tonn, u huwa ċar għal kulħadd li s-sajd eċċessiv assolutament mhuwiex it-triq li għandna nsegwu. Parti importanti mis-soluzzjoni li qed nipproponu llum hija arranġament speċjali għall-bastimenti tas-sajd artiġjanali."

Il-Kummissjoni hija mħassba ferm dwar l-istatus dgħajjef ta' konservazzjoni tat-tonn tal-Atlantiku, u tagħraf li d-domanda għalih qed tiġi xprunata l-aktar mill-kummerċ internazzjonali.

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) ħadet għadd ta' passi biex tindirizza din is-sitwazzjoni mill-2006 'l hawn, il-Kummissjoni, abbażi tal-aħħar dejta xjentifika disponibbli, tqis li t-tonn tal-Atlantiku għandu jiġi elenkat fl-Appendiċi I tal-konvenzjoni CITES.

L-Appendiċi I tiġbor l-ispeċijiet f'periklu ta' estinzjoni, li l-kummerċ tagħhom għandu jkun soġġett għal regolamentazzjoni mill-aktar stretta, u awtorizzat biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali. L-elenkar tat-tonn tal-Atlantiku fl-Appendiċi I ikun ifisser projbizzjoni internazzjonali tal-kummerċ internazzjonali ta' din il-ħuta.

Madankollu, il-Kummissjoni tipproponi li dan l-elenkar ma jidħolx fis-seħħ minnufih. Il-laqgħa tas-CITES f'Doha għandha tindika li d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-elenkar ikollu jiġi deċiż mill-Kumitat Permanenti tas-CITES fi żmien sena. Il-Kumitat Permanenti jkollu jsejjes id-deċiżjoni tiegħu fuq l-aħħar tagħrif xjentifiku disponibbli dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet, filwaqt li jivverifika kemm hi xierqa kull miżura adottata mill-ICCAT meta tiltaqa' f'Novembru 2010.

Jekk il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni se tiżgura li l-azjendi tas-sajd artiġjanali jkunu awtorizzati li jipprovdu lis-suq tal-UE bil-qabdiet li jkunu ġejjin minn ilmijiet domestiċi tal-Istati Membri.

Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/environment/cites/home_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website