Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1729

Brussels, is-16 ta’ Diċembru 2010

L-UE tindirizza l-ġlieda kontra l-faqar bħala prijorità fost l-għanijiet għall-impjiegi u t-tkabbir

Aktar minn 80 miljun persuna fl-UE għadhom qed jgħixu fir-riskju tal-faqar u kwart minn dawn iċ-ċittadini huma tfal. Il-kriżi ekonomika ggravat din is-sitwazzjoni u esponiet il-gruppi vulnerabbli iktar minn qabel. Hekk kif is-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali qed tasal fit-tmiem, l-UE għandha tkompli żżid l-isforzi tagħha għad-deċenju li ġej f'din il-kwistjoni ewlenija. Huwa essenzjali għat-tkabbir sostenibbli u inklussiv li l-gruppi vulnerabbli jinġiebu fil-qalba tas-soċjetajiet u s-swieq tax-xogħol tagħna. It-tnaqqis tal-faqar huwa l-ixprun għal dan it-tkabbir futur. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, il-mexxejja tal-UE diġà stipulaw, għall-ewwel darba, mira numerika konkreta biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali b'mill-inqas 20 miljun sal-2020. Il-komunikazzjoni tal-lum, 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali' tistipula modi kif l-Istati Membri jistgħu jiġu megħjuna jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Il-pajjiżi diġà stabbilixxew il-miri nazzjonali ambizzjużi tagħhom u qed jirrappurtaw kull sena dwar il-progress tagħhom. Il-Kummissjoni se tappoġġa dawn l-isforzi, billi timmobilizza, fost oħrajn, il-politiki bħall-protezzjoni soċjali, l-impjiegi u l-edukazzjoni, kif ukoll il-finanzjament tal-UE. Se tippromowovi wkoll sħubijiet ġodda u modi ġodda biex jiġi miġġieled il-faqar permezz tal-innovazzjoni soċjali biex jiġu ttestjati ideat politiċi ġodda.

Huwa u jkellem lill-ġurnalisti fit-tnedija tal-inizjattiva ewlenija il-ġdida dwar il-faqar, László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "It-tnaqqis tal-faqar huwa neċessità ekonomika. Bil-miljuni ta' nies li għadhom jgħixu fil-marġini tas-soċjetà qegħdin naħlu parti kbira mir-riżorsi umani tagħna. It-tfal, iż-żgħażagħ, il-migranti, l-anzjani u l-gruppi vulnerabbli oħra għandhom bżonn attenzjoni partikolari." Huwa żied "Jiena konvint li l-inizjattiva ewlenija tal-Pjattaforma se tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira fuq livell tal-UE billi tagħti spinta għas-sejbien ta' soluzzjonijiet innovattivi u kosteffettivi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali".

Bħala waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija tal-UE Ewropa 2020, il-komunikazzjoni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Eskulżjoni Soċjali tistabbilixxi azzjonijiet li jsaħħu l-ħidma fuq kull livell biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE tat-tnaqqis tal-faqar. Din tikkumplimenta u hija marbuta ħafna mal-proġetti ewlenin l-oħra li jiffukaw fuq iż-żieda tal-impjiegi u t-titjib tal-edukazzjoni u tal-ħiliet.

Il-komunikazzjoni tal-lum tqis kemm l-isforzi li qed tiffaċċja l-Ewropa attwalment fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll in-natura dejjem tinbidel tal-faqar. Il-komunikazzjoni tidentifika wkoll il-ħtieġa globali li jsiru azzjonijiet kontra l-faqar fil-firxa kollha tal-politika bħal pereżempju: il-prevenzjoni tat-trasmissjoni tal-faqar tul il-ġenerazzjonijiet u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal; l-użu tal-impjiegi bħala mod kif wieħed joħroġ mill-faqar permezz ta' strateġiji ta' inklużjoni attivi; u t-tisħiħ tal-isforzi biex jiġu integrati l-gruppi tal-minorità bħall-poplu Roma, kemm soċjalment kif ukoll ekonomikament.

L-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Għandhom jiddeskrivu l-inizjattivi tagħhom fir-rapporti Nazzjonali dwar l-istrateġija Ewropa 2020, bħala kontributi biex iwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kummissjoni se tevalwa dawn l-azzjonijiet u tistabbilixxi l-aħjar prassi.

L-azzjonijiet ewlenin fil-Pjattaforma jinkludu:

  • Il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-politika soċjali. It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni għas-sejbien ta' soluzzjonijiet intelliġenti fl-Ewropa ta' wara l-kriżi, b'mod partikolari f'termini ta' sostenn soċjali aktar effettiv u effiċjenti. Dan ifisser il-promozzjoni ta' innovazzjoni bbażata fuq l-evidenza fil-politika soċjali, fejn l-użu ta' metodi bbażati fuq l-evidenza jittestja u jivvaluta l-bidla fil-politika. Pereżempju, l-ittestjar ta' modi differenti għad-distribuzzjoni jew il-ġestjoni ta' benefiċċji eżistenti fuq gruppi speċifiċi.

  • Fil-livell tal-UE. L-aħjar użu tal-Fondi kollha tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, għas-sostenn tal-obbjettivi tal-inklużjoni soċjali u l-proposta li l-politika soċjali tkun prijorità fil-finanzjament tal-UE fil-ġejjieni. Il-Faċilità Mikrofinanzjarja l-ġdida se tkun lesta għall-użu fil-bidu tal-2011 u għandha l-għan li tgħin lill-gruppi vulnerabbli biex ikollhom aċċess għal self biex iwaqqfu n-negozju tagħhom.

  • Li l-protezzjoni soċjali u s-servizzi jsiru aktar effettivi u jirreaġixxu aħjar għall-ħtiġijiet soċjali ġodda. Il-Kummissjoni se tippubblika White Paper fl-2011 biex tindirizza s-sikurezza, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. L-azzjonijiet marbuta mal-kwalità tas-servizzi soċjali, l-inugwaljanzi fis-saħħa u l-esklużjoni mid-djar huma ppjanati wkoll u l-2012 se tkun is-Sena Ewropea tax-Xjuħija Attiva.

  • Il-kisba ta' medda aktar wiesgħa ta' msieħba għall-ġlieda kontra l-esklużjoni. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi linji gwida volontarji dwar l-involviment tal-partijiet interessati fid-definizzjoni, it-tfassil u t-twettiq tal-azzjonijiet għat-tnaqqis tal-faqar li għandhom jitwettqu fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

Aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar il-'Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali':

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6393&langId=en

'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali': Taqsira għall-Pubbliku:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6394&langId=en

Stħarriġ tal-Ewrobarometru "Il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali" :

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_359_340_en.htm#355

Ara wkoll: MEMO/10/687


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website