Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1726

Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Reviżjoni turi interess qawwi min-naħa tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u appoġġ min-naħa tal-gvernijiet fir-rigward tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjonijiet bħala għajnuna għall-anzjani

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rapport dwar il-progress tal-programm konġunt għal Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living) (AAL JP li jindika b’mod partikolari livelli għoljin ħafna ta’ involviment min-naħa tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) f’proġetti, livelli għoljin ta’ appoġġ finanzjarju min-naħa tal-pajjiżi parteċipanti kif ukoll jippreżenta rakkomandazzjonijiet biex ikunu żgurati riżultati pożittivi. Dan il-programm ta’ finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp li jqum €600 miljun jinvolvi 23 pajjiż flimkien mal-UE fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini anzjani permezz ta’ soluzzjonijiet intelliġenti bbażati fuq l-ICT. Ir-rapport huwa indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri u jirrappreżenta pass importanti lejn t-titsħiħ tal-AAL JP, waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-AAL JP jista’ jagħti kontribut importanti lill-proġett pilota li ġej - Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u f'Saħħitha għall-Anzjani (ara IP/10/1609).

Neelie Kroes, Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali qalet "Ninsab kuntenta li kif jidher mill-impeniji finanzjarji tagħhom, il-pajjiżi parteċipanti jqisu lill-programm konġunt tal-Għixin Mgħejun Kontestwalment bħala strument importanti biex tiġi ttrattata l-isfida tax-xjuħija demografika. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet huma kruċjali għat-titjib f’ħajjet iċ-ċittadini anzjani tal-Ewropa li qegħdin jiżdiedu. Il-programm AAL juri kif, meta aħna ngħaqqdu r-riżorsi tagħna, l-UE tista' tikseb ħafna aktar f’dan il-qasam importanti milli Stat Membru jkun qatt jista’ jagħmel fil-livell individwali".

L-ewwel evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm konġunt AAL hija bbażata fuq il-konklużjonjiet (li ukoll inħarġu llum) ta’ panel ta’ livell għoli ppresedut minn Meglena Kuneva li qabel kienet Kummissarju Ewropew, li analizza l-AAL JP fil-kuntest aktar mifrux tal-innovazzjoni b’reazzjoni għall-isfidi demografiċi.

Ir-rapport indika li l-programm konġunt kien ta’ suċċess kbir minħabba li għaqqad flimkien it-23 pajjiż parteċipanti biex jiffokaw fuq sfida tas-soċjetà urġenti kif ukoll għax issodisfa l-lakuna li kien hemm bejn ir-riċerka avvanzata u l-iskjerament tas-soluzzjonijiet fis-suq u fuq skala kbira għal ħajja attiva u indipendenti. Is-suċċess tal-AAL JP huwa mtejjeb ukoll minħabba l-livell sostanzjali ta’ investiment finanzjarju mill-pajjiżi parteċipanti. Fl-2009 dan kien kien ta’ 50 % aktar mil-livell minimu li kien previst oriġinarjament. Indikatur ieħor tas-suċċess ta’ importanza kbira hija l-parteċipazzjoni qawwija ħafna tal-SMEs fil-konsorzji tal-proġett ('il fuq minn 40 %).

Soluzzjonijiet ġodda

Il-programm jiżviluppa soluzzjonijiet ġodda li fi żmien sentejn jew tlieta se jkunu lesti għall-użu fis-suq. Aktar minn 50 proġett ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tal-mard kroniku u tal-interazzjoni soċjali tal-anzjani ilhom li tnedew mill-2008. Eżempji jinkludu robots li jwettqu faċendi tad-dar filwaqt li dan jgħinhom jibqgħu involuti fil-madwar soċjali tagħhom u ambjenti intelliġenti fid-dar ('smart home') li jwieġbu għall-movimenti u l-imġiba tal-abitanti tagħhom biex jiffaċilitawlhom ħajjithom.

Sabiex ir-riżultat pożittiv tal-programm ikun massimizzat, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-involviment aktar mill-qrib u aktar bis-sens tal-utenti finali meta jkunu qed jitfasslu s-soluzzjonijiet. Regoli dwar l-eliġibbiltà u dwar il-finanzjament aktar konsistenti għandhom ukoll inaqqsu mill-ostakli fit-tħaddim u mid-dewmien li kultant jaffettwaw il-progress bla xkiel tal-proġetti. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tistabbilixxi arranġamenti ta’ finanzjament biex titnaqqas id-distanza bejn il-‘fażi pilota’ u l-iskjerament mifrux fis-suq. Dan jinkludi appoġġ msaħħaħ għall-Forum dwar l-Investiment tal-programm AAL, u billi jittieħed inkonsiderazzjoni l-kontribut possibbli tal-AAL JP għall-proġett pilota Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u f'Saħħitha għall-Anzjani. Il-Partenarjat pilota, imħabbar bl-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni, se jindirizza l-ostakli għall-iskjerament fuq skala kbira ta’ innovazzjoni li twieġeb għall-isfidi tax-xkjuħija demografika (ara IP/10/1609).

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll ir-rabtiet bejn l-AAL JP, il-programmi l-oħra tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-UE u s-Sena 2012 tal-Ħajja Attiva għall-Anzjani u s-Solidarjetà Interġenerazzjonali.

Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni issa se tiddiskuti mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-UE il passi li jmiss għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet proposti u t-tkomplija tal-programm lil hinn mid-data tal-iskadenza oriġinali tal-2013.

Il-Kuntest

L-AAL JP jgħaqqad flimkien 20 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit), tliet pajjiżi assoċjati (l-Iżrael, in-Norveġja u l-Isvizzera) u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-programm jagħti appoġġ lis-soluzzjonijiet ffaċilitati mill-ICT għal xjuħija tajba li jistgħu joħorġu fis-suq fi żmien sentejn jew tliet snin u li huma kummerċjalment vijabbli. Dan iġib opportunitijiet ġodda ta' negozju u tnaqqis kbir fl-ispiża soċjali u tal-kura tas-saħħa. Pereżempju, is-soluzzjonijiet telecare jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tas-servizzi tal-kura bi 30 %.

Is-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa qed jinvestu aktar minn € 1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni għal xjuħija tajba: madwar € 600 miljun fil-programm konġunt AAL (AAL JP), madwar € 400 miljun fil-Programm kwadru tar-riċerka tal-UE u s'issa ġiet investita s-somma ta' iktar minn € 50 miljun fil-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT tal-UE.

Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-programm Għajxien Megħjun Kontestwalment tirriżulta mill-pjan ta' azzjoni tal-2007 dwar "Ħajja tajba għall-Anzjani fis-Soċjetà tal-Informazzjoni" (ara IP/07/831). L-għan huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-riċerka permezz ta' fondi korrispondenti tal-UE.

Ir-rapport tal-Kummissjoni, u r-rapport ta’ evalwazzjoni mill-panel ta’ livell għoli, huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/research/aal/interim_review/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website