Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Commission Européenne - IP/10/1720   15/12/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1720

Brussell, is-15 ta’ Diċembru 2010

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Il-Kummissjoni Ewropeaj tilqa' b'mod pożittiv il-ftehim li ntlaħaq illum dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li għall-ewwel darba se tippermetti liċ-ċittadini li jissuġġerixxu b'mod dirett leġiżlazzjoni ġdida tal-UE. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) hija innovazzjoni li tinsab fit-Trattat ta' Lisbona, u se tippermetti lil tal-anqas miljun ċittadin minn tal-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE li jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti leġiżlattivi f'oqsma fejn il-Kummissjoni jkollha l-poter li tagħmel dan. L-organizzaturi ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini, li jkun kumitat ta' ċittadini magħmul minn tal-anqas seba' ċittadini li jkunu residenti tal-anqas f'seba' Stati Membri differenti, se jkollhom sena żmien biex jiġbru l-firem u l-Kummissjoni se jkollha tliet xhur biex teżamina inizjattiva u tiddeċiedi kif se taġixxi dwarha. Fuq talba tal-Kunsill, il-leġiżlazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej se tibda tapplika sena biss wara li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, li jfisser li l-ewwel inizjattivi jistgħu jibdew jiġu kkunsidrati minn kmieni fl-2012 'l quddiem.

"Ninsab ferħan li l-Parlament u l-Kunsill irnexxielhom jilħqu ftehim daqshekk malajr dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadin," qal Maroš Šefčovič, Viċi President għar-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-amministrazzjoni. "L-IĊE se ddaħħal forma għal kollox ġdida ta' demokrazija parteċipattiva fl-UE. Hija pass maġġuri 'l quddiem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Huwa eżempju konkret ta' kif l-Ewropa titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha. Kif ukoll se sseddaq dibattitu, li jmur lil hinn mill-konfini nazzjonali, dwar dak li aħna qed nagħmlu fi Brussell u għalhekk jikkontribwixxi, aħna nittamaw, għall-iżvilupp ta' spazju pubbliku reali Ewropew."

X'forma se tieħu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini?

Inizjattiva trid tkun appoġġjata minn tal-anqas miljun ċittadin minn tal-anqas kwart tal-Istati Membri. F'kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, l-għadd minimu ta' firem meħtieġa jkun ikkalkolat billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew minn dak il-pajjiż b'fattur ta' 750. L-età minima ta' min jiffirma tkun dik l-età li fiha n-nies ikunu intitolati jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-inizjattivi proposti jridu jkunu rreġistrati fuq reġistru onlajn imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni - ir-reġistrazzjoni tkun tista' tiġi rrifjutata jekk l-inizjattiva tkun b'mod ċar kontra l-valuri fundamentali tal-UE jew b'mod ċar tkun taqa' 'l barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tipproponi l-att legali rikjest. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jinġabru fuq il-karta jew inkella onlajn, u l-organizzaturi se jkollhom sena żmien biex jiġbru l-firem meħtieġa wara li l-Kummissjoni tkun ikkonfermat ir-reġistrazzjoni tal-proposta. Sabiex jiġi ffaċilitat u salvagwardat il-ġbir onlajn tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, il-Kummissjoni se tiżviluppa standards tekniċi u tistabbilixxi u tmantni software tat-tip open source, li jkun disponibbli b'xejn.

Kif se taġixxi l-Kummissjoni meta jkollha quddiemha inizjattiva?

Meta jkunu nġabru l-firem, u wara li dawn ikunu ġew ivverifikati mill-Istati Membri, l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni. Minn dak il-mument 'il quddiem, il-Kummissjoni se jkollha tliet xhur biex teżamina t-talba li tkun saret miċ-ċittadini. Sadanittant, l-organizzaturi jintlaqgħu mill-Kummissjoni u se jkollhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom waqt seduta pubblika organizzata mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni mbagħad, f'dokument pubbliku, tippubblika l-konklużjonijiet tagħha dwar l-inizjattiva u l-azzjoni, jekk ikun il-każ, li tkun beħsiebha tieħu u tispjega l-motivazzjonijiet tagħha.

Salvagwardji

Il-ftehim għandu l-għan li jiżgura li l-proċeduri għat-tnedija ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini jkunu sempliċi, li wieħed ikun jista' jifhimhom bla tbatija, kif ukoll li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, u m'għandhomx ikunu ta' piż żejjed għall-awtoritajiet nazzjonali. Huwa importanti li dan l-element ġdid tal-proċess demokratiku jkun kredibbli, jkun wieħed li jassigura bis-sħiħ il-ħtieġa ta' protezzjoni tad-dejta, u m'għandux ikun miftuħ għall-abbuż jew għall-frodi. Filwaqt li ma taffettwax id-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni ta' fejn tidħol leġiżlazzjoni, l-Inizjattiva taċ-Ċittadin se tobbliga lill-Kummissjoni li tagħti kunsiderazzjoni serja għal talba li ssir minn tal-anqas miljun ċittadin.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur il-websajt tal-IĊE:

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/citizens_initiative/index_mt.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site