Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għal aċċess bla xkiel għas-servizzi pubbliċi madwar l-UE kollha

European Commission - IP/10/1718   15/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1718

Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għal aċċess bla xkiel għas-servizzi pubbliċi madwar l-UE kollha

Il-Kummissjoni Ewropea spjegat b'mod ġenerali pjan ambizzjuż li taħdem mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri sabiex jitwessgħu u jittejbu s-servizzi li huma joffru permezz tal-internet. Il-Pjan ta' Azzjoni il-ġdid dwar il-Gvern elettroniku jipprevedi erbgħin miżura speċifika matul il-ħames snin li ġejjin li jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji jużaw il-faċiltajiet online sabiex, pereżempju, jirreġistraw negozju, japplikaw għal benefiċċji tas-siġurtà soċjali u għas-servizzi tas-saħħa u jaċċessawhom, jirreġistraw f'università jew jagħmlu offerti biex jipprovdu oġġetti u servizzi għal amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-promozzjoni tal-Gvern elettroniku tista' tgħin sabiex tingħata spinta 'l quddiem lill-kompetittività tal-Ewropa u sabiex tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi joffru servizzi mtejba b'mod iktar kost-effikaċi fi żmien ta' limitazzjonijiet baġitarji. Din hija r-raġuni għaliex il-parti fundamentali tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li timmira biex iżżid b'50 % l-użu tas-servizzi tal-Gvern elettroniku miċ-ċittadini, u bi 80 % minn negozji sal-2015 (ara IP/10/581, MEMO/10/199 and MEMO/10/200).IL-pjan ta' Azzjoni l-ġdid jibni fuq experjenza miksuba mill-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern elettroniku. (ara IP/06/523)

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Dan il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku se jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi biex jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni sabiex joffru servizzi aħjar b'kost iktar baxx, filwaqt li jagħmlu l-ħajja iktar faċli u aħjar liċ-ċittadini individwali u lin-negozji f'termini ta' aċċess imtejjeb għas-servizzi pubbliċi".

L-għanijiet speċifiċi tal-Aġenda Diġitali jinkludu:

  • li fl-UE jiżdied b'50 % l-użu tas-servizzi tal-Gvern elettroniku miċ-ċittadini, u bi 80 % min-negozji sal-2015, u

  • li jiġi żgurat li għadd ta' servizzi pubbliċi ewlenin ikunu disponibbli online sabiex l-impredituri jkunu jistgħu jistabbilixxu u jmexxu negozju minn kwalunkwe pajjiż fi ħdan l-UE, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom u sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu, jistudjaw, jaħdmu, jabitaw u jirtiraw iktar faċilment fi kwalunkwe pajjiż fi ħdan l-UE.

Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern elettroniku għandu l-għan li jappoġġa t-tranżizzjoni għal ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi tal-Gvern elettroniku, li huma miftuħin, flessibbli u mingħajr intoppi f'livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE. B'mod iktar speċifiku, il-Pjan għandu l-għan li jħaddem is-servizzi b'mod li huwa tajjeb fl-Istati Membri l-oħra tal-UE daqs kemm huwa tajjeb fil-pajjiż tal-oriġini, u li jiftaħ it-triq sabiex iħalli lill-utenti jiffurmaw b'mod attiv is-servizzi pubbliċi online bl-iktar mod addattat għal-ħtiġijiet tagħhom.

Il-Gvernijiet nazzjonali se jkollhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija tal-Kummissjoni hija li ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-iżviluppp tas-servizzi transkonfinali tal-Gvern elettroniku. Dan jinkludi l-istabbiliment ta' prekundizzjonijiet bħall-interoperabbiltà, il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni elettronika.

Il-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni jinġabru f'erba' katergoriji:

  • L-għoti tas-setgħa lill-utent:

  • servizzi mfassla madwar il-ħtiġijiet tal-utenti

  • produzzjoni kollaborattiva tas-servizzi, pereżempju bl-użu tat-teknoloġiji Web 2.0

  • użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (inkluż ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-informazzjoni tas-settur pubbliku – ara IP/10/1103)

  • titjib tat-trasparenza

  • involviment taċ-ċittadini u n-negozji fil-proċessi tat-tfassil tal-politika

  • is-Suq Intern:

  • servizzi bla intoppi għan-negozji

  • mobbiltà personali

  • implimentazzjoni ta' servizzi transkonfinali madwar l-UE kollha

  • Effiċjenza u effikaċja tal-amministrazzjonijiet pubbliċi

  • titjib fil-proċessi organizzazzjonali (pereżempju l-akkwist elettroniku, proċessar iktar veloċi tal-applikazzjoijiet

  • tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

  • Gvern ekoloġiku (pereżempju l-arkivjar elettroniku, l-użu tal-vidjo għall-konferenzi minflok l-ivjaġġar)

  • Stabbiliment ta' prekundizzjoniet għall-iżvilupp tal-Gvern elettroniku

  • speċifikazzjonijiet miftuħin u interoperabbiltà (pereżempju l-applikazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà)

  • forniment ta' strumenti ewlenin (pereżempju reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firem elettroniċi, proposta dwar ir-rikonoxximent reċiproku pan-UE u l-Identifikazzjoni elettronika u l-Awtentikazzjoni elettronika);

Eżempji konkreti tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni jinkludu:

  • l-implimentazzjoni ta' darba waħda biss ta' reġistrazzjoni sikura tad-dejta mal-gvern (sabiex jiġi evitat li tingħata l-istess informazzjoni għall-iktar minn darba lill-partijiet differenti tal-gvern)

  • l-iżvilupp tal-użu ta' identitajiet elettroniċi nazzjonali madwar l-UE kollha ("ID elettronika") għall-proċeduri transkonfinali bla xkiel bħalma huma l-iffurmar ta' kumpanija barra l-pajjiż, il-bdil tad-dar jew tax-xogħol għal barra mill-pajjiż tal-oriġini, aġġustament online tal-pensjoni tiegħek f'każ li tirtira f'pajjiż ieħor, jew ir-reġistrazzjoni fi skola jew università barranija

  • li ċ-ċittadini u n-negozji jaraw il-qagħda tal-progress tat-tranżazzjonijiet tagħhom mal-gvern f'ħin reali grazzi għal sistemi li huma iktar miftuħin u trasparenti

  • Servizzi li huma mfasslin sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet reali tal-utenti, bħalma huwa l-iżgurar ta' konsenja diġitali sikura u veloċi ta' dokumenti u informazzjoni

  • Id-disponibbiltà ta' dejta għall-użu mill-ġdid minn partijiet terzi sabiex is-servizzi u l-applikazzjonijiet pubbliċi ġodda jkunu jistgħu jiġu żviluppati, bħalma huma mapep għal sistemi ta' navigazzjoni jew applikazzjonijiet ta' informazzjoni dwar l-ivjaġġar.

Il-Pjan ta' Azzjoni jibni fuq is-suċċess ta' proġetti pilota fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE fis-servizzi transkonfinali mmexxija mill-proġetti STORK, PEPPOL, SPOCS, u epSOS li għaddejjin bħalissa fl-UE (ara MEMO/10/680), bil-għan li jkun iktar faċli għaċ-ċittadini u għan-negozji li jaċċessaw is-servizzi online madwar l-UE kollha.

Sfond

Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern elettroniku huwa t-tweġibatal-Kummissjoni għas-sejħa tal-Istati Membri għal-politika ta' Gvern elettroniku kondiviż fl-UE, kif deskritt fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malmö dwar il-Gvern elettroniku (IP/09/1738).

Għal aktar tagħrif:

MEMO/10/681

Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern elettroniku 2011-2015

Stqarrija għall-Istampa tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malmö dwar il-Gvern elettroniku

Il-Konferenza dwar il-Gvern elettroniku 'Lift Off Towards Open Government'

Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern elettroniku Pjan ta' Azzjoni 2006-2010:

Aġenda Diġitali għall-Ewropa

STORK – (Secure Identity Across Borders Linked)

PEPPOL – (Pan-European Public Procurement )

SPOCS (Simple Procedures Online for Cross-border Services)

epSOS (Smart Open Services for European Patients)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website