Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1714

Brussell, 14 ta’ Diċembru 2010

Il-privattivi: Il-Kummissjoni tiftaħ it-triq għal xi Stati Membri biex jimxu lejn privattiva unitarja

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta li tiftaħ it-triq għal "kooperazzjoni msaħħa" biex toħloq protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-UE. Din il-protezzjoni tal-privattiva unitarja tippermetti lil dawk l-Istati Membri li xtaqu li jsir qbil dwar l-istabbilment ta' privattiva li tkun valida fil-pajjiżi parteċipanti kollha u li tista' tinkiseb permezz ta' applikazzjoni unika. Fil-preżent il-kisba ta' privattiva fl-Ewropa tiswa għaxar darbiet iżjed minn kemm tiswa fl-Istati Uniti minħabba l-validazzjoni nazzjonali u l-kostijiet tat-traduzzjoni. Din is-sitwazzjoni tiskoraġġixxi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u tagħmel ħsara lill-kompetittività Ewropea. Il-proposti tal-Kummissjoni għal privattiva unika tal-UE ilhom jiġu diskussi għal aktar minn għaxar snin. Iżda minħabba r-regoli tal-lingwa nħolqot sitwazzjoni statika fil-Kunsill. Il-Kummissjoni ppruvat tiżblokka din is-sitwazzjoni permezz tal-proposta tagħha li ħarġet f'Ġunju 2010 dwar ir-rekwiżiti tal-lingwa tal-Privattiva tal-UE (ara IP/10/870). Iżda minħabba l-fatt li l-Kunsill tal-Ministri tal-UE ma rnexxilux jaqbel unanimament dwar ir-rekwiżiti tal-lingwa tal-privattivi tal-UE, il-Kummissjoni issa ressqet proposta li tiftaħ it-triq għall-"kooperazzjoni msaħħa" li għandha tiġi awtorizzata f'dan il-qasam, f'konformità mat-Trattati tal-UE.

"L-applikazzjoni għall-privattivi fl-Ewropa hija proċedura li tiswa ħafna flus u hija komplikata ħafna, u b'hekk hija disponibbli biss għal dawk il-kumpaniji li jifilħu għal dik in-nefqa," qal Michel Barnier, il-Kummissarju tal-UE għas-Suq Intern u s-Servizzi. "Ir-realtà inaċċettabbli hija li fil-medja l-innovaturi jivvalidaw u jipproteġu l-privattivi tagħhom f'5 mis-27 Stat Membru tal-UE biss, minħabba l-kostijiet għoljin. L-inventuri Ewropej ma jistgħux jaffordjaw iktar dewmien. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tipproponi li xi Stati Membri għandhom ikunu jistgħu jimxu lejn il-protezzjoni ta' privattiva unitarja, u jien nispera li eventwalment l-Istati Membri kollha jissieħbu ma' din is-sistema ġdida. Fi kwalunkwe każ, mhux se ssir diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji u dawn se jkunu jistgħu japplikaw għall-Privattiva tal-UE taħt l-istess kundizzjonijiet, irrelevanti liema hu l-pajjiż tal-oriġini tagħhom."

Il-qagħda eżistenti tal-privattivi fl-Ewropa

Is-sistema attwali tal-Privattivi Ewropej, tiswa wisq flus u hija kumplessa ħafna, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tat-traduzzjoni. L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) – korp tal-Organizzazzjoni Ewropea intergovernattiva tal-Privattivi li fih 38 pajjiż (l-UE-27 + 11-il pajjiż Ewropew ieħor) – jeżamina l-applikazzjonijiet għall-privattivi u huwa responsabbli għall-għoti ta' Privattiva Ewropea jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti. Iżda sabiex il-privattiva mogħtija tkun effettiva fi Stat Membru, l-inventur ikollu jitlob validazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali f'kull pajjiż individwali fejn ikun jixtieq jibbenefika mill-protezzjoni tal-privattiva. Dan il-proċess jinvolvi kostijiet addizzjonali konsiderevoli tat-traduzzjoni u amministrattivi.

Privattiva Ewropea vvalidata fi 13-il Stat Membru biss tista' tiswa sa EUR 18 000, li kważi EUR 10 000 mill-ispiża jmorru għat-traduzzjoni biss. Din ħolqot sitwazzjoni fejn il-kost ta' Privattiva Ewropea huwa għaxar darbiet aktar minn privattiva Amerikana, li fil-medja tiswa EUR 1850. Minħabba l-kostijiet involuti, ħafna mill-inventuri japplikaw għal privattiva tal-invenzjoni tagħhom biss f’għadd limitat ħafna ta’ Stati Membri.

Il-mixja 'l quddiem dwar il-privattivi

Il-proposta tal-lum tirriżulta minn talba li saret minn 12-il Stat Membru (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Din tkun it-tieni darba fejn intuża l-"mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa (ara IP/10/347) u dan għandu jippermetti xi Stati Membri biex jimxu 'l quddiem immedjatament, u jħallu l-possibbiltà biex jingħaqdu magħhom oħrajn, aktar tard. Id-deċiżjoni proposta għall-awtorizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja trid tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE permezz tal-maġġoranza kwalifikata, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew. Fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa għall-protezzjoni għall-privattiva unitarja, inkluż ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni.

Wara n-negozjati mmexxija mill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE, il-proposta dettaljata dwar ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni għandha tibni fuq ir-reġim tal-lingwa eżistenti tal-EPO bi prezzijiet kompetittivi. Il-privattiva unitarja tiġi eżaminata u tingħata f’waħda mil-lingwi uffiċjali eżistenti tal-EPO, jiġifieri bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għal privattiva unitarja, din għandha ssir disponibbli għall-applikanti kollha tal-UE fuq bażi mhux diskriminatorja. L-invenzjonijiet tagħhom jiġu protetti fil-pajjiżi kollha tal-UE li jkunu qed jipparteċipaw taħt il-kooperazzjoni msaħħa. L-applikanti fl-UE li l-lingwa tagħhom mhijiex l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż ikollhom l-għażla li jirreġistraw l-applikazzjonijiet fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-kostijiet tat-traduzzjoni f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO (li l-applikanti għandhom jagħżlu minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom) se jkunu eliġibbli għal kumpens.

Sfond

Il-Kummissjoni pproponiet Regolament għal Privattiva Komunitarja f'Awwissu 2000 (li issa hija msejħa Privattiva tal-UE skont it-Trattat ta' Lisbona), wara li fallew l-attentati preċedenti biex tiġi stabbilita privattiva unitarja (il-Konvenzjoni tal-Lussemburgu tal-1975 dwar il-Privattiva Komunitarja qatt ma daħlet fis-seħħ). F’Diċembru tal-2009, l-Istati Membri adottaw unanimament il-konklużjonijiet dwar sistema tal-privattiva msaħħa fl-Ewropa (ara IP/09/1880). Dawn kien fihom l-elementi ewlenin meħtieġa sabiex tinħoloq Privattiva Unika tal-UE u tiġi stabbilita Qorti ġdida għall-privattivi fl-UE. F'Ġunju tal-2010, il-Kummissjoni ħarġet b'Regolament dwar ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni għall-Privattiva tal-UE, iżda ma kisbitx l-appoġġ unanimu meħtieġ mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

Skont it-Trattat tal-UE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti disa' pajjiżi jew aktar biex jimxu 'l quddiem f'qasam partikolari bħala l-aħħar tentattiv jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil fl-UE kollha fi żmien perjodu raġonevoli. Stati Membri oħrajn tal-UE jistgħu jagħżlu li jingħaqdu fi kwalunkwe punt qabel jew wara l-varar tal-kooperazzjoni msaħħa.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website