Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1704

Strasburgu, 14 ta' Diċembru 2010

Inqas burokrazija għaċ-ċittadini: Il-Kummissjoni Ewropea trid li d-dokumenti pubbliċi – ċertifikati tat-twelid, titoli għall-proprjetà – ikunu rikonoxxuti iktar faċilment barra mill-pajjiż

L-Ewropej li jgħixu barra mill-pajjiż nattiv tagħhom ħafna drabi jiltaqgħu ma' ostakoli burokratiċi: jistennew għal timbru uffiċjali ta' deċiżjoni tal-qorti jew titolu għall-proprjetà, iħallsu għal traduzzjoni ta' ċertifikat tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt, jew jitħabtu mal-awtoritajiet pubbliċi biex ikollhom il-kunjom rikonoxxut. Hekk kif iktar Ewropej qed jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor – madwar 12-il miljun cittadin Ewropew illum jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom – il-pubbliku ħafna drabi jilmenta rigward ir-rikonoxximent uffiċjali tar-rekords pubbliċi. F'ċerti Stati Membri, iċ-ċittadini jridu jħallsu miżata sabiex id-dokumenti tagħhom, li jkunu diġà inħarġu minn Stat Membru wieħed, jiġu rikonoxxuti bħala awtentiċi Problema oħra hija li ċerti Stati Membri jistgħu jitolbu dokumenti amministrattivi li mhux dejjem jeżistu fil-pajjiż nattiv taċ-ċittadin. Dawn huma kollha ostakoli li jxekklu d-dritt tal-moviment ħieles, iggarantit mit-Trattati tal-UE, fil-ħajja ta' kuljum. Il-Kummissjoni Ewropea, li hija impenjata li tneħħi dawn l-ostakoli, illum ippubblikat dokument ta' politika b'diversi alternattivi biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' dokumenti li huma relevanti għaċ-ċittadini. Il-pubbliku issa jista' jikkummenta dwar kif is-sitwazzjoni tista' titjieb sabiex ikun żgurat li dawn id-dokumenti jiġu rikonoxxuti irrispettivament minn fejn jinsabu ċ-ċittadini jew fejn jiċċaqalqu fl-UE. Il-pubbliku għandu sat 30 ta' April biex iwieġeb. Il-Kummissjoni se tikkunsidra dawn it-tweġibiet meta tipproponi l-leġiżlazzjoni fl-2013.

"Is-Suq Uniku tal-Ewropa ma jirrigwardax biss it-tneħħija tal-barrieri għall-prodotti u s-servizzi – jirrigwarda t-titjib tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, l-aktar meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Madanakollu, id-dimensjoni taċ-ċittadin fis-Suq Uniku għadha mhix żviluppata għal kollox, u ċ-ċittadini qed isejħu għal bidla: tliet kwarti tal-Ewropej jgħidulna li l-UE teħtieġ ittejjeb iċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi bejn il-pajjiżi tal-UE. Formalitajiet skaduti jiffrustraw liċ-ċittadini u jiswewlhom żmien u flus. Għalhekk ninsab determinata li noħloq żona unika tal-ġustizzja fl-UE fejn id-dokumenti pubbliċi jkunu rikonoxxuti għal kollox."

Iċ-ċirkolazzjoni bla tfixkil tad-dokumenti pubbliċi (bħal diplomi, prova ta' nazzjonalità, titoli għall-proprjetà) u r-rikonoxximent tad-dokumenti tal-istatus ċivili li jirreġistraw l-"avvenimenti prinċipali tal-ħajja" (bħat-twelid, l-adozzjoni, iż-żwieġ u l-mewt) jew tal-kunjom ta' persuna huma essenzjali għal ċittadini li jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE. Ir-reġistri pubbliċi u s-sistemi amministrattivi tal-Istati Membri jvarjaw b'mod konsiderevoli, u jikkawżaw formalitajiet li huma ingombranti u kostużi (traduzzjoni, prova addizzjonali tal-awtentiċità tad-dokumenti). Dawn il-problemi jagħmluha diffiċli għaċ-ċittadini biex igawdu għal kollox id-drittijiet tagħhom fi ħdan l-UE.

Skont stħarriġ tal-Eurobarometer li sar f'Ottubru 2010, 73% tal-Ewropej jemmnu li għandhom jittieħdu miżuri biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi bejn il-pajjiżi tal-UE.

Fid-dokument ta' politika adottat illum, il-Kummissjoni tistaqsi dwar kif ittejjeb iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi alternattivi biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent transkonfinali tad-dokumenti tal-istatus ċivili. Alternattiva waħda tista' tkun li jiġu żviluppati formoli komuni fl-Ewropa kollha għad-dokumenti l-iktar komuni dwar l-istatus ċivili sabiex iċ-ċittadini ma jkollhomx ikomplu jħallsu għal traduzzjoni biex dawn jiġu rikonoxxuti. Alternattiva oħra hija r-rikonoxximent awtomatiku tad-dokumenti tal-istatus ċivili. Tali rikonoxximent ma jkunx jinvolvi l-armonizzazzjoni tar-regoli attwali u jħalli s-sistemi legali fl-Istati Membri kif inhuma.

Skont ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni qed tippjana żewġ proposti leġiżlattivi separati fl-2013: l-ewwel, dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi; u t-tieni, dwar ir-rikonoxximent tal-qagħda tal-istatus ċivili.

Sfond

Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti mill-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli burokratiċi li jxekklu l-ħajja taċ-ċittadini u jimponu spejjeż żejda u inċertezza legali fuq l-impriżi (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525). Kif qal il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso fil-linji gwida tal-politika f'Settembru 2009, l-UE trid "Ewropa li tqiegħed in-nies fil-qalba tal-aġenda." Din il-viżjoni hija riflessa fit-Trattat ta' Lisbona li jqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni għaldaqstant qed tieħu azzjoni konkreta biex tagħmilha iktar faċli għall-kważi 12-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu barra minn pajjiżhom li jħaddmu d-drittijiet tagħhom tal-UE li jiżżewġu, jixtru dar jew jirreġistraw karrozza f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-Kummissjoni tispjega 25 azzjoni li jridu jittieħdu matul is-snin li ġejjin fir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza 2010, li ġie adottat fis-27 ta' Ottubru. Dawn l-inizjattivi huma deskritti f'għaxar fuljetti ta' informazzjoni.

Illum il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiġi abolita l-proċedura msejħa "exequatur," li hija kostuża, ingombranti u tieħu l-ħin u b'hekk tiffranka lill-impriżi tal-UE €48 miljun fis-sena u tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE (ara IP/10/1705).

Għal iktar informazzjoni

Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-moviment ħieles tad-dokumenti hija disponibbli fil-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat-Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Stħarriġ speċjali tal-Eurobarometer dwar il-ġustizzja ċivili:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_351_en.pdf

Il-paġna ewlenija fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Għaxar fuljetti ta' informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

MEMO/10/677


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website