Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1702

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010

Kompetizzjoni: Il-Kummissjoni tadotta regoli tal-kompetizzjoni reveduti dwar il-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni orizzontali

Il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ir-regoli tagħha għall-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar kooperazzjoni bejn kompetituri, l-hekk imsejħa ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali. Bili huwa ta' sikwit imporanti ħafna għall-kumpaniji li jaħdmu flimkien sabiex jiksbu sinerġiji, jeżisti numru vast ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali f'bosta industriji. It-testi jaġġornaw u jkomplu jiċċaraw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni f'dan il-qasam sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jivvalutaw aħjar jekk il-ftehimiet ta' kooperazzjoni tagħhom humiex konformi ma' dawk ir-regoli. Il-modifiki jirrigwardaw l-aktar l-oqsma ta' standardizzazzjoni, skambju tal-informazzjoni, u riċerka u żvilupp (R&D).

Il-Viċi-President tal-Kummissjon responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia ddikjara: 'Waħda mill-miri globali tar-regoli l-ġodda hija li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività Il-Linji Gwida u Regolamenti ta' Eżenzjoni ta' Kategorija l-ġodda se jagħtu lill-kumpaniji l-libertà neċessarja sabiex jikkooperaw f'suq globalizzat, filwaqt li fl-istess ħin jimminimizzaw ir-riskju ta' ftehimiet li jkunu ta' ħsara għall-industrija u għall-konsumaturi.'

Illum, il-Kummissjoni adottat sett revedut ta' Linji Gwida u żewġ Regolamenti li jiddeskrivu kif il-kompetituri jistgħu jikkooperaw mingħajr ma' jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-'Linji Gwida Orizzontali' jipprovdu qafas għall-analiżi tal-forom l-aktar komuni ta' kooperazzjoni orizzontali bħal ftehimiet fl-oqsma tal-R&D, il-produzzjoni, ix-xiri, il-kummerċjalizzazzjoni, l-istandardizzazzjoni, termini standard, u skambju ta' informazzjoni. Iż-żewġ Regolamenti jeżentaw mir-regoli tal-kompetizzjoni ċerti ftehimiet ta' R&D, speċjalizzazzjoni u produzzjoni li huwa improbabbli li jistgħu jqajmu tħassib ta' kompetizzjoni.

Żewġ karatteristiċi ewlenin tar-riforma huma kapitolu ġdid dwar l-iskambju tal-informazzjoni fil-Linji Gwida Orizzontali u reviżjoni sostanzjali tal-kapitolu dwar il-ftehimiet ta' standardizzazzjoni.

Il-Linji Gwida jippromwovu sistema ta' twaqqif ta' standards li hija miftuħa u trasparenti u b'hekk iżżid it-trasparenza tal-ispejjeż tal-liċenzjar għad-drittijiet tal-propjetà intellettwali (IPRs) użati fl-istandards. Il-kapitolu revedut tal-istandardizzazzjoni jippreżenta l-kriterji li meta jkunu ssodisfati l-Kummissjoni ma toġġezzjonax għal ftehim ta' twaqqif ta' standards ('safe harbour'). Minbarra dan, il-kapitolu jagħti gwida dettaljata dwar il-ftehimiet ta' standardizzazzjoni li ma jissodisfawx il-kriterji ta' safe harbour, sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jivvalutaw jekk humiex jew le konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

Organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards jistgħu jipprovdu li l-membri tagħhom jiżvelaw, qabel ma jistabbilixxu standard, ir-rata massima li jkunu se jżommu għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom (IPRs) jekk dawn jiġu inklużi fi standard. Din it-tip ta' sistema tista' tippermetti lil organizzazzjoni tat-twaqqif tal-istandards u lill-industrija li jagħmlu għażla infurmata dwar il-kwalità u l-prezz meta jagħżlu liema teknoloġija għandha tiġi inkluża fi standard. Ir-regoli reveduti jiċċaraw li sistema bħal din normalment ma tkunx fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

L-iskambju tal-informazzjoni jista' jkun prokompetittiv, pereżempju, meta jippermetti lill-kumpaniji sabiex jiġbru d-dejta mis-suq li tippermettilhom isiru aktar effiċjenti u jaqdu lill-klijenti tagħhom aħjar. Madankollu, hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn l-iskambju tal-informazzjoni tas-suq jista' jkun ta' ħsara għall-kompetizzjoni, pereżempju meta l-kumpaniji jużaw informazzjoni sensittiva sabiex jallineaw il-prezzijiet tagħhom. Il-Linji Gwida jagħtu gwida ċara u sħiħa dwar kif tiġi vvalutata l-kompatibilità tal-iskambji tal-informazzjoni mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni fl-Ewropa, il-Kummissjoni estendiet b'mod konsiderevoli l-ambitu tar-Regolament tal-Eżenzjoni ta' Kategorija tal-R&D, li issa jkopri mhux biss l-attivitajiet tar-R&D imwettqa b'mod konġunt iżda wkoll ftehimiet ta' 'riċerka mħallsa' fejn parti waħda tiffinanzja l-attivitajiet ta' R&D mwettqa mill-parti l-oħra. Minbarra dan, ir-Regolament il-ġdid jagħti lill-partijiet possibilità akbar li jisfruttaw b'mod konġunt ir-riżultati tar-R&D.

Il-Linji Gwida Orizzontali se jidħlu fis-seħħ hekk kif jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, li għandu jseħħ fil-jiem li ġejjin. Iż-żewġ Regolamenti se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011, b'perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn, li matulu r-Regolamenti preċedenti se jibqgħu fis-seħħ għal dawn il-ftehimiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dawk ir-Regolamenti iżda li ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti l-ġodda.

Sfond

Eżempji ta' ftehimiet orizzontali reċentement investigati mill-Kummissjoni jinkludu Oneworld (ara IP/10/936), Ship Classification (IP/09/1513) jew IPCom (MEMO/09/549).

Il-kwistjoni ta' 'patent ambush' ġiet investigata mill-Kummissjoni f'Rambus (ara IP/09/1897).

Ir-regoli l-ġodda jieħdu post il-Linji Gwida Orizzjontali preċedenti u ż-żewġ Regolamenti ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għall-R&D u għall-ftehimiet tal-ispeċjalizzazzjoni u l-produzzjoni konġunta, li daħlu fis-seħħ fl-2001.

Abbozzi tar-regoli l-ġodda ġew ippubblikati f'Mejju 2010 għall-konsultazzjoni pubblika. Ir-rispons mill-partijiet ikkonċernati kien ġeneralment pożittiv. Sussegwentement, l-abbozzi ġew reveduti sabiex iqisu l-kummenti tal-partijiet ikkonċernati.

Il-Linji Gwida u r-Regolamenti Orizzontali l-ġodda jistgħu jinstabu hawn:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/horizontal.html

Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara Q&A MEMO/10/676.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site