Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ Kankun bħala pass importanti lejn qafas globali għal azzjoni dwar il-klima

European Commission - IP/10/1699   11/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1699

Kankun, il-11 ta’ Diċembru 2010

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ Kankun bħala pass importanti lejn qafas globali għal azzjoni dwar il-klima

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati pożittivi tal-konferenza dwar il-klima f'Kankun. Il-pakkett bilanċjat u sostantiv ta' deċiżjonijiet adottat illum, magħruf bħala l-Ftehim ta’ Kankun, jirrappreżenta pass ieħor importanti fit-triq lejn il-bini ta’ qafas komprensiv u legalment vinkolanti għal azzjoni dwar il-klima għall-perjodu ta’ wara l-2012.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet: "L-UE ġiet Kankun biex tasal għal pakkett sostanzjali ta’ deċiżjonijiet orjentati lejn l-azzjoni u żżomm in-negozjati internazzjonali dwar il-klima fuq it-triq it-tajba. Aħna għinna lejn it-twassil ta’ riżultat ta’ suċċess mistenni u meħtieġ mid-dinja. Iżda l-ġimagħtejn f’Kankun għal darb'oħra wrew kemm il-proċess miexi bil-mod u huwa diffiċli. Kulħadd għandu jkun konxju mill-fatt li għad fadlilna vjaġġ twil u b’ħafna sfidi quddiemna lejn il-kisba tal-għan ta' qafas dwar il-klima globali li huwa legalment vinkolanti".

Joke Schauvliege, il-Ministru Fjamming għall-Ambjent, in-Natura u l-Kultura, li jirrappreżenta l-presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Kankun, qal: "L-UE ħadmet bla hedda sabiex tibni pont f’Kankun filwaqt li avvanzat il-pożizzjonijiet tagħha. L-UE rrappurtat b’mod trasparenti dwar il-progress li għamlet lejn l-użu ta’ EUR 7.2 biljun ta’ finanzjament rapidu li impenjat ruħha għailhom matul l-2010-2012 u se nkomplu nagħmlu dan fuq bażi annwali. Aħna nifirħu lill-Presidenza Messikana għat-tmexxija ta’ konferenza eżemplari."

Il-Ftehim ta’ Kankun jibni fuq id-deċiżjonijiet li ttieħdu sena ilu ġewwa Kopenħagen u jistabbilixxi wkoll il-proċess lejn aktar progress fil-futur. Jirrappreżenta kompromess ibbilanċjat sew bejn l-interessi differenti fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. L-elementi ewlenin tal-pakkett jinkludu:

  • Ir-rikonoxximent għall-ewwel darba f’dokument tan-NU li t-tisħin globali għandu jinżamm taħt iż-2°C meta mqabbel mat-temperatura preindustrijali, u l-istabbiliiment ta’ proċess biex tiġi definita data għat-tilħiq tal-ogħla livell ta’ emissjonijiet globali u għal mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet globali għall-2050;

  • Il-wegħdiet dwar l-emissjonijiet ta’ pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw jinsabu ankrati fil-proċess tan-NU kif ukoll proċess stabbilit biex jgħin fil-kjarifika tagħhom. It-test jirrikonoxxi wkoll li l-isforzi ta’ mitigazzjoni ġenerali għandhom ikunu fuq livell ogħla sabiex nibqgħu fil-limitu ta’ 2°C;

  • Il-ftehim dwar it-tnedija ta' proċess lejn it-tisħiħ tat-trasparenza tal-azzjonijiet biex jitnaqqsu u jiġu limitati l-emissjonijiet sabiex il-progress ġenerali jkun jista' jiġi segwit b'mod aktar effikaċi;

  • Il-konferma tal-għan li l-pajjiżi żviluppati jiddedikaw US$ 100 biljun fis-sena f'finanzjament fil-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2020, u l-istabbiliment ta’ Fond Ekoloġiku għall-Klima li minnu għandu jgħaddi l-finanzjament;

  • Il-ftehim dwar il-Qafas tal-Adattament ta’ Kankun biex tissaħħaħ l-azzjoni lejn l-adattament għat-tibdil fil-klima;

  • It-tnedija tal-mekkaniżmu "REDD+" li jiffaċilita l-azzjoni lejn it-tnaqqis ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

  • Il-ftehim biex ikun ikkunsidrat l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġodda għas-suq tal-karbonju li jmorru lil hinn mill-approċċ abbażi tal-proġetti;

  • L-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu tat-Teknoloġija, inklużi Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija u Ċentru u Netwerk tat-Teknoloġija fil-Klima, biex jissaħħu l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija;

  • L-istabbiliment ta’ proċess ċar għall-analiżi tal-adegwatezza tal-mira li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C, inkluża l-kunsiderazzjoni li l-mira tissaħħaħ għal 1.5°C, li għandu jiġi konkluż fl-2015;

  • L-estensjoni tal-ħidma ta’ gruppi ta’ ħidma ad hoc taħt il-konvenzjoni għat-tibdil fil-klima tal-UE u l-Protokoll ta’ Kyoto għal sena oħra filwaqt li tinżamm miftuħa l-forma legali tar-riżultati eventwali tan-negozjati.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website