Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1692

Brussell, 10 ta’ Diċembru 2010

Politika tal-UE imsaħħa sabiex tgħin tikkomunika aħjar il-kwalità tal-prodotti tal-ikel

Il-garanzija tal-kwalità għall-konsumaturi u prezz ġust għall-bdiewa huma ż-żewġ miri tewmin tal-"Pakkett ta' Kwalità" adottat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-Pakkett ta' Kwalità qed jiffissa għall-ewwel darba politika komprensiva dwar l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, termini li jżidu l-valur għall-kwalitajiet tal-prodotti agrikoli u l-prodotti standard. S'issa dawn kienu mifruxin fuq diversi biċċiet ta' leġiżlazzjonijiet. B'dan il-Pakkett, il-Kummissjoni se tkopri l-aspetti kollha tal-kwalità, mill-konformità mal-istandards minimi għall-prodotti ta' speċifiċità għolja.

"Is-saħħa tal-produzzjoni agrikola Ewropea tinsab fid-diversità tagħha, fil-kompetenza tal-bdiewa, u fil-ħamrija u t-territorji tal-produzzjoni", qal illum Dacian CIOLOŞ, il-Kummissjaru għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, u jżid jgħid "Il-bdiewa, li jinsabu taħt pressjoni minħabba l-qagħda ekonomika ħażina, il-konċentrazzjoni tal-poter tan-negozjar tal-bejgħ bl-imnut, u l-kompetizzjoni globali, għandhom bżonn l-għodod biex jikkomunikaw aħjar il-prodotti tagħhom lill-konsumaturi. Dan il-Pakkett ta' Kwalità huwa l-ewwel pass fil-mixja lejn il-bini ta' settur tal-biedja iżjed b'saħħtu u aktar dinamiku li se jkun segwit minn inizjattivi oħrajn."

Il-Pakkett tal-Kwalità ikopri:

  • Proposta għal "Regolament dwar Skemi tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli' ġdid li ħa jġib koerenza u ċarezza fl-iskemi tal-UE: it-tisħiħ tal-iskema mexxejja għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (DPOs u IĠPs); tibdil tal-iskema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STGs), u t-tqegħid ta' qafas ġdid għall-iżvilupp tat-Termini Fakultattivi ta' Kwalità biex jipprovdu lill-konsumaturi bit-tagħrif li qed jitolbu dejjem iżjed, bħal prodotti li ġejjin minn annimali mrobbija barra 'free range', u mill-għasir ta' darba biss fl-aktar temperatura baxxa 'first cold pressing'.

  • Proposta biex l-adozzjoni tal-istandards tat-tqegħid fis-suq mill-Kummissjoni tiġi ssimplifikata, inkluż il-poter biex jiġi estiż il-post tat-tikkettar tal-biedja skont l-ispeċifiċità ta' kull settur agrikolu.

  • Linji gwida ġodda dwar l-aħjar prassi għall-iskemi volontarji ta' ċertifikazzjoni u dwar t-tikkettar tal-prodotti bl-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ingredjenti.

Il-Pakkett ta' Kwalità huwa l-ewwel pass fit-tibdil tal-politika tal-kwalità tal-prodotti agrikoli. Huwa r-riżultat ta' 3 snin estensivi ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. Dan jiftaħ it-triq għal politika ta' kwalità tal-prodotti agrikoli aktar koerenti. Għall-futur, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha biex tistudja aktar il-problemi affaċċati mill-produtturi fuq skala żgħira biex jipparteċipaw fl-iskemi ta' kwalità tal-UE kif ukoll mill-produtturi tal-muntanji biex iqiegħdu fis-suq il-prodotti tagħhom u biex, jekk ikun neċessarju, tipproponi segwitu addizzjonali abbażi ta' din l-analiżi.

Proposti

L-ewwel proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni timmira li ssaħħaħ l-iskemi ta' kwalità eżistenti tal-UE fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-ispeċjalitajiet tradizzjonali u t-termini fakultattivi tal-kwalità billi tiġborhom f'leġiżlazzjoni unika, billi tintroduċi proċedura ta' reġistrazzjoni komuni, simplifikata u mqassra għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali, id-dispożizzjonijiet iċċarati fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-marki kummerċjali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, ir-rwol tal-gruppi applikanti u d-definizzjoni ta' 'speċjalità tradizzjonali garantita'.

Linji gwida volontarji dwar it-tikkettar tal-prodotti li jużaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ingredjenti, adottati fl-istess ġurnata, jagħtu l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tar-regoli attwali f'dan ir-rigward.

L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jikkontribwixxu biex itejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, kif ukoll il-kwalità ta' dawn il-prodotti. L-istandards settorjali tal-kummerċjalizzazzjoni attwali se jibqgħu jeżistu, u jistgħu jiġu ssimplifikati fil-futur, b'mod aktar koerenti, permezz ta' mekkaniżmu uniformi b'delega tal-poteri lill-Kummissjoni skont it-Trattat ta' Lisbona ("atti delegati"). Dan se jippermetti li n-normi tekniċi jiġu adattati għar-realtajiet fil-qasam. Għal dawk il-prodotti fejn ma jeżistix standard speċifiku, se japplikaw ir-rekwiżiti bażiċi. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li testendi r-regoli settorjali (bħala "atti delegati" ukoll) fir-rigward tal-indikazzjoni tal-post tal-biedja, abbażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u billi tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur u tat-talbiet tal-konsumaturi għat-trasparenza.

Ir-raba' element tal-Pakkett huma l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-iskemi volontarji ta' ċertifikazzjoni għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. Dawn qed jimmiraw li juru l-aħjar prassi għall-funzjonament ta' mijiet ta' skemi volontarji ta' ċertifikazzjoni li żviluppaw fl-aħħar għaxar snin (studju dwar l-inventarju li għadu kemm ġie ppubblikat li sar għall-Kummissjoni, juri li hemm aktar minn 400 skema li qed joperaw fl-UE).

Is-sit tal-internet tad-DĠ AGRI dwar il-Pakkett ta' Kwalità: http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/quality-package-2010/index_en.htm

MEMO/10/669


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website