Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1691

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2010

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda għat-titjib fl-istabbiltà futura tas-settur tal-ħalib

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta dwar "relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib". Il-proposta għandha l-għan li tagħti spinta lill-qagħda fil-katina tal-forniment tal-produttur tal-ħalib u tħejji s-settur għal futur aktar orjentat lejn is-suq u aktar sostenibbli. Tipprovdi għal kuntratti bil-miktub bejn il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib, il-possibbiltà ta' negozjar kollettiv tat-termini kuntrattwali permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi b’mod li jibbilanċja s-saħħa tan-negozjar tal-produtturi tal-ħalib fil-konfront tal-proċessuri l-kbar, reġoli tal-UE speċifiċi għal organizzazzjonijiet interprofessjonali u miżuri għat-titjib fit-trasparenza fis-suq. Ġie propost li l-miżuri jkunu validi sal-2020 b'żewġ reviżjonijiet intermedji. Limiti xierqa fir-rigward tad-daqs għan-negozjati kollettivi u miżuri speċifiċi oħra ta' salvagwardja għandhom jiżguraw l-għanijiet tat-tisħiħ tas-saħħa tan-negozjar tal-produttri tal-ħalib flimkien mal-ħarsien tal-kompetizzjoni u tal-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Illum il-Kummissjoni adottat ukoll rapport dwar is-suq tal-ħalib fil-kuntest tat-tneħħija gradwali u bla xkiel tas-sistema tal-kwoti fuq il-ħalib.

Dacian Cioloș, il-Kummissjarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-UE llum iddikjara: "B'dawn il-proposti, biħsiebna niksbu xi wħud mit-tagħlimiet mill-kriżi tas-sena l-oħra fis-suq tal-ħalib. Rakkomandazzjonijiet oħra mill-Grupp ta’ Livell Għoli, li twaqqaf wara l-kriżi tas-sena li għaddiet, se jiġu indirizzati fid-diskussjonijiet tagħna dwar ir-riforma tal-PAK (it-trattament tal-volatilità u l-ixprunar tal-innovazzjoni) u l-pakkett tal-kwalità (l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u t-tikkettar tal-oriġini). Dawn il-bdiliet huma importanti biex is-settur jiġi megħjun jitħejja għal tranżizzjoni bla xkiel meta jieqfu l-kwoti fl-2015."

Il-proposta tipprovdi għal kuntratti bil-miktub fuq bażi volontarja bejn il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib li għandhom jitfasslu qabel ma jsir il-forniment, u li għandhom jinkludu dettalji dwar il-prezz, il-kalendarju u l-volum tal-kunsinni, kif ukoll it-tul ta’ żmien. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-użu tal-kuntratti obbligatorji fit-territorju tagħhom. Sabiex titqies in-natura speċifika tal-kooperattivi, dawn mhumiex meħtieġa jkollhom kuntratti jekk l-istatuti tagħhom jinkludu elementi b’effetti simili.

Sabiex tkun ibbilanċjata mill-ġdid is-saħħa tan-negozjar fil-katina tal-forniment, il-proposta tipprevedi li l-bdiewa jitħallew jinnegozjaw kuntratti kollettivament permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Limiti kwantitattivi xierqa għall-volum ta’ dan in-negozjar se jqiegħdu lill-bdiewa fl-istess livell mal-azjendi tal-ħalib filwaqt li tinżamm kompetizzjoni adegwata fil-forniment tal-ħalib mhux ipproċessat. Il-limiti stabbiliti huma ta’ 3.5 % tal-produzzjoni globali tal-UE u 33 % tal-produzzjoni nazzjonali, minbarra salvagwardji speċifiċi biex ikun evitat preġudizzju ta’ natura serja b’mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Il-proposta tipprovdi wkoll regoli speċifiċi tal-UE li jkopru l-oqsma kollha fil-katina tal-forniment għall-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu potenzjalment ikollhom rwoli utli fir-riċerka, fit-titjib tal-kwalità, fil-promozzjoni u fit-tixrid tal-aħjar prassi fil-metodi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar. Jikkontribwixxu biex fis-settur jiżdiedu l-għarfien u t-trasparenza. Barra minn hekk, jingħata tagħrif aktar regolari dwar volumi tal-ħalib mhux ipproċessat li jippermetti għarfien aħjar dwar il-produzzjoni u li jiġu segwiti aħjar l-iżviluppi fis-suq.

Huwa propost li dawn il-miżuri jibqgħu validi sal-2020, u li ssir reviżjoni fl-2014 u oħra fl-2018; Dan il-perjodu ta’ żmien għandu jkun biżżejjed għall-produtturi tal-ħalib biex jadattaw għas-sitwazzjoni ta’ bla kwoti u biex itejbu l-organizzazzjoni tagħhom mmirata għal ambjent aktar orjentat lejn is-suq. Relazzjonijiet aktar ċari u bbilanċjati u aktar trasparenza fil-katina tal-forniment għandhom ukoll iwasslu għal gwadanni fl-effiċjenza u jippermettu lis-settur tal-UE jisfrutta l-opportunitajiet ta’ suq ġdid kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.

Il-miżuri joriġinaw mir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Ħalib (High Level Experts' Group on Milk - HLG) u appoġġati mill-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2010. L-HLG, ikkostitwit minn uffiċjali għoljin tal-Istati Membri u ppresedut mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI, twaqqaf wara l-kriżi tal-2008-09 fis-settur tal-ħalib bil-għan li jeżamina miżuri fiż-żmen medju u fit-tul għall-istabilizzazzjoni tas-suq u tad-dħul tal-produtturi u għat-titjib fit-trasparenza. L-HLG sab żbilanċi kbar fil-katina tal-forniment, industrija dejjem aktar ikkonċentrata u li titratta ma’ ħafna produtturi tal-ħalib imxerrdin u distribuzzjoni mhux ugwali tal-valur miżjud. Din is-sitwazzjoni wasslet għal nuqqas fit-trasparenza, riġiditajiet, u problemi ta’ trażmissjoni ta’ prezz fil-katina tal-forniment.

Ir-rapport jindika li t-tranżizzjoni bla xkiel qiegħda f'triqitha

Il-Kummissjoni adottat ukoll rapport separat dwar il-qagħda fis-suq tal-ħalib u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali u bla xkiel tas-sistema tal-kwoti fuq il-ħalib. Peress li 3 Stati Membri biss (DK, NL, CY) ipproduċew aktar mill-kwota tagħhom fl-2009/2010 u l-prezzijiet tal-kwoti tal-ħalib issa għandhom valur baxx ħafna, diġà żero f’xi Stati Membri, ir-rapport ikkonkluda li t-tranżizzjoni bla xkiel qiegħda f'triqitha fil-biċċa l-kbira bil-ħafna tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rapport jikkonkludi li m’hemm ebda raġuni għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-Kontroll tas-Saħħa fir-rigward taż-żieda gradwali fil-kwoti u tat-tmiem tas-sistema tal-kwoti fl-1 ta' April 2015. Bħala salvagwardja addizzjonali, ir-rapport jissuġġerixxi wkoll li, f’każijiet eċċezzjonali u fejn miżuri ta’ politika eżistenti huma insuffiċjenti, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra mekkaniżmu li jippermetti lill-produtturi tal-ħalib jiġu kkumpensati għat-tnaqqis fil-kunsinni tagħhom u b’hekk jiġi evitat żbilanċ serju fis-suq.

Biex twitti aktar it-triq għat-tneħħija tal-kwoti, il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-organizzazzjoni tal-laqgħat li jiġbru flimkien esperti mill-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-OKS waħdieni mal-Grupp Konsultattiv dwar il-Ħalib għall-valutazzjoni tal-iżviluppi u l-prospetti tas-suq. Rapport ieħor huwa skedat għall-2012.

Għal aktar tagħrif:

Link għall-proposta u r-rapport dwar il-kwoti:

http://ec.europa.eu/agriculture/milk/index_en.htm

Anness:

  • Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda fid-diversi Stati Membri (Settembru 2010 imqabbla ma’ Settembru 2009)

  • L-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq tal-forniment tal-ħalib

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site