Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1690

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2010

Il-Programm tal-UE Marie Curie jiffinanzja l-50,000 riċerkatur tiegħu

Il-programm ta' azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Marie Curie, li jipprovdi finanzjament għal uħud mill-aħjar riċerkaturi żgħażagħ fid-dinja, illum iċċelebra pass importanti b'konferenza fi Brussell li tfakkar il-50,000 benefiċjarju tiegħu. L-avveniment infetaħ mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek u l-Kummissarju Androulla Vassiliou, li għandha r-responsabbiltà globali għall-Programm Marie Curie. Mindu tnieda fl-1996, il-Programm Marie Curie appoġġja t-taħriġ għal riċerkaturi ta' 100 nazzjonalità differenti li jaħdmu f'70 pajjiż.

"Il-Programm ta' Azzjonijiet Marie Curie jipproduċi riċerkaturi brillanti li huma fil-qalba tal-ekonomija bbażata fuq l-għerf li l-Ewropa qed timmira għaliha. Huwa jgħin lir-riċerkaturi tagħna fost dawk li huma l-aktar promettenti biex jiksbu esperjenza barra pajjiżhom, fl-Ewropa u lil hinn minnha, u jippermittilna li nattiraw l-aħjar riċerkaturi żgħażagħ minn barra l-UE biex l-Ewropa tkun tista' tibbenifika mit-talenti tagħhom," qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Mill-50,000 riċerkatur li sal–lum irċevew għotjiet mill-Marie Curie, 40% kienu nisa. Kważi 6,300 università, organizzazzjoni ta' riċerka u kumpanija mid-dinja kollha (fosthom 5,140 fl-UE) pparteċipaw fil-programm mill-2007 sa llum. Il-baġit għall-iskema Marie Curie huwa EUR 4.7 biljun għall-perjodu 2007-2013 u 80% tal-finanzjament huma ddedikati għat-taħriġ tar-riċerkaturi li għandhom inqas minn 35 sena.

Il-pajjiżi li qed jospitaw l-akbar għadd ta’ riċerkaturi tal-Marie Curie mindu tnieda l-programm huma r-Renju Unit, segwit mill-Ġermanja, Franza, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Italja. Iżda l-interess fil-programm qed jiżdied mal-Ewropa kollha; l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet għal għotjiet kiber b’65% f’dawn l-aħħar tliet snin u l-għadd ta’ riċerkaturi tal-Marie Curie huwa mistenni li jmiss id-90,000 sal-aħħar tal-2013.

Għadd ta’ rebbieħa tal-Premju Nobel huma involuti b’mod attiv fit-taħriġ ta’ riċerkaturi ffinanzjati mill-UE. F’dawn l-aħħar ħames snin, huma kienu jinkludu lil Françoise Barré-Sinoussi (li rebħet il-Premju Nobel għall-Mediċina fl-2008), Albert Fert u Peter Grünberg (għall-Fiżika, fl-2007), u Jean Marie Lehn (għall-Kimika, fl-1987). Għadd ta’ riċerkaturi li huma involuti fi proġetti ta’ bħalissa jew riċenti tal-Marie Curie rċevew rikonoxximent għax-xogħol tagħhom.

Konferenza: “Azzjonijiet tal-Marie Curie għal Ewropa Innovattiva”

Ħamsa u għoxrin riċerkatur se jirrappreżentaw il-50,000 riċerkatur tal-Marie Curie fil-konferenza fi Brussell, bit-titlu “Azzjonijiet tal-Marie Curie għal Ewropa Innovattiva” (id-9 u l-10 ta’ Diċembru, il-post: Autoworld, Parc du Cinquantenaire). Flimkien ma’ 250 parteċipant ieħor, fosthom MPE, dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti ta’ universitajiet, istituzzjonijiet tar-riċerka, kumpaniji kbar u SMEs, huma se jiddiskutu wħud mir-riċerki importanti riċenti li saru minn riċerkaturi tal-Marie Curie fl-oqsma tal-kanser, il-kardjoloġija, il-fertilità, il-bidla fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-arti, is-sikurezza tal-infrastruttura tat-trasport u oħrajn.

Barra li jiffukaw fuq il-kisbiet riċenti, huma se se jirriflettu wkoll fuq kif l-aħjar itejbu l-programm fil-ġejjieni, b’mod partikulari b’rabta mal-mobilità, it-taħriġ, il-ħiliet u l-iżvilupp tal-karriera.

Kif jintgħażlu l-benefiċjarji

Biex tinkiseb Unjoni innovattiva, l-Ewropa teħtieġ riċerkaturi ta’ klassi dinjija li jistgħu jittrattaw sfidi ta’ bħalissa u tal-ġejjieni. L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tispira, timmotiva, tħarreġ u żżomm lir-riċerkaturi tagħha ta’ ħila kbira.

L-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-Marie Curie huma evalwati minn bord indipendenti ta' xjenzati Ewropej u internazzjonali magħrufa. Il-valutazzjoni hija msejsa fuq il-kwalità xjentifika tal-proġett u fuq l-impatt li din x'aktarx tħalli fuq il-kompetittività Ewropea, kif ukoll fuq l-eċċellenza tal-programm ta’ taħriġ, tal-istituzzjoni li tospita u tar-riċerkatur. L-aħjar proġetti biss ikunu ffinanzjati.

Ir-riċerkaturi tal-Marie Curie jirċievu kuntratti ta' impjieg sa massimu ta' tliet snin kif ukoll kopertura sħiħa tas-sigurtà soċjali u pensjoni.

Imbassra 7,000 impjieg ġdid

L-azzjonijiet tal-Marie Curie huma parti mill-programm "Nies" li huwa parti mis-Seba' Programm ta' Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. Fl-2011, l-azzjonijiet tal-Marie Curie se jkollhom baġit totali ta' EUR 772 miljun u mistennija joħolqu 7,000 impjieg ġdid.

Barra mill-fellowships individwali, l-azzjonijiet tal-Marie Curie jappoġġjaw ukoll il-kandidati dottorali, is-sħubiji bejn l-akkademja u l-industrija, l-iskambji qosra u r-reintegrazzjoni tar-riċerkaturi li jiġu lura minn barra.

Biex tkun taf aktar:

Marie Curie information per country

Curriculum vitaes of the 25 researchers

List of Marie Curie projects presented at the conference

Marie Curie Actions


Side Bar