Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1679

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tar-regoli dwar ir-roaming biċ-ċellulari fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob l-opinjonijiet tal-konsumaturi, tan-negozji, tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi dwar is-suq tar-roaming taċ-ċellulari fl-UE f’konsultazzjoni pubblika li ġiet imnedija llum. Ir-Regolament tal-UE dwar ir-Roaming jesiġi limitu fuq il-prezzijiet fil-livell tal-konsumaturi għal telefonati bir-roaming u messaġġi bit-test fl-UE, iżda għad m’hemmx Suq Uniku kompetittiv għas-servizzi tar-roaming. L-operaturi ġeneralment jistabbilixxu prezzijiet tar-roaming qrib il-limiti tal-prezz irregolat u jżommu marġinijiet għoljin mhix iġġustifikati fuq is-servizzi tar-roaming. Il-mira stabbilita bl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) hija li sal-2015 id-differenza bejn ir-roaming u t-tariffi nazzjonali għandha tavviċina ż-żero. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-partijiet biex jivvalutaw ir-regoli eżistenti tal-UE dwar ir-roaming u biex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar l-aħjar mod kif tista’ tingħata spinta lill-kompetizzjoni, filwaqt li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej. Il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-11 ta’ Frar 2011 u se tipprovdi bażi għar-reviżjoni tar-Regolament attwali tal-UE dwar ir-Roaming li l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq qabel tmiem Ġunju 2011.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Ma hemmx lok għal differenzi kbar bejn l-imposti domestiċi u tar-roaming f’Suq Uniku tal-UE veru Jeħtieġ li nindirizzaw is-sors tal-problemi attwali, jiġifieri n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, u li naslu għal soluzzjoni fit-tul. Madankollu qed inżommu moħħna miftuħ fir-rigward ta’ liema soluzzjoni eżattament għandu mnejn ikollha suċċess.”

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tidentifika safejn waslu fil-prattika r-regoli attwal tal-UE dwar is-servizzi tar-roaming. Oqsma partikolari ta’ interess huma l-impatt tar-regoli tal-UE fuq l-utenti taċ-ċellulari u fuq il-fornituri tas-servizzi u x’miżuri aktar jistgħu jittieħdu biex jiġu mħeġġa l-kompetizzjoni u s-sodisfazzjon tal-klijent. Il-konsultazzjoni pubblika tistieden ukoll opinjonijiet dwar l-għażliet regolatorji jew ta' politika l-aktar xierqa fiż-żmien qasir, fiż-żmien medju jew fit-tul biex tkun xprunata l-kompetizzjoni fis-suq u dwar safejn l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jtejbu l-funzjonament tas-suq għal telefonati, messaġġi (SMS) u s-servizzi tad-dejta.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tixtieq reazzjoni dwar kif tista' tintlaħaq il-mira tal-Aġenda Diġitali ta’ Suq Uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fejn id-differenza bejn imposti nazzjonali u dawk tar-roaming sal-2015 għandhom javviċinaw iż-żero. Il-Kummissjoni trid li l-klijenti kollha tar-roaming ikollhom aċċess malajr u faċli għat-tariffi kompetittivi tar-roaming għal telefonati, SMS u dejta, minħabba li l-prezzijiet tal-operaturi għall-konsumaturi jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-kost reali tal-forniment effiċjenti tas-servizzi tar-roaming.

Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika se jikkontribwixxu għar-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-2011 dwar ir-regoli tar-roaming u se jgħinu lill-Kummissjoni tipproponi s-soluzzjonijiet l-aktar xierqa għat-titjib fil-funzjonament tas-suq.

Sfond

Ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-UE tal-2007 (MEMO/07/251, IP/07/1202) introduċa limiti fuq il-prezzijiet fil-livelli tal-operaturi u tal-konsumaturi għall-imposti fuq ir-roaming u inkluda miżuri biex tiżdied it-trasparenza. Fl-2009, l-UE emendat ir-Regolament dwar ir-Roaming biex tnaqqas il-prezzijiet tat-telefonati, tal-messaġġi u tas-servizzi tad-dejta. L-emenda daħħlet "tariffa Euro-SMS " li tillimita l-prezz ta’ SMS għal € 0.11 (eskluż il-VAT) u, għad-dejta, limitu għall-operatur għal kull MegaByte uplowdjat jew iddawnlowdjat (fil-livell ta’ € 0.80 b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2010).

B’seħħ ukoll mill-1 ta’ Lulju 2010, il-kont tar-roaming tad-dejta għall-vjaġġaturi jiġi llimitat awtomatikament għal € 50 kull xahar eskluż il-VAT (sakemm ma jkunux għażlu limitu ieħor - ogħla jew irħas). L-operaturi se jkollhom jibgħatu twissija lill-utenti meta dawn jilħqu 80 % tal-limitu tal-kont tagħhom tar-roaming tad-dejta. L-operatur ikollu jaqta' l-konnessjoni tal-internet ċellulari meta jintlaħaq il-limitu, sakemm il-konsumatur ma jkunx indika li f'dak ix-xahar partikolari jrid ikompli jagħmel użu mir-roaming tad-dejta.

Mill-1 ta’ Lulju 2010, il-limitu fuq il-prezz biex wieħed jagħmel telefonata bir-roaming huwa ta’ € 0.39 kull minuta (eskluż il-VAT), filwaqt li meta wieħed jirċievi telefonata bir-roaming tkun tiswa massimu ta’ € 0.15 kull minuta (eskluż il-VAT). Ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-2009 jibqa’ validu sat-30 ta’ Ġunju 2012.

F’rapport interim ta’ Ġunju 2010 (ara IP/10/851), il-Kummissjoni osservat li għalkemm il-leġiżlazzjoni waslet għal prezzijiet orħos fuq ir-roaming, dan is-suq għad mhuwiex b’saħħtu biżżejjed biex ikun jista’ joffri lill-konsumtauri l-aħjar għażla u prezzijiet saħansitra aħjar. Il-prezzijiet tal-konsumaturi għandhom it-tendenza li jiggruppjaw mal-limiti massimi irregolati fuq il-prezz tal-UE u l-Kummissjoni tagħti lill-operaturi ħafna marġni biex joffru tariffi tar-roaming aktar attraenti taħt il-limitu regolatorju. Fit-tieni perjodu ta' tliet xhur tal-2010, il-massimu legali tal-UE għat-telefonati bir-roaming kien ta’ € 0.43 kull minuta, u l-konsumaturi li għażlu t-"tariffa-Euro" ħallsu medja ta' € 0.38 kull minuta biex jagħmlu telefonata bir-roaming. Il-konsumaturi tat-tariffa-Euro ħallsu wkoll medja ta' € 0.16 kull minuta għal telefonati li rċevew bir-roaming, kemxejn taħt il-limitu legali ta’ € 0.19.

Il-Kummissjoni għandha tlesti r-reviżjoni tagħha tar-regoli tal-UE dwar ir-roaming u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta Ġunju 2011.

Aktar tagħrif:

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm

Aktar tagħrif dwar ir-roaming:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website