Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1678

Brussell, it-8 ta' Diċembru 2010

It-tisħiħ tas-sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli tas-servizzi finanzjarji tal-UE: il-pass li jmiss

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni li tistabbilixxi modi possibbli sabiex tirrinforza sistemi tas-sanzjonijiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji tal-UE. Illum, ir-regoli jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u, wieħed jista' jsostni l-argument, li ħafna drabi dawn ma jservux bħala deterrent effikaċi. Imsejjes fuq analiżi tas-sistemi nazzjonali tas-sanzjonijiet għall-ksur ta' regoli nazzjonali li jittrasponu wħud mill-iktar Direttivi importanti tal-UE marbuta mas-servizzi finanzjarji, il-Komunikazzjoni tippreżenta oqsma għal titjib u tissuġġerixxi azzjonijiet possibbli tal-UE sabiex dawn is-sistemi jkunu iktar konverġenti u effikaċi. Il-partijiet interessati jistgħu jibagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sad-19 ta' Frar 2011.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: "Jekk istituzzjoni finanzarja ma tirrispettax ir-regoli tal-UE fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, in-negozjanti u l-eżekuttivi għandhom jirrealizzaw li mhux se jirnexxilhom jiżgiċċaw u li r-reazzjoni se tkun tabilħaqq kiefra, jiġri fejn jiġri l-ksur fl-Ewropa. Bħalissa, ħafna drabi, dan qed ikun il-każ. Il-Komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi t-triq li għandna nieħdu sabiex niżguraw li s-setgħat tal-għoti tas-sanzjonijiet se jkunu iktar qawwijin u iktar konverġenti madwar l-Ewropa sabiex inħarsu aħjar l-interessi taċ-ċittadini."

Il-Komunikazzjoni hija msejsa fuq eżerċizzju ta' inventarju transsettorjali tal-koerenza, l-ekwivalenza u l-użu attwali tas-setgħet tal-għoti tas-sanzjonijiet fl-Istati Membri li sar mit-tliet Kumitati ta' Superviżuri (il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej – il-KSBE, il-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (is-CEIOPS) u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (il-KRET) 1. L-eżerċizzju kopra wħud mill-iktar Direttivi importanti applikabbli fis-settur finanzjarju inkluż il-leġiżlazzjoni dwar it-titoli, l-ibbankjar u l-assigurazzjoni.

L-elementi prinċipali tal-Komunikazzjoni huma:

1. Ir-regoli tas-sanzjonijiet bejn l-Istati Membri huma diverġenti ħafna

Il-kriżi finanzjarja wriet li r-regoli tas-suq finanzjarju mhux dejjem jiġu rispettati u applikati kif suppost madwar l-Unjoni. L-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom ir-responsabbiltà li jipprevjenu l-istituzzjonijiet finanzjarji milli jiksru r-regoli tal-UE u li jissanzjonaw kwalunkwe ksur fil-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jżguraw li r-regoli tal-UE ikunu applikati kif xieraq. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jaġixxu b'mod koordinat u integrat.

Il-Komunikazzjoni turi li s-sanzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri huma diverġenti f'aspetti prinċipali bħal fit-tip ta' sanzjonijiet disponibbli u l-livell tal-multi. Dan jagħmel differenza meta r-regoli li jeħtieġ ikunu rispettati jkunu applikati madwar l-Ewropa kollha, għalhekk jagħmel sens li r-rispons għall-ksur tagħhom ikun ukoll koerenti fil-livell Ewropew. Jista' jkun hemm riskju li l-kumpaniji jew l-individwi jinnegozjaw f'postijiet fejn is-sanzjonijiet huma l-iktar dgħajfa jew fejn ma tantx jiġu infurzati. Is-sistema kurrenti mhux dejjem tirriżulta li hi l-aqwa waħda f'termini ta' effikaċja, proporzjonalità u disważjoni.

2. Suġġerimenti għall-konverġenza u rinfurzar tas-sistemi tas-sanzjonijiet

Id-diverġenzi msemmija fil-Komunikazzjoni jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-Suq Intern. Madankollu, b'mod deċiżiv, dawk id-diverġenzi jistgħu wkoll joħolqu r-riskju li jnaqqsu l-ħarsien tal-konsumatur, l-integrità tas-suq, u l-kunfidenza fis-settur finanzjarju. In-nuqqas ta' infurzar tar-regoli tal-UE fi Stat Membru wieħed jista' jkollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fi Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma li sabiex jonqos ir-riskju ta' funzjonament mhux xieraq tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li jkun hemm iktar konverġenza tas-sistemi tas-sanzjonijiet. Dan jista' jinkiseb billi jiġu stabbiliti standards komuni minimi għal ċerti kwistjonijiet li huma prinċipali għas-sistemi tas-sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u deterrneti. Dan jista' jinkludi t-tip ta' sanzjonijiet disponibbli, inkluż li wieħed iqis l-alternattiva ta' sanzjonijiet kriminali kif ukoll ċivili; il-livell ta' dawk is-sanzjonijiet; id-disponibbiltà tas-sanzjonijiet kemm kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll kontra l-individwi responsabbli mill-ksur; u l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tilqa' l-kummenti dwar il-proposta tal-politika ppreżentata fil-Komunikazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu fuq l-indirizz elettroniku markt-sanctions-consultation@ec.europa.eu sad-19 ta' Frar 2011. Abbażi tal-kummenti li jaslu, fl-2011 il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-proposti possibli dwar kif tirrinforza s-sistemi tas-sanzjonijiet.

Sfond:

It-tisħiħ tas-sistemi tas-sanzjonijiet huwa wieħed mill-elementi tar-riforma tas-settur finanzjarju. Dan jikkumplimenta aspetti oħra tax-xogħol li diġà bdew jiġu introdotti jew li huma ta' natura "preventiva", inklużi superviżjoni effikaċi u governanza tal-kumpaniji.

Kif ġie rikonoxxut fir-rapport ta' de Larosière: "Is-superviżjoni ma tistax tkun effikaċi minħabba li s-sistemi tas-sanzjonijiet huma dgħajfa u varjanti ħafna. Huwa essenzjali li fl-UE u kullimkien, is-superviżuri kollha jkollhom il-ħila jużaw is-sistemi tas-sanzjonijiet li huma biżżejjed konverġenti, stretti, u li jirriżultaw f'deterrenza." 2

Is-sistemi tas-sanzjonijiet effikaċi u konverġenti biżżejjed huma l-konsegwenza meħtieġa għall-Awtoritajiet Ewropej ta' Superviżuri (ara MEMO/10/434) li għandhom jiġu stabbiliti sal-1 ta' Jannar 2011, u li se jwasslu għal titjib fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali.

Sar qbil fuq livell globali dwar il-kwistjoni li għandu jkun hemm iktar sanzjonijiet effikaċi. Fis-samit li sar f'Washington fil-15 ta' Novembru 2008, il-kapijiet tal-G20 qablu dwar l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għal Riforma tas-swieq finanzjarji, inklużi azzjonijiet immirati lejn il-ħarsien tas-swieq u tal-investituri kontra l-kondotta illiċita u li jkun żgurat li jiġu implimentati sistemi xierqa tas-sanzjonijiet. Li jiżdied l-infurzar regolatorju u r-rimedji huwa wieħed mill-għanijiet tar-riforma ta' regolament finanzjarju reċenti tal-Amerika.

Aktar informazzjoni tinsab fis-sit tal-internet li ġej:

MEMO/10/660

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/sanctions_en.htm

1 :

Ir-rapporti mħejjija mit-tliet Kumitati huma disponibbli fuq is-siti tagħhom: http://www.c-ebs.org/home.aspx, http://www.cesr-eu.org/, https://www.ceiops.eu/

2 :

Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-superviżjoni Finanzjarja fl-UE ppresedut minn Jacques de Larosière, 25.2.2009, par.201.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website