Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-saħħa tan-naħla: dokument tal-Kummissjoni jittratta fil-qosor il-ħtieġa ta' aktar azzjoni fl-UE

European Commission - IP/10/1667   06/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1667

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2010

Is-saħħa tan-naħla: dokument tal-Kummissjoni jittratta fil-qosor il-ħtieġa ta' aktar azzjoni fl-UE

Naħal b'saħħtu huwa importanti kemm għall-produzzjoni tal-għasel kif ukoll għad-dakkir tal-pjanti, bħalma huma s-siġar tal-frott. F'dawn l-aħħar snin ġiet irrappurtata żieda fil-mortalità tan-naħal f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Biex tikseb fehim aħjar tar-raġunijiet li qed iwasslu għall-mortalità għolja tan-naħal madwar id-dinja, il-Kummissjoni Ewropa llum elenkat l-ideat tagħha dwar sensiela ta' azzjonijiet speċifiċi. Sa issa, l-istudji xjentifiċi la ddeterminaw il-kawżi eżatti lanqas il-firxa preċiża tal-problema. Il-Kummissjoni diġà nidiet għadd ta' inizjattivi biex jiġi indirizzat it-tħassib tas-settur tat-trobbija tan-naħal u hemm azzjonijiet oħrajn ippjanati. It-trobbija tan-naħal hija attività żviluppata fil-wisa' fl-UE. Hemm madwar 700,000 ruħ li jrabbu n-naħal fl-Unjoni li l-biċċa l-kbira tagħhom jagħmlu dan bħala delizzju. Id-dokument adottat illum se jgħin fl-isforzi biex jinstabu s-soluzzjonijet għall-problema.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli, qal: "Il-ħarsien tas-saħħa tan-naħla huwa ta' importanza kbira fl-UE. L-UE għandha ssaħħaħ il-qafas attwali, fl-ispirtu tal-prinċipju tagħna dwar l-Istrateġija għas-Saħħa tal-Annimali li huwa 'il-mard aħjar tilqagħlu minn qabel milli toqgħod tikkurah wara' u għandha tgħin lill-Istati Membri u lil dawk li jrabbu n-naħal fl-isforzi tagħhom biex is-saħħa tan-naħla titjieb u tkun sostenibbli." Bħala konklużjoni huwa qal: "Il-komunikazzjoni adottata llum se ttejjeb id-diskussjoni dwar is-saħħa tan-naħla mal-partijiet kollha interessati u tista' tifrex it-triq għal aktar azzjoni mill-UE."

Nindirizzaw il-mortalità tan-naħla

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiċċara l-kwistjonijiet ewlenin marbuta mas-saħħa tan-naħal u tittratta fil-qosor l-inizjattivi li l-Kummissjoni nidiet biex tindirizza l-kwistjoni kif ukoll l-azzjonijiet li diġà ntrabtet li twettaq. Il-Kummissjoni nidiet, lestiet jew ippjanat l-azzjonijiet speċifiċi li ġejjin li permezz tagħhom se jkun hemm għarfien aħjar dwar il-mortalità tan-naħal u għaldaqstant tal-azzjonijiet varji ta' rimedju li jistgħu jinħtieġu:

  • Ħatra ta' Laboratorju ta' Referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal (ANSES - Sophia Antipolis - France)

  • Programm ta' sorveljanza bi prova biex issir stima tal-firxa tal-mortalità tan-naħal

  • Reviżjoni tar-regoli tas-saħħa tal-annimali tal-UE għan-naħal, b'mod partikolari għal elementi essenzjali bħal definizzjonijiet ġenerali, prinċipji għal miżuri ta' kontroll tal-mard u tal-movimenti

  • Aktar użu ta' dokumenti ta' gwida biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni ma tkunx adattata l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE

  • Taħriġ dwar is-saħħa tan-naħla għall-uffiċjali tal-Istati Membri taħt l-inizjattiva Taħriġ Aħjar għal Ikel iktar Sikur

  • Titqies id-disponibilità limitata tal-prodotti mediċinali veterinarji għan-naħal matul ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti mediċinali veterinarji tal-UE

  • Approvazzjoni ta' pestiċidi fil-livell tal-UE jekk ikunu bla periklu għan-naħal

  • Protezzjoni tan-naħal billi jiġi indirizzat it-telf tal-bijodiversità

  • Żieda fil-kontribuzzjoni tal-UE għall-iffinanzjar tal-programmi tat-trobbija tan-naħal b'madwar 25 fil-mija għall-perjodu 2011-2013

  • Proġetti ta' riċerka biex tinstab soluzzjoni dwar is-saħħa tan-naħla u t-tnaqqis kemm tan-naħal dakkari fin-natura kif ukoll dak domestiku, inklużi kolonji tan-naħal fl-Ewropa

  • Aktar kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali (p.eż. l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, OIE)

Il-pass li jmiss

Il-Komunikazzjoni għandha sservi bħala bażi għal aktar diskussjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill kif ukoll awtoritajiet tal-Istati Membri u partijiet interessati. Għandha wkoll tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' aktar azzjonijiet possibbli meħtieġa fil-livell tal-UE.

Filwaqt li jitqiesu l-proporzjonalità u s-sussidjarjetà l-armonizzazzjoni mtejba tal-miżuri tal-UE se jkollha rwol ewlieni f'dawn il-konsiderazzjonijiet. Il-miżuri jistgħu wkoll jinkludu inizjattivi mhux leġiżlattivi biex ikun hemm livell ogħla ta' responsabbiltà u għarfien fost dawk li jrabbu n-naħal dwar il-mard tan-naħla.

Il-kwistjoni

Is-saħħa tan-naħal hija affettwata minn bosta patoġeni varji (batterjali, virali, parasitiċi, eċċ.). Ftit huwa magħruf kemm dwar ir-rwol li għandu l-mard tan-naħal fiż-żieda tal-mortalità tan-naħal kif ukoll dwar l-interazzjoni bejn il-patoġeni u fatturi oħra u kif din tikkontribwixxi għall-effetti negattivi fis-saħħa tan-naħal.

Fatturi oħra li jinfluwenzaw is-saħħa tan-naħal huma: il-prassi tat-trobbija tan-naħal; id-disponibbiltà limitata ta' trattamenti mediċi u l-ambjent innifsu. Fost il-fatturi ambjentali negattivi li jridu jitqiesu hemm l-użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' għalf u t-telf tal-ambjent li fih jgħixu.

Is-settur huwa magħmul minn ħafna tipi differenti ta' trobbija ta' naħal (bħala xogħol jew bħala delizzju, duqqajs stazzjonarju jew mobbli, transumanza). Is-saħħa tan-naħal u t-teknoloġija huma differenti sewwa meta jitqabblu ma' dawk ta' annimali oħra bħall-ifrat jew it-tjur minħabba li n-naħal jgħixu fl-hekk imsejħa kolonji u jiġu affettwati aktar mill-qrib mill-ambjent naturali tagħhom. Ir-reġjuni differenti (il-klima, il-produzzjoni tradizzjonali/lokali) u t-tixrid tal-mard huma wkoll fatturi li għandhom rwol fit-trobbija tan-naħal.

Dawn l-elementi kollha jiġġeneraw ħtiġijiet, approċċi, fehmiet u prassijiet kumplessi u multipli.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://ec.europa.eu/food/animal/ / liveanimals bees/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website