Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar numru tat-telefown uniku għall-Ewropa kollha għan-negozji tal-UE

European Commission - IP/10/1664   06/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1664

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2010

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar numru tat-telefown uniku għall-Ewropa kollha għan-negozji tal-UE

F'konsultazzjoni pubblika mnedija llum, il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lin-negozji, lill-konsumaturi, lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u lill-awtoritajiet pubbliċi jekk jarawx benefiċċji f'sistema li tippermetti lin-negozji biex jużaw l-istess numru tat-telefown fl-Istati Membri kollha tal-UE. In-numri tat-telefown għall-UE kollha jistgħu jsaħħu s-Suq Uniku tal-UE, kif imsemmi fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Numru tat-telefown għall-UE kollha jista' jgħin lin-negozji Ewropej biex joffru bejgħ transkonfinali b'mod aktar faċli u jiffaċilità l-aċċess għal servizzi ta' wara l-bejgħ rikjesti mill-konsumatur irrispettivament mill-Istat Membru fejn jinsab il-klijent. Il-konsultazzjoni se tgħin il-Kummissjoni biex tivvaluta d-domanda tas-suq għan-numri tat-telefown ta' negozji Ewropej u, jekk ikun neċessarju, tifformula inizjattivi għall-introduzzjoni ta' dawn in-numri. Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sat-28 ta' Frar 2011.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Illum, in-negozji jeħtieġ li jkollhom numru tat-telefown separat f'kull Stat Membru fejn il-klijenti tagħhom ikunu jistgħu jikkuntattjawhom. Dan jagħmilha diffiċli biex jiżviluppaw servizzi madwar l-UE kollha għall-klijenti tagħhom. Inħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jgħinuna nifformulaw politika li tindirizza l-bżonnijiet tan-negozji u tipprovdi aċċess iktar konvenjenti għall-konsumaturi."

Bħalissa ma hemm l-ebda numru disponibbli fl-UE kollha għan-negozji li jridu jkunu aċċessibbli minn barra l-pajjiż. Minflok, kumpaniji jkollhom jiddependu fuq numri differenti ta' "negozji" nazzjonali jew li mhumiex ġeografiċi, bħan-numri 0800 f'kull Stat Membru li jaħdmu fih. Dan iwassal għal spejjeż żejda għal negozji u konsumaturi u jxekkel l-iżvilupp tas-Suq Uniku tal-UE. Ta' spiss, numri li mhumiex ġeografiċi f'wieħed mill-Istati Membri ma jkunux aċċessibbli minn Stati Membri oħra.

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tistaqsi mistoqsijiet dwar il-frammentazzjoni tas-suq, modi possibbli biex jiġu armonizzati n-numri tat-telefown, id-domanda tas-suq għall-futur u l-immaniġġjar tan-numri. Dawk li jwieġbu huma mistiedna biex sat-28 ta' Frar 2011 jibagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-politika ta' numerazzjoni li tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod għall-iżvilupp tas-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni se tanalizza t-tweġibiet għall-konsultazzjoni u wara se tieħu deċiżjoni li tiddeskrivi l-istrateġiji l-aktar xierqa ta' politika ta' numerazzjoni biex jittejjeb is-Suq Uniku.

Sfond

In-numri tat-telefown fl-UE huma amministrati nazzjonalment mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jallokaw numri skont il-pjani ta' numerazzjoni nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, l-iskemi ta' assenjar ta' numerazzjoni nazzjonali jippredominaw fl-UE.

Skont ir-regoli ta' telekomunikazzjonijiet tal-UE, hemm żewġ strateġiji possibbli biex titjieb in-numerazzjoni armonizzata għan-negozji. Possibiltà waħda tkun l-introduzzjoni ta' numru qasir mal-UE kollha (e.ż. li jibda 115) li jista' jkun riżervat għan-negozji. Dawn in-numri huma qosra u faċli biex wieħed jiftakarhom u jipprovdu identifikatur uniku għal kumpanija madwar l-Ewropa. Għażla oħra tista' tkun l-introduzzjoni ta' miżuri biex jippromwovu l-adozzjoni ta' kodiċi ta' aċċess tat-telefown Ewropew (+3883) skont l-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS). In-numri tat-telefown ta' negozji jistgħu jikkonsistu fil-kodiċi +3883 flimkien ma' numru tat-telefown li jista' jibqa' l-istess fl-Istati Membri kollha.

Fis-sena 2000 sar tentattiv mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) biex jiġi introdott spazju uniku Ewropew ta' numerazzjoni. Skont din l-iskema, kien assenjat kodiċi - +3883 – lil 24 pajjiż Ewropew sabiex jiġi żviluppat spazju Ewropew tan-numerazzjoni tat-telefonija (ETNS). L-għan tal-ETNS kien li jippromwovi s-servizzi pan-Ewropej billi jagħmel disponibbli numri f'ċirkostanzi fejn la numri nazzjonali u lanqas dawk globali ma kienu adattati jew disponibbli. Kien maħsub biex jippermetti kumpaniji pan-Ewropej, organizzazzjonijiet u individwi li jiffaċilitàw l-aċċess għas-servizzi tagħhom fl-Ewropa kollha, iżda dan għandu jiskadi fil-31 ta' Diċembru.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website