Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea lesta li tibda taħdidiet mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehim rigward id-dejta personali biex tiġġieled it-terroriżmu jew il-kriminalità

European Commission - IP/10/1661   03/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1661

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea lesta li tibda taħdidiet mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehim rigward id-dejta personali biex tiġġieled it-terroriżmu jew il-kriminalità

Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea llum approvaw li jingħata bidu għal taħdidiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehim rigward il-protezzjoni tad-dejta personali meta jkunu qed jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità. Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-abbozz tal-mandat biex tinnegozja tali ftehim fis-26 ta' Mejju 2010 (ara IP/10/609). L-għan hu li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali, bħalma hi d-dejta dwar il-passiġġieri jew informazzjoni finanzjarja, li tiġi trasferita bħala parti minn kooperazzjoni transatlantika fi kwistjonijiet kriminali. Ladarba fis-seħħ, il-ftehim għandu jsaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess, ir-rettifika jew it-tħassir ta' dejta meta din tiġi pproċessata bil-għan tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu.

"Il-protezzjoni tad-dejta personali hija dritt fundamentali għaċ-ċittadini tal-UE. Biex niggarantixxu dan id-dritt, jeħtieġ inkunu ambizzjużi fl-approċċ tagħna lejn il-protezzjoni tad-dejta personali – kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minnu," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissajru tal-UE għall-Ġustizzja. "Id-deċiżjoni tal-lum tagħtina l-libertà li ninnegozjaw ftehim solidu u koerenti mal-Istati Uniti li jibbilanċja d-drittijiet li jistgħu jiġu nfurzati mill-individwi mal-kooperazzjoni b'saħħitha li neħtieġu għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Ninsab ħerqana biex niltaqa' mal-pari tiegħi mill-Istati Uniti l-ġimgħa d-dieħla f'Washington biex nagħtu bidu għal dawn in-negozjati importanti."

Sa mill-11 ta' Settembru 2001 u l-attakki terroristiċi li ġraw wara fl-Ewropa, l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika saħħew il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Il-qsim ta' informazzjoni relevanti huwa element essenzjali għal kooperazzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità – kemm fi ħdan l-UE kif ukoll mal-Istati Uniti tal-Amerika. Element wieħed importanti hu t-trasferiment u l-ipproċessar ta' dejta personali għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' każijiet kriminali, inkluż it-terroriżmu.

L-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika huma impenjati t-tnejn li huma biex jipproteġu d-dejta personali u l-privatezza. Madankollu, għad għandhom metodoloġiji differenti fejn tidħol il-protezzjoni tad-dejta personali, u dan fil-passat wassal għal xi kontroversji waqt in-negozjar dwar ftehimiet ta' skambju ta' informazzjoni (bħall-Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu jew ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri). L-iskop tan-negozjati approvati llum huwa wkoll li dawn id-differenzi jiġu indirizzati u megħluba.

Wara d-deċiżjoni li ħadu llum il-Ministri tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni issa għandha l-mandat li tinnegozja ftehim umbrella għal dejta personali li tiġi trasferita lil u pproċessata minn awtoritajiet kompetenti fl-UE u fl-Istati Uniti tal-Amerika. L-għan tal-mandat hu li jilħaq ftehim li:

  • jipprovdi għal sett ta' standards dwar il-protezzjoni tad-dejta li hu koerenti u armonizzat inklużi prinċipji essenzjali bħall-proporzjonalità, minimizzazzjoni tad-dejta, perjodi ta' retenzjoni minimi u limitazzjoni tal-għanijiet;

  • ikun jiġbor fih l-istandards kollha neċessarji għall-protezzjoni tad-dejta skont ir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-UE, bħal drittijiet li jistgħu jiġu infurzati minn individwi, rimedju amminsitrattiv u ġudizzjarju jew klawsola rigward in-nondiskriminazzjoni.

  • jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta u l-kontroll tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti.

Il-ftehim ma jkunx jipprovdi l-bażi legali għal xi trasferimenti speċifiċi ta' dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika. Dejjem se jkun hemm il-ħtieġa ta' bażi legali speċifika għal tali trasferimenti tad-dejta. Il-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni tad-dejta mbagħad ikun japplika għal dawn it-trasferimenti tad-dejta.

Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat b'kollox f'kull stadju tan-negozjati.

Sfond

Il-protezzjoni tad-dejta personali hija stabbilita fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Karta hi integrata fit-Trattat ta' Lisbona u hi legalment vinkolanti għall-UE u għall-Istati Membri tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. It-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 16, It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) jgħid li l-UE tista' tagħmel regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE, u mill-Istati Membri, meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE.

Il-Parlament Ewropew, f'riżoluzzjoni tas-26 ta' Marzu 2009, sejjaħ ukoll għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li jassigura protezzjoni adegwata tal-libertajiet ċivili u tad-dejta personali. F'Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi Rakkomandazzjoni "għan-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni tad-dejta u, fejn ikun hemm bżonn, ftehim dwar l-iskambju tad-dejta għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi."

Fis-26 ta'Mejju 2010, il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta' mandat biex tinnegozja ftehim dwar il-protezzjoni tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika (IP/10/609 u MEMO/10/216).

Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija tagħha biex timmodernizza l-qafas tal-UE dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta (ara IP/10/1462).

Il-Parlament Ewropew laqa' u appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni f'riżoluzzjoni tal-11 ta' Novembru 2010.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website