Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Regoli ġodda dwar injam illegali jidħlu fis-seħħ fl-UE

European Commission - IP/10/1656   03/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1656

Brussell, it-3 ta' Diċembru 2010

L-ambjent: Regoli ġodda dwar injam illegali jidħlu fis-seħħ fl-UE

Regoli ġodda biex jipprevjenu l-bejgħ ta' injam illegali fis-suq Ewropew daħlu fis-seħħ fl-UE kollha. Il-leġiżlazzjoni se ssaħħaħ l-isforzi sabiex jieqaf il-qtugħ illegali ta' siġar li jikkawża ħsara ambjentali gravi u telf tal-bijodiversità, u jxejjen l-isforzi ta' dawk li qed jipprovaw jimmaniġjaw il-foresti b'responsabbiltà. Ir-Regolament, li kien propost għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fl-2008, ġie adottat ix-xahar li għadda mill-UE, u se japplika fl-Istati Membri kollha minn Marzu 2013.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "B'dan ir-Regolament, l-UE qed tagħti kontribut importanti għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali ta' siġar, li mhux biss jeqred riżorsi naturali, iżda jaffettwa wkoll lil dawk li jiddependu fuq il-foresti għall-għixien tagħhom. Dan huwa kontribut konkret mill-UE biex tissielet kontra t-telfa tal-bijodiversità globalment. Il-konsumaturi Ewropej se jingħataw ukoll kunfidenza akbar fil-prodotti li jixtru”.

Foresti mmaniġjati tajjeb huma sors importanti ta' materjali rinnovabbli kif ukoll jipprovdu bosta servizzi ambjentali. Madanakollu, qtugħ illegali ta' siġar – li ġej parzjalment minħabba d-domanda fl-UE għall-injam – għandu konsegwenzi negattivi għas-sostenibbiltà fuq żmien twil. Ir-Regolament il-ġdid se jipprojbixxi l-bejgħ ta' injam illegali fis-suq tal-UE, kif ukoll ta' prodotti ġejjin minn injam maqtugħ illegalment.

Operaturi tal-UE li jbiegħu għall-ewwel darba prodotti tal-injam u injam fis-suq tal-UE – kemm jekk oriġinaw fl-UE jew kienu importati – se jkollhom bżonn ikunu jafu minn fejn ġej l-injam tagħhom. Se jkollhom jieħdu passi biex jiżguraw li kien maqtugħ skont il-liġijiet rilevanti tal-pajjiż fejn inqata'. Kummerċjanti matul il-katina tal-forniment fi ħdan l-UE se jkollhom jirreġistraw minn fejn inxtara l-injam jew il-prodott tal-injam tagħhom u lil minn inbiegħ.

L-Istati Membri se jkunu responsabbli biex jagħmlu sanzjonijiet fuq operaturi li jiksru r-regoli. Legalità hija definita b'referenza għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiz fejn inqata' l-injam. Prodotti tal-injam minn pajjiżi li ssieħbu fil-Ftehimiet Volontarji ta' Partenarjat mal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi l-Governanza u l-Kummerċ tal-Foresta, (Forest Law Enforcement Governance and Trade - FLEGT) se jiġu kkunsidrati li huma konformi mar-Regolament.

Ir-Regolament se japplika għal firxa wiesgħa ta' injam u prodotti tal-injam, inklużi prodotti tal-injam mastizz, prodotti tal-plywood u tal-foljetta, għamara, polpa u karta.

Għalkemm ir-Regolament issa daħal fis-seħħ, id-data tal-applikazzjoni tiegħu fl-Istati Membri kollha se tkun it-3 ta' Marzu 2013.

Sfond

Il-qtugħ illegali ta' siġar – il-qtugħ, it-trasport, il-bejgħ jew ix-xiri ta' injam kontra il-liġijiet nazzjonali applikabbli – għandu implikazzjonijiet ambjentali serji. Jikkontribwixxi għall-proċess ta' deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti li jikkawża madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 u jhedded il-bijodiversità, Il-qtugħ illegali ta' siġar jiswa ammonti sinifikanti ta' flus lil gvernijiet fi dħul mitluf, illi li kieku jintefaq f'kura ta' saħħa, edukazzjoni u servizzi pubbliċi oħra mtejba – kwistjoni partikolari għal pajjiżi li qed jiżviluppaw – u jxejjen l-implimentazzjoni tal-immaniġjar sostenibbli tal-foresti.

Għat-test tar-Regolament ara:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2010:295:0023:01:MT:HTML

Għal aktar dettalji, ara is-sit tal-internet:

http://ec.europa.eu/environment/forests/illegal_logging.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website