Navigation path

Left navigation

Additional tools

10 miljun ruħ qed jużaw is-CV tal-Europass biex ifittxu xogħol

European Commission - IP/10/1655   03/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1655

Brussell, 3 Diċembru 2010

10 miljun ruħ qed jużaw is-CV tal-Europass biex ifittxu xogħol

Skont l-iktar statistika reċenti miġbura mill-Kummissjoni Ewropea, attwalment iktar minn 10 miljun ruħ qed jużaw CV (curriculum vitae) tal-'Eurpass' onlajn biex tgħinhom fit-tfittxija tagħhom għal xogħol. Billi toffri mudell standardizzat ta' CV, disponibbli f'26 lingwa, il-Europass tgħin lil dawk li jkunu qed ifittxu xogħol biex jippreżentaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom b'mod ċar lil kull min iħaddem madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Kważi nofs l-utenti tal-Europass għandhom taħt il-25 sena.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "Is-CV tal-Europass hija prattika, popolari u effettiva. Jien ninsab tassew sodisfatta li ntlaqgħet miż-żgħażagħ; hija għodda importanti fil-kampanja tagħna Żgħażagħ Attivi, li tinkoraġġixxi l-istudju u x-xogħol f'pajjiż barrani. M'għandix dubju li mhux se jgħaddi wisq żmien qabel l-utenti tal-Europass jitilgħu għal 20 miljun."

Il-Europass tnediet fl-2005 u inizjalment kienet immirata lejn żgħażagħ li jkunu jfittxu xogħol jew opportunitajiet barra minn pajjiżhom; anke llum l-utenti prinċipali tagħha ġejjin minn din il-kategorija. Kważi nofs l-utenti tal-Europass għandhom inqas minn 25 sena; terz minnhom m'għandhomx esperjenza preċedenti ta' xogħol u minoranza biss għandom esperjenza ta' iktar minn ħames snin.

Madankollu, huwa evidenti mir-rispons li, ħafna nies mhux qed jużaw il-Europass biss biex isibu xogħlijiet barra minn pajjiżhom, iżda qed jużaw is-CV dejjem iktar biex japplikaw għal xogħlijiet f'pajjiżhom ukoll.

Il-Europass kisbet popolarità mal-aġenziji tan-negozju u tax-xogħol. Marc Vandeleene, li jieħu ħsieb il-PR u l-Komunikazzjoni għall-kumpanija Manpower fil-Belġju, qal: "F'suq tax-xogħol li qed jinbidel il-ħin kollu, u li qed isir dejjem iktar internazzjonali, is-CV tal-Europass tiffaċilita l-proċessi tar-reklutaġġ għall-kumpaniji u ttejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema. Il-mod kif persuna tippreżenta s-CV tagħha ħafna drabi jkun influwenzat mill-kultura ta' pajjiżha. Prattika standard f'pajjiż mhix neċessarjament prattika aċċettata f'pajjiż ieħor. Is-CV tal-Europass issolvi din il-problema."

L-iskema Europass kienet żviluppata għall-Kummissjoni miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (is-Cedefop), li jimmaniġġjaha fi sħubija maċ-ċentri nazzjonali tal-Europass. Iċ-ċentri nazzjonali għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien ta' kuxjenza dwar il-Europass fost il-pubbliku. Dawn jikkollaboraw ukoll mas-servizzi ta' gwida fir-rigward tal-karriera u s-servizzi tax-xogħol, ma' min iħaddem u mat-trejdjunjins.

Iċ-ċentri tal-Europass Ungeriżi u Finlandiżi, pereżempju, iffirmaw ftehimiet ma' aġenziji tar-reklutaġġ biex jadottaw il-mudell tas-CV tal-Europass. Huwa mistenni li pajjiżi oħra jagħmlu l-istess. Iktar minn 200 kumpanija Ġermaniża rrikorrew għand iċ-ċentru tal-Europass fil-Ġermanja biex jingħataw informazzjoni dwar is-CV. Fl-2009, iktar minn 600 000 forma standardizzata tas-CV tniżżlu miċ-ċentru tal-Europass fir-Renju Unit u 200 000 oħra miċ-ċentru fl-Italja.

Il-Kummissjoni qed tesplora sinerġiji mal-portal għall-karrieri ta' riċerka l-Euraxess u l-portal tal-mobbiltà fix-xogħol il-EURES biex tkompli tkabbar dan is-suċċess.

Flimkien maċ-ċentri tal-Europass, il-Kummissjoni u s-Cedefop qed jikkunsidraw ukoll alternattivi kif jistgħu jaġġornaw il-portal tal-Europass u s-CV innifisha. Pereżempju, qed tiġi kkunsidrata verżjoni ġdida tas-CV immirata lejn professjonisti f'nofs il-karriera tagħhom.

Is-CV tal-Europass hija l-ewwel pass lejn l-iżvilupp tal-'Passaport Ewropew tal-Ħiliet' il-ġdid, li se jippermetti liċ-ċittadini jippreżentaw aħjar il-ħiliet miksuba permezz ta' esperjenzi bħal apprendistati jew volontarjat f'pajjiżhom jew barra. Bħas-CV tal-Europass, il-passaport tal-ħiliet se jgħin lil dawk li jkunu qed ifittxu xogħol biex jippreżentaw l-abbiltajiet u l-esperjenzi tagħhom b'mod iktar ċar.

Il-Europass hija disponibbli fi 22 lingwa uffiċjali tal-UE, kif ukoll bit-Tork, il-Kroat, in-Norveġiż u l-Islandiż.

Biex tkun taf aktar:

Il-portal tal-Europass, inklużi links għaċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass

Il-paġna tal-Europass fuq EUROPA, inkluża link għar-rapport valutattiv tal-2008

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website