Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1654

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2010

Sit elettroniku ġdid għall-identifkazzjoni ta' vetturi aktar ekoloġiċi u effiċjenti

Għada, il-Kummissjoni Ewropea se tvara sit elettroniku faċli biex jintuża li jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u kull min huwa kkonċernat mill-ambjent jagħżel il-vetturi l-aktar nodfa u effiċjenti fl-enerġija li hawn disponibbli. Il-Portal tal-Vetturi Nodfa, disponibbli fuq http://www.cleanvehicle.eu se jkun ta' għajnuna kbira għaliex direttiva ġdida dwar il-promozzjoni ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-enerġija1 minn dan ix-xahar se tirrikjedi li x-xiri kollu ta' vetturi għas-servizzi tat-trasport pubbliku jqis il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet minn inkwinanti. Huwa jipprovdi informazzjoni dwar leġiżlazzjoni għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-enerġija fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri kollha; jipprovdi aċċess għad-dejta teknika fl-akbar bażi tad-dejta tal-vetturi fl-Ewropa; u jiffaċilita l-akkwist konġunt.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: "Din id-Direttiva u dan is-sit elettroniku se jagħtu spinta lit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-enerġija billi juru l-ispiża reali fl-użu tal-vetturi. Għandha tkun meqjusa mhux biss l-ispiża inizjali tax-xiri, iżda wkoll il-konsum tal-enerġija tul il-ħajja tal-vettura u l-emissjonijiet minn inkwinanti. F'konformità mal-politika tagħna li nistabbilixxu prezz fil-kosti kollha, jagħmel sens li nagħżlu l-alternattiva aktar ekoloġika. Dan is-sit elettroniku se jkun ta' għajnuna kbira fl-identifikazzjoni ta' dawn il-vetturi aktar ekoloġiċi u effiċjenti."

Id-direttiva tirrikjedi li s-settur pubbliku juża s-saħħa tiegħu tax-xiri għall-promozzjoni ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-enerġija. B'hekk tirrappreżenta pass importanti għall-ksib tal-miri tal-UE għall-2020 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-enerġiji rinnovabbli. L-għan huwa li tixpruna s-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-enerġija u li tqanqal żvilupp u investiment mill-industrija. Aktar bejgħ jgħin biex jonqsu l-ispejjeż permezz ta' ekonomiji ta' skala u se jirriżulta f'titjib progressiv fil-prestazzjoni ambjentali u tal-enerġija tal-flotta sħiħa ta' vetturi disponibbli.

Il-kost tal-konsum tal-enerġija u tal-impatt ambjentali ta' vetturi huwa ta' importanza ewlenija għall-utenti professjonali u privati. Għal din ir-raġuni, il-Portal tal-Vetturi Nodfa jkopri kollox minn karozzi tal-passiġġieri, vetturi light-duty u heavy-duty sa karozzi tal-linja. Il-portal jipprovdi informazzjoni dwar it-teknoloġiji differenti u dwar il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-vetturi disponibbli fis-swieq Ewropej. Jagħti stampa ġenerali tar-regoli eżistenti dwar l-akkwist u dwar l-iskemi ta' inċentivi għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-enerġija fl-Istati Membri differenti, u joffri appoġġ għall-akkwist pubbliku konġunt.

L-iżvilupp tal-Portal tal-Vetturi Nodfa kien immexxi mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Executive Agency for Competitiveness and Innovation - EACI).

Aktar tagħrif :

Id-Direttiva dwar Vetturi Nodfa:

http://ec.europa.eu/transport/urban/vehicles/directive/directive_en.htm

Il-Porta tal-Vetturi Nodfa:

http://www.cleanvehicle.eu

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI)

http://ec.europa.eu/eaci/

Ara wkoll MEMO/10/645

1 :

Id-Direttiva 2009/33/KE tat-23 ta' April 2009, ĠU L 120,15.5.2009, p. 5-12


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website