Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1652

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2010

Drittijiet ta' smigħ ġust: Il-gvernijiet tal-UE japprovaw liġi li tiżgura li l-persuni ssuspettati jkollhom id-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali

Illum l-Istati Membri tal-UE appoġġjaw abbozz ta' liġi li tiżgura li l-konvenut ikollu d-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali erba' xhur biss wara li l-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha. (ara IP/10/989). Il-persuni ssuspettati li wettqu reat kriminali ser ikollhom jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom f'ilsien li jifhmu. Din il-miżura ser tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jagħtu Ittra tad-Drittijiet, li telenka d-drittijiet bażiċi matul proċedimenti kriminali, lil kull min jisfa' arrestat jew lil min jinħariġlu Mandat ta' Arrest Ewropew. Il-Kummissjoni tat mudell ta' ittra lill-Istati Membri, li ser jiġi tradott fi 22 ilsien tal-UE. Issa l-Parlament Ewropew imissu jivvota dwar il-miżura. Flimkien mad-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni (ara IP/10/1305 u MEMO/10/351), id-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali huwa parti minn sensiela ta' miżuri ta' smigħ ġust bil-għan li tiżdied il-kunfidenza fiż-żona unika ta' ġustizzja fl-UE.

Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja, qalet: "Il-ftehim tal-lum bejn il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE dwar l-Ittra tad-Drittijiet huwa pass ieħor li ser jgħin sabiex jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jkunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom għal smigħ ġust fi proċedimenti kriminali madwar il-pajjiżi kollha tal-UE." "Jiena sodisfatta ferm bir-ritmu mgħaġġel li bih il-gvernijiet tal-UE aġixxew fir-rigward ta' din il-miżura importanti. Ninsab konvinta li issa l-Parlament Ewropew ser jaġixxi b'mod daqstant ieħor mgħaġġel biex jivvota dwar din il-miżura importanti u jagħti benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini. Aħna tassew qegħdin nibnu żona unika ta' ġustizzja li ser ittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ġudizzjarji fis-27 Stat Membru kollha hemm huma. Qegħdin niżguraw li l-istandards proċedurali minimi jiġu rrispettati madwar l-UE."

Ladarba tidħol fis-seħħ, din il-miżura ser tiżgura li l-pulizija u l-prosekuturi jipprovdu lill-persuni ssuspettati b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom. Wara li jsir arrest, l-awtoritajiet ser jagħtu din l-informazzjoni bil-miktub – f'Ittra tad-Drittijiet – li għandha tinkiteb b'lingwaġġ sempliċi u ta' kuljum. Din ser tingħata f'kull każ lill-persuni suspettati hekk kif jiġu arrestati, kemm jekk jistaqsu għaliha u kemm jekk le, u tiġi wkoll tradotta jekk ikun hemm bżonn.

L-Ittra tad-Drittijiet ser tiġbor fiha dettalji prattiċi dwar id-drittijiet tal-persuna akkużata:

  • li jkollha avukat;

  • li tiġi informata bl-akkuża u, fejn xieraq, li tingaħta aċċess għall-fajl tal-proċess;

  • li tingħata s-servizz ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fil-każ li ma tkunx tifhem l-ilsien tal-proċedimenti;

  • li titressaq minnufih quddiem qorti wara li tiġi arrestata.

L-Ittra tad-Drittijiet ser tgħin biex jiġu evitati żbalji ġudizzjarji u tnaqqas l-għadd ta' appelli. F'każ riċenti, ir-Renju Unit eżegwixxa Mandat ta' Arrest Ewropew maħruġ mill-Portugall fir-rigward ta' ċittadin Brittaniku. Il-mandat, għal sentenza ta' sentejn ħabs, dam iktar minn 14-il xahar biex ingħata u kien jeħtieġ sitt deċiżjonijiet tal-qorti qabel ma ġie eżegwit. Il-ġustizzja kienet issir aktar malajr u b'inqas spejjeż li kieku l-informazzjoni dwar l-akkuża kienet ingħatat sa mill-bidu nett tal-proċedimenti kriminali. Barra minn dan, kienu jiġu evitati appelli mhux meħtieġa.

Iseħħu aktar minn tmien miljun proċediment kriminali fl-UE kull sena. Bħalissa, il-probabbiltà li ċ-ċittadini jiġu informati kif suppost dwar id-drittijiet tagħhom jekk jiġu arrestati u jaffaċċjaw akkużi kriminali tvarja minn parti għall-oħra tal-UE, minkejja li s-27 Stat Membru tal-UE kollha ffirmaw għad-dritt għal smigħ ġust fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. F'ċerti Stati Membri, il-persuni suspettati jirċievu biss informazzjoni verbali dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, u f'oħrajn l-informazzjoni miktuba hija teknika, kumplessa u ma tingħatax sakemm ma tintalabx.

Sfond

It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru tal-2009, jippermetti lill-UE li tadotta miżuri biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, f'konformità mal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, partikolarment id-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali.

Id-dritt għal smigħ ġust u d-dritt għad-difiża huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali; kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Id-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali hija t-tieni pass f'sensiela ta' miżuri sabiex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali.

L-ewwel miżura, li tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni suspettati għal traduzzjoni u interpretazzjoni, diġà ġiet approvata mill-Kunsill (IP/10/1305). It-tieni miżura – l-Ittra tad-Drittijiet – ġiet proposta mill-Kummissjoni f'Lulju tal-2010 (IP/10/989) u llum ġiet approvata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri li jmiss, previsti mill-Kummissjoni għall-2011, ser tkun Direttiva dwar id-dritt li persuna jkollha aċċess għal avukat segwit mid-dritt għal komunikazzjoni ma' qrabatha, ma' min iħaddimha u mal-awtoritajiet konsulari.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website