IP/10/1646
Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010
Is-sikurezza fit-toroq: L-UE tintervjeni f'każ ta' infrazzjoni tat-traffiku li jikkomettu s-sewwieqa barra minn pajjiżhom.
Wara ftehim mill-Ministri tat-Trasport f'laqgħa li saret fi Brussell illum, is-sewwieqa se jiġu penalizzati għall-infrazzjonijiet tat-traffiku li jikkomettu barra minn pajjiżhom. Dawn jinkludu l-erba' "qattiela kbar" li jikkawżaw 75 % tal-imwiet fit-toroq – il-veloċità eċċessiva, in-nuqqas ta'waqfien għad-dwal tat-traffiku, in-nuqqas tal-użu taċ-ċintorin tas-sikurezza u s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "Il-possibbiltà li sewwieqa barranin jikkomettu infrazzjoni hija tliet darbiet ikbar milli kieku fil-każ ta' sewwieqa residenti. Ħafna nies donnhom jaħsbu li, meta jmorru barra minn pajjiżhom, ir-regoli ma jibqgħux japplikaw għalihom. Il-messaġġ tiegħi huwa li dawn ir-regoli japplikaw u aħna issa se napplikawhom."
Iċ-ċifri tal-UE juru li s-sewwieqa barranin jirrappreżentaw 5 % tat-traffiku, iżda dawn jikkomemettu madwar 15 % tal-infrazzjonijiet tal-veloċità eċċessiva. Ħafna minnhom jibqgħu ma jiġux penalizzati minħabba li l-pajjiżi ma jkunux jistgħu iffittxu lis-sewwieqa ladarba dawn jirritornaw lura f'darhom.
Il-proposti
Il-proposta għal Direttiva dwar l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq timmira li ssolvi dik is-sitwazzjoni. Il-Ministri laħqu ftehim dwar test li għandu fil-mira tiegħu l-infrazzjonijiet tat-traffiku, b'impatt kritiku fuq is-sikruezza fit-toroq, li jinkludi l-erba' "qattiela kbar" li jikkawżaw 75 % tal-imiwet fit-toroq.
1. Il-veloċità eċċessiva
2. In-nuqqas ta' waqfien għad-dwal tat-traffiku
3. In-nuqqas tal-użu taċ-ċintorin tas-sikurezza
4. Is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol
Kif ukoll,
5. Is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi
6. In-nuqqas tal-użu tal-elmu tas-sikurezza
7. L-użu illegali tal-korsija tal-emerġenza
8. L-użu illegali tal-mowbajl waqt is-sewqan.
Kif ser taħdem?
Il-proposti għandhom jippermettu li s-sewwieqa tal-UE jiġu identifikati u b'hekk jitħarrku għall-infrazzjonijiet li jkunu kkommettew fi Stati Membri oħra barra mill-pajjiż fejn tkun irreġistrata l-karozza tagħhom. Fil-prattika, ir-regoli l-ġodda għandhom jippermettu li jiġi stabbilit netwerk ta' skambju ta' dejta elettronika sabiex ikun possibbli li jsir skambju tad-dejta meħtieġa bejn il-pajjiż fejn saret l-infrazzjoni u l-pajjiż fejn kienet irreġistrata l-karozza. Ladarba jkunu magħrufa l-isem u l-indirizz tas-sid, se tintbagħatlu/tintbagħtilha notifika ta' infrazzjoni. Għal din in-notifika ġie stabbilit mudell bid-Direttiva proposta.
Id-deċiżjoni li l-infrazzjoni tat-traffiku tiġi segwita hija r-reponsabbiltà tal-Istat Membru tal-infrazzjoni (fejn tiġi kommessa l-infrazzjoni). Id-Direttiva ma tarmonizzax la n-natura tal-infrazzjoni u lanqas il-penali tal-infrazzjoni. Għalhekk huma r-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn issir l-infrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, li se jibqgħu japplikaw fir-rigward tan-natura tal-infrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-penali.
X'jiġri wara?
Il-proposti leġiżlattivi għandhom jiġu approvati mill-Membri tal-Parlament Ewropew f'vot fil-Parlament Ewropew qabel ma jsiru liġi. Imbagħad hemm perjodu ta' sentejn sabiex l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma din tidħol fis-seħħ, possibbilment sal-2013.
Sfond:
Il-Programm ta' Azzjoni tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq għal mill-2011 sal-2020, li ġie mniedi f'Lulju 2010, jimmira li sal-2020 inaqqas bin-nofs in-numru tal-imwiet fit-toroq. Għal iktar tagħrif dwar l-elementi dettaljati tal-programm, kif ukoll għall-istatistika ta' kull pajjiż dwar l-imwiet fit-toroq, ara (IP/10/970 u MEMO/10/343)