Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ir-Riċerka: OpenAIRE tiftaħ l-aċċess għar-riżultati xjentifiċi tal-UE

Commission Européenne - IP/10/1644   02/12/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1644

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010

Ir-Riċerka: OpenAIRE tiftaħ l-aċċess għar-riżultati xjentifiċi tal-UE

Ir-riċerkaturi tal-UE, in-negozji u ċ-ċittadini jista' jkollhom aċċess miftuħ b'xejn għal kitbiet dwar ir-riċerka ffinanzjata mill-UE bis-saħħa ta' OpenAIRE (Open Access Infrastructure for Research in Europe), li ġiet imnedija llum mill-Kummissjoni Ewropea, fl-Università ta' Ghent fil-Belġju. OpenAIRE se tipprovdi netwerk ta' repożitorji miftuħa li jipprovdu aċċess onlajn b'xejn għall-għarfien prodotti minn xjenzjati li jibbenefikaw minn għotjiet tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) u l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, l-enerġija, l-ambjent, partijiet mit-Tekonoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u l-infrastrutturi tar-riċerka, ix-xjenzi soċjali, l-istudji umanistiċi u x-xjenza fis-soċjetà. Dan huwa pass importanti lejn aċċess sħiħ u miftuħ ta' kitbiet xjentifiċi li jista', pereżempju, jippermetti lil-pazjenti li jsofru minn mard rari jkollhom aċċess għar-riċerka ta' riċerka medika aħħarija, jew jagħti lix-xjenzjati aġġornamenti f'ħin reali dwar żviluppi fil-qasam tagħhom. L-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka u tal-infrastrutturi elettroniċi, inklużi dawk għar-riżultati tar-riċerka xjentifika, bil-għan li jagħti spinta lill-kompetittività tal-Ewropa, huwa prijorità kemm tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) kif ukoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Innovazzjoni (ara IP/10/1288 u MEMO/10/473).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "It-tnedija ta' OpenAIRE tirrappreżenta pass konkret ħafna lejn il-kondiviżjoni tar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-UE għall-benefiċċju reċiproku tagħna. L-informazzjoni xjentifika għandha s-saħħa li tbiddlilna ħajjitna għall-aħjar hija prezzjuża wisq biex tinżamm moħbija. Barra minn hekk, kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt għall-aċċess u li jibbenefika mill-għarfien li jirriżulta mill-fondi pubbliċi."

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Ix-xjenzjati jeħtieġu aċċess għar-riżultati tar-riċerka jekk iridu jżidu l-potenzjal ta' iktar ħidma fl-istess qasam. L-industrija, u xejn inqas l-SMEs, jeħtieġu li jkunu jafu fejn għandhom isibu r-riżultati tar-riċerka jekk iridu jibnu fuqhom biex joħolqu l-impjiegi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja. OpenAIRE se tkun kontribuzzjoni importanti biex ittejjeb iċ-ċirkulazzjoni tal-għarfien xjentifiku fl-Ewropa u għalhekk, biex tiżviluppa Unjoni għall-Innovazzjoni reali."

Kull sena jiġu ppubblikati madwar 2.5 miljun artiklu tar-riċerka f'25,000 ġurnal ivvalutat mill-pari u atti ta' konferenzi mad-dinja kollha. Bħalissa, bejn 15 % u 20 % minn dawn l-artikli huma disponibbli fir-repożitorji tal-Open Access jew fir-ġurnali tal-Open Access. Il-bqija huma aċċessibbli biss permezz ta' skemi billi wieħed iħallas biex jaqra jew billi jħallas abbonament għall-pubblikazzjoni. L-infrastruttura OpenAIRE ffinanzjata mill-UE li ġiet imnedija llum fl-Università ta' Ghent fil-Belġju tista' eventwalment tiftaħ l-aċċess għall-kitbiet u d-dejta xjentifiċi kollha prodotti minn riċerkaturi ffinanzjati mis-Seba' Programm Kwadru tal-UE (FP7), inklużi xjenzjati li jibbenefikaw minn għotjiet permezz tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), u lil hinn minnu. Minn meta beda l-FP7 fl-2007, ġew ffinanzjati madwar 10,000 proġett.

Skont il-kundizzjonijiet tal-għotjiet tal-FP7, ir-riċerkaturi li jirċievu finanzjament tal-UE fl-oqsma tas-saħħa, l-enerġija, l-ambjent, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, l-infrastrutturi tar-riċerka, ix-xjenzi soċjali, l-istudji umanistiċi u x-xjenza fis-soċjetà għandhom jiddepożitaw it-test sħiħ tal-pubblikazzjonijiet tar-riċerka tagħhom f'repożitorju b'aċċess miftuħ, biex ikunu disponibbli madwar id-dinja kollha b'mod permanenti. Dan huwa madwar 20 % tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-FP7. Riċerkaturi f'oqsma oħra jistgħu jagħżlu li jagħmlu t-testi tagħhom disponibbli fir-repożitorju b'aċċess miftuħ.

Il-proġett jista' jwassal ukoll għal modi ġodda ta' kif ir-riżultati tar-riċerka jiġu indeksjati, annotati, ordnati u llinkjati – u metodi ġodda biex dan kollu jsir awtomatizzat. Dan jista' jwassal għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda minbarra l-infrastruttura tal-informazzjoni pprovduta mill-OpenAir. Il-proġett qed juża helpdesk f'27 pajjiż Ewropew, magħmul minn netwerk ta' esperti u portal ta' għodod li jgħinu lir-riċerkaturi jagħmlu l-artikli tagħhom disponibbli onlajn.

Sfond

OpenAIRE oriġinarjament irriżulta minn inizjattiva pilota tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess miftuħ, li ġiet imnedija f'Awwissu 2008. Il-proġetti ffinanzjati skont l-FP7 huma mitluba jiddepożitaw il-kitbiet ivvalutati mill-pari fir-repożitorji onlajn u jipprovdu aċċess miftuħ fi żmien minn 6 sa 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni, skont il-qasam tematiku.

Huwa jikkomplementa infrastrutturi oħrajn tar-riċerka ffinanzjati mill-UE bħal GÉANT (IP/10/1448), li jipprovdi lil xjenzjati Ewropej b'netwerk tar-riċerka b'veloċità għolja, u PRACE (IP/10/706) li jiżviluppa l-kapaċità ta' superkomputizzazzjoni għal applikazzjonijiet b'domanda għolja. Ir-riżultati u r-rapporti ta' riċerka ffinanzjata mill-UE jistgħu jinstabu wkoll f'CORDIS, is-Servizz Komunitarju ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp

Aktar tagħrif dwar OpenAIRE jista' jinstab fuq http://www.openaire.eu/


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site