Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1641

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010

Avila tibaħ l-ewwel premju Ewropew li qatt ingħata lil bliet bl-aħjar faċilitajiet għal persuni b'diżabilità

Avila, belt Spanjola magħrufa għall-ħitan medjevali tagħha, illum rebħet l-ewwel premju li qatt ingħata għal titjib fil-faċilitajiet ta' aċċess għal persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni Ewropea ppremjat lil Avila bl-Access●City Award 2011. Il-premju annwali għandu l-għan li jippremja l-isforzi li qed isiru biex titjieb l-aċċessibbiltà fl-ambjent urban u biex tisseddaq il-parteċipazzjoni indaqs ta' persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni faħħret il-pjan ta' Avila, żviluppat mill-2002 lil hawn, biex titjieb l-aċċessibilità għall-bini pubbliku u biex jingħataw inċentivi għal inizjattivi privati. Hija żviluppat ukoll faċilitajiet turistiċi b'aktar aċċessibbiltà u tejbet l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità - b'ħidma diretta ma' organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità kif ukoll tal-anzjani. Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Viviane Reding, kif ukoll l-Altezza Rjali Tagħha l-Prinċipessa Astrid tal-Belġju, ippreżentaw il-premju f'ċerimonja fi Brussell fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-Persuni b'Diżabilità (it-3 ta' Diċembru). Din hija waħda mill-azzjonijiet taħt l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal Ewropa bla ostakoli għal persuni b'diżabilità (ara IP/10/1505)

"Nixtieq nifraħ lil Avila u lill-ibliet finalisti l-oħra tal-impenn tagħhom biex ikollna ambjent urban bla ostakoli," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Il-persuni li jbatu minn xi diżabilità għandhom l-istess drittijiet daqs kulħadd, iżda l-aċċessibilità hija għalihom kundizzjoni li trid tkun hemm minn qabel biex ikunu jistgħu jgawdu dawn id-drittijiet. Huwa għalhekk li poġġejnieha fil-qalba tal-istrateġija tagħna għall-bini ta' Ewropa mingħajr ostakoli. L-Access●City Award jagħti għarfien lil dawk l-ibliet li għamlu l-akbar sforzi biex itejbu l-aċċessibilità. Dan l-unur għandu jkun ta' ispirazzjoni u ta' motivazzjoni għal dawk l-ibliet li għad iridu jagħmlu aktar progress."

L-Access●City Award għandu l-għan li jippromowovi l-inizjattivi ta' aċċessibilità fl-ibliet Ewropej. Huwa jservi ta' għarfien għall-isforzi u l-kisbiet fit-titjib tal-aċċesibilità f'erba' oqsma ewlenin: l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi; it-trasport u l-infrastrutturi relatati; l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (inklużi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni); kif ukoll il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi.

Il-ġurija Ewropea għażlet lil Avila minħabba l-pjan komprensiv li għandha, il-livell għoli ta' impenn politiku, il-progress miksub sa issa, u l-involviment effettiv fil-proċess tal-persuni b'diżabilità.

Il-Kummissjoni nediet il-kompetizzjoni għall-ewwel Access●City Award f'Lulju 2010. Setgħu japplikaw għalih bliet Ewropej ta' aktar minn 50,000 ruħ, li minnhom hemm ftit aktar minn 1,000. Il-Kummissjoni rċeviet 66 applikazzjoni eliġibbli minn 19-il Stat Membru.

Ġurija magħżula minn madwar l-Ewropa għażlet imbagħad erba' finalisti: Avila, Barċellona (Spanja), Kolonja (il-Ġermanja) u Turku (il-Finlandja). It-tliet finalisti l-oħrajn ukoll żviluppaw pjani komprensivi biex jindirizzaw l-aċċessibilità fl-erba' oqsma tal-kompetizzjoni:

  • Barċellona ssegwi approċ li permezz tiegħu "kollox jitfassal għal kulħadd" biex ittejjeb l-aċċessibilità b'attenzjoni qawwija fuq l-ambjent mibni u l-faċilitajiet ta' trasport, inkluż permezz ta' makni tal-biljetti aċċessibbli, iddisinjati bl-involviment ta' persuni b'diżabilità.

  • Kolonja ilha sa mill-2004 turi impenn politiku qawwi fit-titjib tal-aċċessibilità, bl-involviment ta' firxa wiesgħa ta' dipartimenti tal-belt b'responsabbiltajiet ċari u b'kooperazzjoni estensiva, inkluż taħriġ speċjali għad-disinjaturi f'dipartimenti tal-belt u impjegati involuti fis-superviżjoni tal-bini.

  • Il-programm komprensiv ta' aċċessibilità ta' Turku jikkostitwixxi strateġija effettiva bl-involviment qawwi ta' persuni b'diżabilità għal belt storika pjuttost żgħira li quddiemha għandha kundizzjonijiet li huma ta' sfida għall-aċċessibilità, b'mod partikolari fejn jidħol l-ambjent mibni.

Sfond

L-"Aċċessibilità" tfisser li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal faċilitajiet u servizzi oħra.

It-titjib tal-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità huwa fost l-azzjonijiet kruċjali skont l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità għall-2010-2020, adottata f'Novembru 2010 (ara IP/10/1505 u MEMO/10/578).

Aktar informazzjoni

Access●City Award

www.accesscityaward.eu

L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 intitolata "Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" u d-dokumenti li jmorru magħha jinsabu hawn:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=933&furtherNews=yes

Is-sit internet tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website