Navigation path

Left navigation

Additional tools

"Il-volontarjat! Int tagħmel differenza”: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi s-Sena Ewropea għall-Volontarjat 2011

European Commission - IP/10/1640   02/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1640

Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010

"Il-volontarjat! Int tagħmel differenza”: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi s-Sena Ewropea għall-Volontarjat 2011

"Jekk irridu li t-tama tagħna li nibnu dinja aħjar u iktar sigura ssir xi ħaġa iktar minn xewqa fl-arja, se jkollna bżonn is-sehem tal- volontiera iktar minn qatt qabel,” qal Kofi Annan. Huwa f’dan l-ispirtu li 100 miljun Ewropew jiddedikaw il-ħin u l-għarfien tagħhom biex jgħinu lil min hu fil-bżonn u jagħtu servizz lill-komunitajiet tagħhom: Għalliem tal-arti rtirat jagħti lekċers dwar il-kapolavuri Ewropej lil viżitaturi barranin f’mużew. Student tal-iskola post-sekondarja jaqra lit-tfal morda fl-isptar.. Plejer li kien jilgħab għat-tim nazzjonali qed jikkowċja fil-klabb tal-lokal. Hemm eluf ta' modi kif in-nies jistgħu jagħmlu differenza. Biex nitfgħu d-dawl fuq dawn l-isforzi u nħeġġu iktar ċittadini jipparteċipaw, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet is-Sena Ewropea għall-Volontarjat 2011. Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, flimkien ma’ Jean-Marc Delizée, is-Segretarju Statali federali tal-Belġju għall-Affarijiet Soċjali, u l-Membru tal-Parlament Ewropew Marian Harkin, ippreżentaw l-islogan ta’ din is-sena: "Kun volontarju! Agħmel differenza.”

"Nixtieq infaħħar lill-miljuni ta’ Ewropej li jieħdu l-impenn biex jagħmlu d-dinja tagħna post aħjar,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, d-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Fil-qalba ta’ kollha kemm aħna hemm il-ħila li nieħdu inizjattivau nieħdu ħsieb dawk li huma fil-bżonn. Il-volontarjat isaħħaħ il-valuri ċentrali Ewropej: is-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali. Hekk kif inniedu s-Sena Ewropea għall-Volontarjat, nixtieq inħeġġeġ l-appoġġ għall-persuni li jagħmlu differenza. Issa huwa ż-żmien għalina li naqsmu u nagħtu xi ħaġa lura, li niffokaw fuq l-għajnuna għal min jgħin!"

Studju tal-Eurobarometer f’Mejju 2010 żvela li tlieta minn kull għaxar Ewropej jiddikjaraw li huma attivi bħala volontarji. Hemm bosta definizzjonijiet u tradizzjonijiet diversi fir-rigward tal-volonarjat. Element komuni f’dawn l-attivitajiet huwa li kull meta persuni jingħaqdu biex jgħinu lil xuxlin u jappoġġjaw dawk li jinsabu fi bżonn, jibbenefikaw kemm is-soċjetà b'mod ġenerali kif ukoll il-volontiera individwali. Permezz tal-volontarjat, il-persuni jiggwadanjaw għarfien, jeżerċitaw ħiliet u jestendu n-netwerk soċjali tagħhom, li spiss jista’ jwassal għal opportunitajiet ġodda jew imtejba ta’ impjieg, kif ukoll żvilupp personali u soċjali.

Il-Kummissjoni tgħin liż-żgħażagħ jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ volontarjat. Permezz tas-Servizz Ewropew ta’ Volontarjat, eluf ta’ adolexxenti u żgħażagħ adulti jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom biex jgħallmu, jippromwovu l-għarfien kulturali u jiżviluppaw ħiliet tal-ħajja importanti. Pereżempju, volontiera f’residenza msejħa Verahus f’Kopenħagen jgħinu lir-residenti b’diżabbiltà fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huma jorganizzaw attivitajiet ta' ħin liberu mar-residenti, bħal pittura, mużika, logħob, sports u jakkumpanjaw fuq ġiti.

Biex nenfasizzaw il-ħidma tal-volontarji, inħeġġu lil oħrajn jipparteċipaw u nindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw, is-Sena Ewropea għall-Volontarja 2011 għandha erba’ għanijiet ewlenin:

  • it-tnaqqis tal-ostakli għall-volonarjat fl-UE;

  • l-għoti tas-setgħa lil organizzazzjonijiet volontarji u t-titjib tal-kwalità tal-volontarjat;

  • l-għoti ta’ kumpens u rrikonoxximent tal-attivitajiet tal-volontarjat;

  • is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur u l-importanza tal-volontarjat.

Biex tilħaq dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiċi tajba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat. L-attenzjoni se tingħata lit-taħriġ, l-akkreditazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-volontiera, kif ukoll it-tqabbil effiċjenti u effettiv bejn il-volontiera potenzjali u l-opportunitajiet ta’ volontarjat. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ inizjattivi ġodda ta’ netwerking fl-Ewropa kollha biex isiru skambji u sinerġiji transkonfinali fost l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u setturi oħra, b’mod speċjali man-negozji.

Matul is-Sena Ewropea tal-Volontarjat, se jiġu enfasizzati u riklamati mijiet ta’ attivitajiet u proġetti. Fil-livell tal-UE, dawn jinkludu:

  • Żjara EYV2011: Voluntiera se jżuru pajjiżi tal-UE fuq perjodu ta' sena, filwaqt li juru l-ħidma tagħhom u jinvolvu dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-pubbliku f'kull pass taż-żjara tagħhom.

  • EYV Relay: 27 ġurnalist voluntier “Relay” se jsegwu l-ħidma ta' 54 organizzazzjoni volontarja u jipproduċu rapporti awdjo, vidjo u bil-kitba biex jixxandru fil-mezzi tax-xandir. Fl-aħħar tas-sena, ir-rapporti miġbura jingħaqdu bħala dokumentarju ta' kwalità għolja għax-xandir dwar is-Sena Ewropea u ż-zjara tagħha.

  • Se jsiru erba’ konferenzi tematiċi fl-2011 biex jiġu enfasiżżati kwistjonijiet ewlenin relatati mal-volontarjat: it-8 ta’ Jannar f’Budapest: Rikonoxximent tal-Volontarjat; Mejju/Ġunju: Ċelebrazzjoni tal-volontiera u l-kontribut ta’ valur tagħhom; Ottubru: L-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat; Diċembru: Egħluq tal-konferenza dwar sfidi futuri.

Il-Kummissjoni qed taħdem fil-qrib mal-“Alleanza” tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Voluntiera tan-Nazzjonijiet Uniti.

Għal iktar tagħrif

Is-sit tal-internet uffiċjali għas-Sena Ewropea:
www.europa.eu/volunteering
(jinkludi l-iskeda taż-Żjara EYV)

Is-sit tal-internet tal-Alleanza:
www.eyv2011.eu

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website