Navigation path

Left navigation

Additional tools

Premju għall-Ġurnaliżmu dwar is-Saħħa tal-UE Imħabbra r-rebbieħa tal-2010 ilbieraħ fi Brussell

European Commission - IP/10/1638   01/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1638

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2010

Premju għall-Ġurnaliżmu dwar is-Saħħa tal-UE Imħabbra r-rebbieħa tal-2010 ilbieraħ fi Brussell

Ilbieraħ tard filgħaxija tħabbru fi Brussell it-tliet rebbieħa tat-tieni premju tal-UE dwar is-saħħa għall-ġurnalisti. Żewġ ġurnalisti, Gianluca Ferraris u Ilaria Molinari, li jiktbu għal Panorama, rebħu l-ewwel premju għall-artiklu li kitbu flimkien "Stealing Hope". L-artiklu rebbieħ jiġbed l-attenzjoni fuq il-"kliniċi tal-fejqan" li joffru terapiji li jiswew ħafna flus iżda li dwarhom ma hemmx provi lil pazjenti vulnerabbli li jsofru minn mard kroniku. Ġurnalista Ċeka, Lucie Hášová Truhelková, li kitbet artiklu dwar id-donazzjoni tal-organi bl-isem ta' "Love Dwells in the Kidney", rebħet it-tieni premju. Tim ta' ġurnalisti Daniżi, Kasper Krogh, Morten Crone, Line Holm Nielsen u Jesper Woldenhof, li jiktbu fil-Berlingske Tidende, ġew fit-tielet post, bl-artiklu tagħhom "The Great Failure" dwar it-tiftixa twila u diffiċli ta' individwu biex jibdel is-sistema tas-saħħa. Il-premju jirrikonoxxi x-xogħol tal-ġurnalisti madwar l-Ewropa li qajmu l-għarfien fuq kwistjonijiet dwar il-kura tas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti.

John Dalli, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "B'dan il-premju, il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol importanti tal-midja għal dak li huwa l-qawmien tal-għarfien dwar kwistjonijiet ta' saħħa. Ir-rebbieħa ta' din is-sena, u l-finalisti nazzjonali kollha, kollha qajmu kwistjonijiet ewlenin għall-qarrejja tagħhom."

Din is-sena kien hemm żieda kemm fl-għadd ta' artikli eliġibbli kif ukoll fl-għadd ta' ġurnalisti li ħadu sehem. 438 ġurnalista mis-27 Stat Membru ħadu sehem f'din il-kompetizzjoni, 44% aktar mis-sena l-oħra. Huma bagħtu total ta' 745 artiklu, żieda ta' 60% mis-sena l-oħra. Is-27 artiklu li ntgħażlu għall-ewwel fażi jittrattaw medda wiesgħa ta' suġġetti li huma parti mill-kampanja "L-Ewropa għall-Pazjenti". Dawn jinkludu oqsma bħad-donazzjoni tal-organi, is-sikurezza tal-pazjent, il-pandemija tal-influwenza tal-H1N1 u l-kura tas-saħħa transfruntiera, biex insemmu xi wħud minnhom.

Sfond

Matul is-sajf, il-ġuriji nazzjonali għażlu finalist minn kull Stat Membru. Il-ġurija tal-UE evalwat is-27 artiklu magħżula għall-aħħar fażi u ltaqgħet fl-aħħar ta' Ottubru biex tiddeċiedi dwar it-tliet artikli rebbieħa. Il-ġurija ta' disa' membri tal-UE kienet magħmula minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, esperti dwar is-saħħa pubblika u ġurnalisti. Kienet ippreseduta minn Andrzej Rys, id-Direttur tas-Saħħa Pubblika u l-Istima tar-Riskju fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

Is-27 finalista nazzjonali, u l-edituri tal-pubblikazzjonijiet, ġew mistiedna fi Brussell għal seminar tal-midja dwar l-inizjattivi l-"Ewropa għall-Pazjenti" u biex jattendu ċ-ċerimonja tal-premijiet fil-Berlaymont.

Il-Premju tal-UE dwar is-Saħħa għall-Ġurnalisti u l-Kampanja L-Ewropa għall-Pazjenti huma ffinanzjati mill-Programm tas-Saħħa tal-UE.

Għal aktar tagħrif dwar il-Premju tal-UE dwar is-Saħħa għall-Ġurnalisti u biex taqra l-artikli rebbieħa u l-artikli li għaddew mill-ewwel fażi, jekk jogħġbok irreferi għall-websajt iddedikata għalihom:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/2010/index_mt.htm

Il-kampanja L-Ewropa għall-Pazjenti:

http://ec.europa.eu/health-eu/europe_for_patients/index_mt.htm

It-tieni Programm tas-Saħħa għall-Komunità 2008-2013:

http://ec.europa.eu/health/programme/policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website