Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1633

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2010

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar il-futur tat-taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar kif is-sistema tal-VAT tal-UE tista' tiġi msaħħa u mtejba, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-Istati Membri. L-għan huwa li l-partijiet interessati jingħataw iċ-ċans li jesprimu l-ħsibijiet u l-opinjonijiet tagħhom dwar il-problemi li bħalissa jeżistu fir-rigward tal-VAT, u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni se tuża l-kontribuzzjonijiet li jingħataw waqt din il-konsultazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-aqwa approċċ li għandu jittieħed għall-ħolqien ta' sistema tal-VAT tal-futur li tkun iktar stabbli, robusta u effettiva.

Il-Kummissarju għat-Tassazzjoni Algirdas Šemeta qal: "Neħtieġu sistema tal-VAT għas-seklu 21: sempliċi, moderna u effettiva. Il-VAT titħallas miċ-ċittadini, tinġabar min-negozji u hija sors ewlieni tad-dħul għall-Istati Membri, għalhekk kulħadd għandu interess f'din it-taxxa. Inħeġġeġ lin-nies sabiex isemmgħu leħinhom f'din il-konsultazzjoni, sabiex aħna nkunu nistgħu niżguraw li s-sistema tal-VAT tal-futur taħdem aħjar għal kulħadd.

Għaliex is-sistema tal-VAT tal-futur għandha bżonn tiġi riveduta?

Il-VAT ġiet introdotta fl-UE iktar minn 40 sena ilu, fi żmien meta s-suq kellu xejra ferm differenti minn dik tal-lum. Minkejja l-isforzi li saru matul is-snin sabiex il-VAT tiġi mmodernizzata u ssimplifikata bil-mod il-mod, jidher ċar li s-sistema ma għadhiex tirrispondi għall-ħtiġijiet ta' ekonomija moderna li hija xprunata mis-servizzi u bbażata fuq it-teknoloġija. Il-kumplessità tas-sistema attwali tal-VAT toħloq spejjeż u piżijiet li mhumiex meħtieġa għal min iħallas it-taxxa u l-amministraturi, u tiġġenera tfixkil fis-Suq Intern. Barra minn hekk, ċerti dgħufijiet fis-sistema tal-VAT jagħmluha vulnerabbli għall-frodi u l-evażjoni. Għalhekk, jeħtieġ li ssir reviżjoni fundamentali tas-sistema tal-VAT.

Għaliex issa?

Is-sitwazzjoni ekonomika attwali, ħarġet biċ-ċar l-importanza tar-rwol li l-VAT għandha fl-iżgurar tal-istabbiltà u t-tkabbir fl-ekonomija. Il-VAT hija sors maġġur tad-dħul għall-Istati Membri ( sa 20% tat-total tad-dħul mit-taxxa). Wieħed jista' jistenna li din issir saħansitra iktar importanti minħabba li sorsi oħra tad-dħul jiġu affettwati mir-reċessjoni u l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Barra minn hekk, studji fl-ekonomija juru li t-taxxi fuq il-konsum huma fost dawk li l-iktar jaffettwaw it-tkabbir b'mod pożittiv, u sistema tal-VAT li tkun b'saħħitha tista' tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija fl-Ewropa. Għalhekk huwa ta' importanza kbira li jkun żgurat li s-sistema tal-VAT tal-UE tkun funzjonali bis-sħiħ u li din tkun tagħti l-potenzjal kollu tagħha.

X'inhi il-Green Paper?

Il-Green Paper tippreżenta diversi mistoqsijiet taħt għadd żgħir ta' titli/suġġetti ġeneralii żżomm il-konsultazzjoni kemm jista' jkun miftuħa għall-ideat u għall-opinjonijiet. L-ewwel nett, din tistaqsi jekk is-sisien tas-sistema attwali tal-VAT għandhomx jinbidlu u jekk l-oġġetti u s-servizzi għandhomx jiġu intaxxati fl-Istati Membri tal-oriġini jew fejn jinbiegħu. Imbagħad, il-Green Paper, titratta kwistjonijiet speċifiċi li nqalgħu matul is-snin. Fost dawn insibu il-kwistjoni dwar jekk ir-rati mnaqqsa tal-VAT għadhomx rilevanti llum il-ġurnata, jekk ir-regoli dwar it-tnaqqis humiex newtrali biżżejjed, jekk is-sistema attwali kontra l-frodi għandhiex tkompli tissaħħaħ u kif, u l-mod li bih tista' titnaqqas il-burokrazija fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-VAT. Fl-aħħar nett, il-kontributuri għall-konsultazzjoni jintalbu jgħidu jekk il-ġbir tal-VAT jistax jiġi mtejjeb sabiex titnaqqas id-diskrepanza ta' EUR 100 biljun fil-VAT li teżisti bħalissa fl-UE, u kif dan jista' jsir. Il-Green Paper tinkoraġġixxi opinjonijiet minn kull aspett, u l-konsultazzjoni mhijiex limitata għall-mistoqsijiet ippreżentati. Fil-fatt, il-kontributuri huma mħeġġa li jqajmu kwalunkwe kwistjoni oħra li huma jħossu li għandha mnejn tkun rilevanti għall-futur tal-VAT.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tistieden lil dawk kollha interessati sabiex jikkontribwixxu għall-konsultazzjoni pubblika, li se tkun miftuħa sal-31 ta' Mejju 2011. Abbażi tal-kontribuzzjonijiet li jaslulha, il-Kummisjoni se tippreżenta l-prijoritajiet għas-sistema tal-VAT tal-futur f'Komunikazzjoni fl-aħħar tal-2011.

Għall-MEMO, ara: MEMO/10/633

Għal iktar tagħrif dwar il-Green Paper kif ukoll dwar l-anness tekniku tagħha jinstab fuq: http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website