Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Dinji tal-AIDS 2010: Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ aktar prevenzjoni u ttestjar u żżid EUR 1.3 biljuni investiti fil-ġlieda kontra l-AIDS fid-dinja

Commission Européenne - IP/10/1628   30/11/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1628

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2010

Il-Jum Dinji tal-AIDS 2010: Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ aktar prevenzjoni u ttestjar u żżid EUR 1.3 biljuni investiti fil-ġlieda kontra l-AIDS fid-dinja

Biex jitfakkar il-Jum Dinji tal-AIDS, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa John Dalli se jagħmel diskors ewlieni waqt seminar fil-Parlament Ewropew dwar l-ittestjar għall-HIV. Id-dijanjożi bikrija hija vitali għal trattament bikri u żieda fl-istennija tal-ħajja, kif juru l-istimi li madwar terz ta' dawk li huma infettati bl-HIV fl-Ewropa ma għandhomx għarfien li huma infettati. Biex jiġi miġġieled l-AIDS fuq skala globali, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp Andris Piebalgs dan l-aħħar ħabbar żieda ta' 10% fil-kontribuzzjonijiet tal-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja (Global Fund to fight AIDS, Tuberculosis and Malaria - GFATM), li fih l-UE hija diġà l-ikbar donatriċi u tipprovdi 52% tar-riżorsi. Iż-żieda tippermetti lill-Kummissjoni tikkontribwixxi madwar EUR1.3 biljun tul il-perjodu 2002-2013.

Lejliet il-Jum Dinji tal-Aids, John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "L-HIV u l-AIDS ilhom iġibu tbatija kbira lin-nies u l-komunitajiet madwar id-dinja għal aktar minn kwart ta' seklu. L-ittestjar huwa l-ewwel pass importanti fil-ġlieda kontra l-vajrus. Issa huwa ż-żmien biex jinbena momentum; u nsaħħu l-impenn tagħna fil-ġlieda kontra din il-marda terribbli."

Andris Pielbalgs, il-Kummissarju responsabbli għall-Iżvilupp żied jgħid: "Mingħajr popolazzjoni b'saħħitha huwa impossibbli li jinħoloq tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintlaħqu l-Miri tal-Millennju għall-Iżvilupp. L-AIDS għadha marda mill-aktar li toqtol u rridu nżidu l-isforzi tagħna biex inwaqqfu t-tixrid ta' dan il-vajrus."

Minkejja t-tnaqqis globali fl-għadd ta' infezzjonijiet ġodda, l-għadd totali ta' dawk li jgħixu bl-HIV mad-dinja kollha għadu qed jiżdied. L-għadd ta' dawk li għandhom l-HIV globalment huwa ta' 33.4 miljuni. L-Afrika mis-Saħara 'l isfel tibqa l-iktar reġjun milqut li jirrappreżenta 71% tal-infezzjonijiet ġodda kollha fl-2008.

Bħala l-ikbar donatriċi fid-dinja ta' għajnuna għall-iżvilupp, il-Kummissjoni Ewropea għadha marbuta mal-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-AIDS f'kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba tagħha mad-dinja kollha.

Sfond dwar l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-AIDS

L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea pprovdew aktar minn USD 10 biljun mill-2002-2010 lill-GFATM, li huma 52% tar-riżorsi tal-GFATM. F'Ġunju ta' din is-sena, il-GFATM irrappurtat li bis-saħħa tal-azzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, 2.8 miljun ruħ li għandhom l-HIV irċevew trattament anti-retrovirali (ARV) li jsalva l-ħajja. Barra minn hekk, permezz tal-kontribuzzjoni tagħha l-Kummissjoni tat aċċess lil 7.7 miljun ruħ għal xbieki kontra n-nemus ittrattati b'insettiċida u pprovdiet terapija kombinata anti-retrovirali lil 750,000 ruħ li għandhom infezzjoni avanzata ta' HIV.

Il-Kummissjoni Ewropea hija membru fundatur tal-Fond Globali. Ilha tipprovdi appoġġ politiku u finanzjarju qawwi lil dan il-Fond mill-2002. Il-proposta ta' żieda ta' 10% hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet baġitarji tal-UE u tal-Grupp tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP).

L-UE tagħti wkoll appoġġ lill-pajjiżi sħab tagħha mad-dinja kollha fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom tal-politika nazzjonali tas-saħħa. Permezz ta' dan l-istrument l-UE tista' tgħin biex tipprovdi finanzjament fuq medda itwal ta' żmien u b'mod aktar konsistenti biex tiġi miġġielda din il-marda terribbli.

Għal aktar informazzjoni

Ara wkoll MEMO/10/630

http://ec.europa.eu/health/sexual_health/hiv_aids/index_en.htm

http://ec.europa.eu/europeaid/what/health/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site