Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1621

Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissarji Piebalgs, Hedegaard u Füle jħabbru "Twieqi għat-Tibdil tal-Klima"

Hekk kif waslet biex tibda l-Konferenza ta' Cancun dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Kummissarju għall-Iżvilupp Adris Piebalgs, il-Kummissarju għat-Tibdil fil-Klima Connie Hedegaard u l-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat Stefan Füle llum ħabbru "twieqi" speċifiċi għat-tibdil fil-klima fil-faċilitajiet kollha tal-UE għall-investiment reġjonali. Permezz ta' dawn it-"twieqi" se jkun possibbli li jiġu indikati u intraċċati l-proġetti kollha relatati mat-tibdil fil-klima u li huma ffinanzjati mill-UE, mill-Bank Ewropew għall-Investiment kif ukoll minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħra permezz ta' dawn il-faċilitajiet. Dawn jinkludu kemm investimenti pubbliċi kif ukoll dawk privati f'oqsma strateġiċi bħalma huma t-trasporti, l-enerġija, l-ambjent, l-ilma, il-kundizzjonijiet tajbin għall-ħarsien tas-saħħa, u l-foresti.

Il-Kummissarji tal-UE Piebalgs u Füle qalu: "L-UE tinsab fuq quddiem nett fejn jidħol is-sostenn li jingħata lil pajjiżi sħab biex dawn ikunu jistgħu jilqgħu għat-tibdil fil-klima. Permezz tad-diversi faċilitajiet ta' investiment l-UE għandha linja ta' 7 biljun euro ta' proġetti relatati mat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi sħab tagħna u dawn huma strument kruċjali biex mit-tibdil fil-klima noħolqu opportunitajiet għal aktar tkabbir sostenibbli f'pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp, f'oħrajn involuti fil-proċess ta' tkabbir tal-UE, u f'pajjiżi ġirien. Bis-saħħa tat-"Twieqi tal-klima" jkun jista' jidher il-valur ta' investimenti bħal dawn mis-settur pubbliku u dak privat."

Il-Kummissarju Hedegaard qalet: "Fi triqti lejn Cancun, inħossni kuntenta b'mod partikolari li nħabbar, flimkien mal-kollegi tiegħi, il-ħolqien ta' twieqi għall-iffinanzjar dwar il-klima li se jagħti appoġġ lill-proġetti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima u jinvestu f'futur fejn jiġi prodott anqas karbonju. Din l-inizjattiva innovattiva se żżid ukoll ir-rappurtaġġ rigward il-finanzi tal-UE marbuta mal-klima kif ukoll it-trasparenza tagħhom."

Is-settur privat, u b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, diġà għandhom rwol ċentrali fejn jidħlu investimenti f'ekonomiji b'saħħithom, fejn jintuża anqas karbonju. L-involviment tas-settur privat f'investimenti marbuta mat-tibdil fil-klima għadu jista' jissaħħaħ b'għotjiet finanzjarji flimkien ma' self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u reġjonali.

Id-diversi faċilitajiet ta' investiment, li jkopru l-biċċa l-kbira tad-dinja, ġestiti mill-Kummissjoni, diġà jservu ta' mezz għat-titjib ta' investimenti privati u ta' tisħib bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Il-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat u l-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura bejn l-Afrika u l-UE diġà kien ta kontribut għall-iffinanzjar ta' proġetti li jipproduċu anqas karbonju u li jagħmlu anqas effett fuq l-ambjent jaqbżu rispettivament EUR 3.5 biljun u EUR 3.1 biljun filwaqt li l-Faċilità ta' Investiment Latino-Amerikana, maħluqa f'Mejju 2010, diġà approvat proġetti li jiswew aktar minn EUR 365 miljun.

Il-proġetti l-ġodda relatati mat-tibdil fil-klima li bħalissa qed jitfasslu fi ħdan id-diversi faċilitajiet tal-UE jammontaw għal aktar minn EUR 7 biljun.

L-UE hija impenjata li tagħti kont tar-riżorsi finanzjarji li jkunu ġew mogħtija permezz tat-"twieqi", b'mod li jiġu magħżula ċar minn xulxin riżorsi li diġà jeżistu minn dawk addizzjonali u permezz ta' hekk jitjiebu l-kontabilità u t-trasparenza fl-UE.

L-isfond: il-faċilitajiet tal-UE għall-investiment reġjonali

F'dawn l-aħħar sentejn, mekkaniżmi finanzjarji innovattivi ġew żviluippati mill-Kummissjoni biex tiġbor flimkien għotjiet tal-UE ma' self mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Dawn il-faċilitajiet ta' investiment iffinanzjati mill-UE għandhom l-għan li jimmobilizzaw finanzjar addizzjonali biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta' investiment tal-pajjiżi sħab tagħna; e.g. il-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat sa issa allokat aktar minn EUR 275 miljun f'għotjiet tal-UE sabiex jinstabu fondi addizzjonali għal proġetti li jkunu jiswew aktar minn EUR 9 biljun ta' spejjeż totali ta' investiment. Il-Faċilitajiet jgħinu proġetti f'diversi setturi bħalma huma l-Enerġija, l-Ambjent, kwistjonijiet marbuta mat-trasport u ma' ħwejjeġ soċjali, kif ukoll jagħtu appoġġ lis-settur privat billi huma mmirati lejn impriżi żgħar u medji (SMEs).

Għal aktar tagħrif:

Faċilitajiet ta' Investiment tal-UE

  • Il-Faċilità ta’ investiment tal-Viċinat (Neighbourhood Investment Facility, NIF)

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/regional-cooperation/irc/investment_en.htm

  • Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura bejn l-Afrika u l-UE (EU-Africa Infrastructure Trust Fund, ITF):

http://www.eu-africa-infrastructure-tf.net/

  • Il-Faċilità ta' Investiment tal-Amerika Latina (Latin America Investment Facility, LAIF)

http://ec.europa.eu/europeaid/where/latin-america/regional-cooperation/laif/index_en.htm

  • Il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent (Western Balkan Investment Framework, WBIF):

http://www.wbif.eu/

Eżempji ta' proġetti ffinanzjati mill-UE, marbuta mal-klima

Mappa interattiva b'każijiet ġodda:

http://ec.europa.eu/europeaid/climate-change-actions/

Ara wkoll:

MEMO/10/628

Il-websajt tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju għat-Tibdil fil-Klima Connie Hedegaard:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/hedegaard/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Štefan Füle:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/fule/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website