Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tibdil fil-klima: il-konferenza ta' Cancún għandha ssarraf f'pass sinifikanti lejn qafas legalment vinkolanti għall-klima globali

European Commission - IP/10/1620   29/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1620

Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010

It-tibdil fil-klima: il-konferenza ta' Cancún għandha ssarraf f'pass sinifikanti lejn qafas legalment vinkolanti għall-klima globali

Il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima li se tibda fid-29 ta' Novembru f'Cancún, il-Messiku, għandha tagħmel pass sinifikanti lejn l-istabbiliment ta' qafas komprensiv u legalment vinkolanti għal azzjoni dwar il-klima fuq livell globali. F'Cancún, l-Unjoni Ewropea se tirsisti għal ftehim fuq sett bilanċjat ta' deċiżjonijiet li jistgħu jwittu t-triq biex jinkiseb, kemm jista' jkun malajr, qafas legalment vinkolanti fuq livell globali u kif ukoll azzjoni immedjata u tanġibbli dwar il-klima. L-UE, bħala l-akbar donatur ta' għajnuna fid-dinja, se tagħti rapport sħiħ u trasparenti f'Cancún dwar il-forniment ta' finanzjamenti ta' "bidu rapidu" bħala appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet: "L-UE hija lesta li, f'Cancún, taqbel dwar qafas ambizzjuż għall-klima globali iżda, sfortunatament, uħud mill-ekonomiji l-oħra mhumiex. Madankollu, Cancún tista' twassal id-dinja għal pass sinifikanti 'l quddiem billi jintlaħaq qbil dwar sett bilanċjat ta' deċiżjonijiet li jkopru bosta kwistjonijiet ewlenin. Hija kruċjali li Canċun twassal għal dan il-progress għaliex, f'nuqqas ta' dan, hemm ir-riskju li l-proċess tan-NU dwar it-tibdil fil-klima jitlef il-momentum u r-rilevanza, u s'issa ħadd ma kien kapaċi jindika forum alternattiv li jista' jikseb riżultati aħjar. Għaldaqstant, Cancún għandha twassal għal progress fuq din it-tema, u dan hu possibbli jekk il-Partijiet kollha juru r-rieda politika meħtieġa".

Joke Schauvliege, il-Ministru Fjamming għall-Ambjent, in-Natura u l-Kultura, li se jirrappreżenta l-Presidenza Belġjana tal-UE f'Cancún, qal: "L-azzjoni globali qed issir aktar urġenti jekk nixtiequ li jkollna xi possibbiltà li nżommu t-tisħin globali taħt 2°C u nevitaw l-agħar impatti tad-tibdil fil-klima. Il-pakkett tad-deċiżjonijiet, li l-Ewropa tittama li tara qbil dwaru f'Cancún, għandu jkun imsejjes fuq il-Protokoll ta' Kjoto, u jinkorpora l-gwida politika mogħtija fil-Qbil ta' Kopenħagen".

Lejn qafas għall-klima globali għal wara l-2012

Il-konferenza ta' bejn id-29 ta' Novembru u l-10 ta' Diċembru f'Cancún se tara l-kontinwazzjoni tan-negozjati tan-NU bl-għan li tiġi mfassla politika globali kontra t-tibdil fil-klima għall-perjodu ta' wara l-2012 meta jiskadu d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Protokoll ta' Kjoto.

Għall-UE, l-għan aħħari tal-proċess tan-NU għandu jkun li jiġi stabbilit qafas ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti fuq livell globali li jinvolvi l-pajjiżi kollha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan il-qafas għandu jkun imsejjes fuq il-Protokoll ta' Kjoto u l-Qbil ta' Kopenħagen li ġie milħuq fil-konferenza tan-NU dwar il-klima li saret is-sena l-oħra, u li ġie approvat minn 140 pajjiż, inkluz l-UE u l-pajjiżi tagħha. Il-Qbil ta' Kopenħagen jirrikonoxxi l-bżonn li t-tisħin globali jinżamm taħt 2°C meta mqabbel mat-temperatura preindustrijali.

Il-preferenza tal-UE hija li l-qafas futur għall-klima globali jieħu l-forma ta' strument uniku ġdid li huwa legalment vinkolanti u li jinkludi l-elementi essenzjali tal-Protokoll ta' Kjoto. Madankollu, l-UE hija lesta li tikkunsidra t-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, bil-kundizzjoni li dan jifforma parti minn qafas globali usa' li jinvolvi l-ekonomiji ewlenin kollha fl-azzjoni fuq il-klima u li titjieb l-integrità ambjentali tal-Protokoll..

Il-pakkett ta' Cancún

Għall-UE hija importanti li Cancún tfisser pass sinifikanti li jwitti t-triq għall-istabbiliment, kemm jista' jkun malajr, ta' qafas legalment vinkolanti fuq livell globali u komprensiv.

Il-konferenza għandha twassal għal progress billi tipproduċi pakkett bilanċjat ta' deċiżjonijiet li jiġbor il-progress milħuq fin-negozjati s'issa u jistabbilixxi elementi ewlenin tal-"arkitettura" tal-politika futura għat-tibdil fil-klima. Id-deċiżjonijiet ta' Cancún għandhom jagħmluha possibbli li tiġi varata azzjoni immedjata tanġibbli kontra t-tibdil fil-klima, speċjalment, fil-pajiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Għad irid jintlaħaq qbil dwar l-ambitu tal-pakkett tad-deċiżjonijiet. Il-kwistjonijiet speċifiċi li l-UE tixtieq tara li jiġu indirizzati f'pakkett bilanċat ta' Cancún jinkludu:

  • Jiġu marbuta l-impenji dwar l-emissjonijiet li saru fil-Qbil ta' Kopenħagen fil-proċess tan-NU

  • Regoli dwar it-trasparenza (MRV)

  • Riforma u espansjoni tal-mekkaniżmi tas-swieq tal-karbonju

  • Mekkaniżmu biex titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali

  • Regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tal-foresti għall-pajjiżi żviluppati

  • L-adattament għat-tibdil fil-klima

  • Il-Governanza tal-Fond Aħdar ta' Kopenħagen għall-Klima

  • Kooperazzjoni teknoloġika

  • Bini ta' kapaċità għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

  • Emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu

(ara wkoll MEMO/10/627 għal aktar dettalji).

Finanzjament ta' bidu rapidu

Fl-2010, l-UE mmobilizzat finanzjament ta' 'bidu rapidu' ta' EUR 2,2 biljun biex tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Dan jifforma parti mill-impenn globali tal-UE, fl-ambitu tal-Qbil ta' Kopenħagen, li tipprovdi EUR 7.2 biljun matul il-pejodu 2010-2012.

Il-finanzjament ta' bidu rapidu jikkumplimenta l-appoġġ sinifikanti marbut mal-klima li l-UE, bħala l-akbar donatur ta' għajnuna fid-dinja, diġà tipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tagħha. Pereżempju, fl-2008 l-UE pprovdiet US$ 5.1 biljun għall-mitigazzjoni tal-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz tal-ODA tagħha li hija l-ekwivalenti ta' 60 % tal-ODA globali mogħtija għal din ir-raġuni.

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa fl-implimentazzjoni tal-impenn ta' finanzjament ta' bidu rapidu tagħha, l-UE se tippreżenta, f'Cancún, rapport komprensiv fuq il-progress milħuq matul avveniment pubbliku apparti li se jkun miftuħ għall-Partijiet kollha u l-partijiet interessati. Se tipprovdi wkoll rapporti annwali fil-futur.

Konferenzi stampa tal-UE f'Cancún

Id-delegazzjoni tal-UE se jkollha konferenzi stampa regolari f'Cancún, normalment fl-10:00 jew fl-10:30 ħin lokali (17:00 jew 17:30 CET), li se jkunu mxandra direttament, u fuq talba, permezz tas-sit elettroniku www.unfccc.int. Il-ħinijiet eżatti tal-konferenzi stampa jistgħu jiġu vverifikati fuq http://unfccc.int/media/items/5741.php.

Aktar tagħrif :

MEMO/10/627 : Mistoqsijiet u Tweġibiet fuq il-konferenza dwar il-klima ta' Cancún

Sit elettroniku tad-DĠ CLIMA dwar Cancún:

http://ec.europa.eu/clima/policies/international/cancun_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website