Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) ikollu l-ewwel laqgħa tal-bord ta' amministrazzjoni tiegħu fil-Belt Valletta (Malta) u jagħżel l-ewwel Direttur Eżekuttiv

Commission Européenne - IP/10/1610   26/11/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1610

Brussell, il-26 ta’ Novembru 2010

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) ikollu l-ewwel laqgħa tal-bord ta' amministrazzjoni tiegħu fil-Belt Valletta (Malta) u jagħżel l-ewwel Direttur Eżekuttiv

Illum l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) kellu l-ewwel laqgħa tal-bord ta' amministrazzjoni tiegħu fil-Belt Valletta (Malta) u għażel lis-Sur Rob Visser bħala l-ewwel Direttur Eżekuttiv. Issa huwa ser jiġi mistieden jidher quddiem il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Bit-tnedija operazzjonali ta' din l-aġenzija l-ġdida, l-UE qiegħda tagħmel progress ulterjuri lejn Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tkun aktar komprensiva. L-EASO ser issaħħaħ is-solidarjetà fost l-Istati Membri, permezz ta' kooperazzjoni prattika dwar kwistjonijiet marbuta mal-asil, u ser tgħinhom jissodisfaw l-obbigi Ewropej u internazzjonali tagħhom f'dan il-qasam.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju responsabbli mill-Affarijiet Interni qalet: "Filwaqt li nilqa' l-ewwel laqgħa tal-bord ta' amministrazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO), għandi l-pjaċir nifraħ lis-Sur Visser talli ntgħażel/ntgħażlet bħala l-ewwel Direttur Eżekuttiv tal-aġenzija. L-EASO ser ikollu rwol kruċjali bħala ċentru ta' għarfien espert dwar is-sistemi ta' asil tal-Istati Membri. Huwa ser ikun jista' jagħti s-sehem tiegħu għall-mplimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar l-asil minn naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri u fl-iskambju tal-aħjar prassi." Hija żiedet tgħid: "Is-suċċess tal-Uffiċċju ta' Appoġġ ser jagħti kontribuzzjoni sostanzjali għal sistema li tista' tipprovdi protezzjoni lil dawk li jkollhom bżonnha, f'konformità mat-tradizzjoni umanitarja Ewropea. Jien inqis lill-EASO bħala għodda indispensabbli għall-implimentazzjoni ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), imsejsa fuq il-solidarjetà u l-ġustizzja. Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-2012 bħala l-mira ta' meta għandha tiġi stabbilita din is-sistema u jiena nsejjaħ lill-Istati Membri kollha u lill-Parlament Ewropew biex isibu kompromess raġonevoli dwar il-pakkett tal-Asil, sabiex niksbu l-għan tagħna sad-data li ffissajna.

L-EASO ser tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politika aktar konsistenti u ġusta dwar l-asil, pereżempju billi jgħin fl-identifikazzjoni ta' prattiki tajbin, fl-organizzazzjoni ta' taħriġ fil-livell Ewropew u fit-titjib tal-aċċess għal informazzjoni akkurata dwar il-pajjiżi ta' oriġini. Huwa ser jipprovdi wkoll appoġġ tekniku u operazzjonali lil dawk l-Istati Membri li jħabbtu wiċċhom ma' "pressjonijiet partikolari" (jiġifieri dawk l-Istati Membri li jirċievu għadd kbir ta' talbiet għal asil), permezz ta' timijiet esperti dwar l-asil, u b'hekk jikkontribwixxi biex itaffi ftit mill-pressjoni fuq is-sistemi tagħhom.

L-EASO twaqqaf fis-sura ta' aġenzija regolatorja, korp Ewropew indipendenti. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE ser ikunu rrapreżentati fuq il-bord ta' amministrazzjoni (il-korp ta' tmexxija tagħha). Huwa ser jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-asil, mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR), l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-FRONTEX, u ser tikkonsulta mas-soċjetà ċivili. Id-Direttur Eżekuttiv tal-EASO ser ikun responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum tal-aġenzija.

L-EASO ser jiffoka fuq tliet kompiti ewlenin:

  • jiżviluppa kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri dwar l-asil, billi jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini, jipprovdi lill-Istati Membri b' appoġġ għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni u taħriġ għall-uffiċjali tal-asil, u billi jgħin fir-rilokazzjoni ta' rifuġjati rikonoxxuti.

  • jagħti appoġġ lil dawk l-Istati Membri taħt "pressjoni partikolari", speċjalment permezz tat-twaqqif ta' sistema ta' twissija bikrija, il-koordinazzjoni ta' timijiet ta' esperti biex jassistu lil pajjiżi tal-UE fil-ġestjoni ta' applikazzjonijiet għal asil u l-ħolqien ta' faċilitajiet ta' akkoljenza xierqa.

  • jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-SEKA permezz tal-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prassi, ifassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-UE u billi jadotta dokumenti tekniċi, bħal linji gwida u manwali operattivi, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' asil tal-Unjoni.

Sfond

Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi l-EASO fit-18 ta' Frar 2009 (IP/09/275). Dan kien jinkludi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u kif ukoll tibdil fuq il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER).

Matul l-ewwel semestru tal-2010, il-koleġiżlaturi approvaw b'mod formali l-ħolqien ta' Uffiċċju Ewropew ta Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u l-Istati Membri ddeċidew li s-sede tiegħu ser tkun il-Belt Valletta, Malta.

Ir-Regolament (UE) 439/2010 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Mejju 2010.

Għal iktar informazzjoni

Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

MEMO/10/618


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site