Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Unjoni tal-Innovazzjoni: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar ħajja attiva u f'saħħitha għall-anzjani

Commission Européenne - IP/10/1609   26/11/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1609

Brussell, is-26 ta' Novembru 2010

Unjoni tal-Innovazzjoni: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar ħajja attiva u f'saħħitha għall-anzjani

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob l-ideat tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet privati, kumpaniji u ċittadini individwali dwar kif l-Ewropa tista' tixpruna l-innovazzzjoni biex tilħaq l-isfidi tal-popolazzjoni li qed tixjieħ fl-Ewropa, u b'mod partikulari dwar Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni (EIP) dwar ħajja attiva u f'saħħitha għall-anzjani, kif stipulat fl-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, ippreżentata fis-6 ta' Ottubru minn Maire Geoghegan Quinn, Il-Kummisarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza u Antonio Tajani, il-Viċi-President għall-Industrija u l-Intraprenditorjat. Bejn l-2010 u l-2030, l-għadd ta' Ewropej anzjani ta' età ikbar minn 65 se jogħla sa kważi 40 %. Dan mhux biss se jġib sfidi enormi, iżda se joffri wkoll opportunitajiet tajbin għas-soċjetà u l-ekonomija Ewropea. L-EIP, li proponiet il-Kummissjoni għandu jiġi mniedi fl-2011, u għandu jipprova jilħaq tliet għanijiet. jtejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta' nies akbar fl-età, billi jippermettilhom ħajja attiva u indipendenti; li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà u l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura soċjali u tas-saħħa; u jrawwem il-kompetittività u l-opportunitajiet tan-negozju. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni online se jibqa' sejjer sat-28 ta' Jannar 2011.

John Dalli, Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: L-Ewropa għandha bżonn tipprepara għall-futur għas-soċjetà li qed tikber fl-età, u l-użu tal-innovazzjoni għandu jkun waħda mill-għodod li għandna għad-dispożizzjoni tagħna. Ninsab kuntent ħafna illi proprju l-ewwel wieħed minn dawn il-Paternarjati jitratta l-ħajja attiva u f'saħħitha għall-anzjani. Dan jimplika li nikkooperaw mill-qrib ma' diversi politiki li jkopru s-saħħa pubblika, ir-riċerka, il-politika diġitali u industrijali".

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali qalet: "In-nies qed jgħixu aktar – u dawn għandhom ikunu jistgħu jgħixu b'mod attiv u indipendenti kemm jista' jkun, bl-għajnuna ta' soluzzjonijiet innovattivi bħal apparat li jintuża għall-prevenzjoni u n-notifikazzjoni ta' waqgħat, servizzi ta' interattività soċjali li jistgħu jintużaw faċilment biex jgħelbu s-solitudni, u użu intelliġenti tal-ICT fid-dar. Neħtieġu l-kummenti ta' dawk interessati biex niżguraw li l-Partenarjat għall-Innovazzjoni tal-ġejjieni jkun jista' jgħin biex dawn l-ideat jsiru realtà għaċ-ċittadini anzjani tal-Ewropa".

Il-konsultazzjoni tistieden lil dawk kollha interessati, bħall-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw l-anzjani u l-pazjenti, l-isptarijiet u l-fornituri tas-servizzi ta' kura, il-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u tal-kura, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjonijiet (ICT) u l-kumpaniji tas-saħħa, l-awtoritajiet pubbliċi, u ċ-ċittadini individwali, biex jgħinu biex fl-identifikazzjoni l-ostakli attwali għall-innovazzjoni u l-opportunitajiet fil-qasam ta' ħajja attiva u f'saħħitha għall-anzjani. Il-kontributuri jistgħu jaqsmu wkoll inizjattivi eżisteni u tal-ġejjieni li jistgħu jitwettqu fil-livell Ewropew u jiġu żviluppati b'mod kolloborattiv. Dawn għandhom jiffokaw dwar kif soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jwasslu għal riżultati promettenti u tanġibbli għall-benefiċċju tal-anzjani.

Il-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u f'Saħħitha għall-Anzjani, bħala għan ewlieni, jimmira li sal-2020 iżid il-medja tat-tul ta' ħajja f'saħħitha fl-UE b'sentejn. Qed jimmira li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' nies akbar fl-età u li jwassal għal soluzzjonijiet ta' kura aktar effiċjenti. Ser jiffoka fuq l-applikazzjoni, fuq skala ikbar mil-lum, tal-innovazzjoni f'oqsma bħal promozzjoni ta' saħħa, prevenzjoni, dijanjosi bikrija u kura, sistemi ta' kura soċjali u ta' saħħa integrati u kollaborattivi, ħajja indipendenti u teknoloġiji ta' għajnuna lil nies akbar fl-età.

Il-Kummissjoni se tanalizza t-tweġibiet għall-konsultazzjoni, sabiex tikseb idea ċara tal-potenzjal u l-kapaċità tal-innovazzjoni fl-oqsma multipli li jaffettwaw l-anzjani llum. It-tweġibiet se jgħinu lill-Kummissjoni tippjana l-passi li jmiss għall-EIP.

Il-konsultazzjoni online qed titwettaq paralellment ma' Konferenza dwar il-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u f'Saħħitha għall-Anzjani, li se ssir fi Brussell illum. Aktar minn 150 rappreżentant ta' dawk interessati beħsiebhom jiddiskutu l-ideat tagħhom għall-partenarjat biex jissawru f'azzjonijiet konkreti.

Sfond

Il-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u f'Saħħitha għall-Anzjani hija parti mill-istrateġija "Unjoni tal-Innovazzjoni" tal-UE, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, sabiex l-ideat jissawru fi impjiegi, tkabbir ekoloġiku u progress soċjali (IP/10/1288). L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha għan li jinqasam fi tliet elementi: li tgħolli l-prestazzjoni Europea fix-xjenza fuq livell dinji; li tibdel radikalment il-mod kif is-setturi pubbliċi u privati jaħdmu ma' xulxin, notevolment permezz tal-Partenarjati għall-Innovazzjoni, u jwarrbu l-ostakli – bħal brevetti bi prezzijiet għoljin, frammentazzjoni tas-suq, stipular bil-mod ta' standards u nuqqasijiet ta' sengħa – li bħalissa mhux iħallu l-ideat jaslu malajr sas-suq.

Din taqbel mal-għan tal-Agenda Digitali ghall-Ewropa li jiġi sfrtuttat il-potenzjal tal-ICT sabiex tixpruna l-prosperità u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). L-Aġenda Diġitali timmira, fost oħrajn, li tiżgura li l-ICT jippermettu iktar indipendenza lil persuni li huma fraġli jew li jbagħtu minn kundizzjonijiet kroniċi u lil persuni b'diżabilità. Għandha l-għan li tirdoppja l-adozzjoni ta' arranġamenti ta' għixien indipendenti għall-anzjani sal-2015.

Bl-istess mod, "it-trawwin ta' saħħa tajba f-Ewropa li tixjieħ" ġie identifikat bħala wieħed mit-tliet għanijiet prinċipali tal-"Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013".

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/deployment/ahaip/consultation/

Aktar tagħrif:

Azzjonijiet KE għal Hajja anzjana tajba fis-socjetà tal-informazzjoni:

Azzjonijiet KE fil-qasam tal-ICT għas-saħħa:

Il-Portal Ewropew tas-Sahha Pubblika tal-Unjoni Ewropea (Saħħa-UE):

KE Is-sahha fis-socjetà - xjuhija

Agenda Digitali ghall-Ewropa

Unjoni tal-Innovazzjoni


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site