Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Tielet Summit Afrika-UE: naħdmu flimkien għal aktar "Investiment, Tkabbir Ekonomiku u Ħolqien tax-Xogħol”

European Commission - IP/10/1605   25/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1605

Brussell, 25 ta' Novembru 2010

It-Tielet Summit Afrika-UE: naħdmu flimkien għal aktar "Investiment, Tkabbir Ekonomiku u Ħolqien tax-Xogħol”

Bejn id-29 u t-30 ta' Novembru, il-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy, il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, u l-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs, se jattendu s-Summit Afrika-UE fi Tripoli (il-Libja). 80 Kap ta' Stat u ta' Gvern mill-Ewropa u mill-Afrika se jiltaqgħu sabiex jiddiskutu taħt it-tema predominanti ta' "Investiment, Tkabbir Ekonomiku u Ħolqien tal-Impjiegi" sabiex jieħdu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti għal livell ġdid u aktar ambizzjuż. Permezz tas-Sħubija Afrika-UE li twaqqfet fl-2007 iż-żewġ kontinenti qed isegwu interessi komuni u għanijiet strateġiċi bħala sħab indaqs, li jmorru lil hinn mill-enfasi tal-politika tradizzjonali tal-iżvilupp. Matul is-Summit, il-mexxejja huma mistennija li jimbuttaw għal tkabbir inklużiv u sostenibbli bħala fatturi prinċipali għall-iżvilupp u għall-ġlieda kontra l-faqar. It-tisħiħ u l-involviment aktar b'saħħtu tas-settur privat huma prekondizzjonijiet essenzjali sabiex dan ikun suċċess, kif ukoll kooperazzjoni aktar b'saħħitha dwar it-Tibdil fil-Klima u Paċi u Sigurtà.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy , qabel il-laqgħa qal: "Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni li qiegħda dejjem tikber u l-kriżi finanzjarja u ekonomika, is-sħubija tal-Unjoni mal-Afrika hija ta' importanza strateġika. Aħna se nindirizzaw kwistjonijiet importanti bħall-paċi u s-sigurtà, il-governanza dinjija u l-integrazzjoni reġjonali. Aħna ser insaħħu wkoll l-isforzi tagħna sabiex inħeġġu investiment, ħolqien tax-xogħol u tkabbir.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José-Manuel Barroso, qabel il-laqgħa qal: "L-Unjoni Ewropea qed tibni sħubija b'saħħitha u li hija dejjem eqreb lejn l-Afrika. Fl-2007, fis-Summit ta' Lisbona, aħna għamilna progress tajjeb billi adottajna strateġija komuni. Issa neħtieġu li nikkonsolidaw u nsaħħu r-rabtiet tagħna, billi niżviluppaw il-potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat mir-relazzjonijiet Afrika-UE. Il-kooperazzjoni aktar b'saħħitha u aktar intensa se tkun ta' benefiċċju kbir għall-iżvilupp tal-Afrika u ser ikollha rwol importanti fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Għall-Ewropa din l-isħubija tirrappreżenta wkoll vantaġġ reali u opportunità li m'għandhiex tintilef sabiex jitrawmu relazzjonijiet ma' kontinent li huwa dejjem aktar importanti f'dinja li hija dejjem aktar interdipendenti."

It-80 Kap ta' Stat u Gvern, li jirrappreżentaw aktar minn 1.5 biljun persuna, se jiffukaw id-dibattiti tagħhom fuq kif iż-żewġ kontinenti jistgħu jtejbu l-prijoritajiet kondiviżi bejniethom sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjieg u jegħlbu r-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, b'mod partikolari billi joħolqu ambjent li huwa aktar faċli għan-negozju u għall-investiment.

Sa mill-2007, l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE għamlet passi kbar 'il quddiem fl-oqsma bħall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), paċi u sigurtà, integrazzjoni reġjonali u kummerċ (eżempji konkreti jistgħu jinstabu fil-MEMO/10/604). Fl-istess ħin, l-Ewropa u l-Afrika jeħtieġu li jagħmlu aktar sabiex jegħlbu l-frammentazzjoni tal-politiki u tal-istrumenti finanzjarji. Sabiex jilħqu l-għanijiet komuni tagħhom, huma jeħtieġu wkoll li jinvolvu aktar il-partijiet interessati – il-parlamenti, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.

  • Id-dikussjonijiet tas-Summit se jiffukaw fuq it-temi li ġejjin:

  • Integrazzjoni reġjonali, infrastruttura, ICT, xjenza, u żvilupp tas-settur privat

  • Enerġija, bidla fil-klima

  • MDGs, agrikoltura u ikel

  • Paċi u sigurtà

  • Governanza u drittijiet tal-bniedem

  • Migrazzjoni, mobbiltà u ħolqien tax-xogħol

Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern huma mistennija li jenfasizzaw l-importanza strateġika globali tas-Sħubija tagħhom, li hija l-unika Sħubija Strateġika eżistenti bejn żewġ kontinenti. Is-Summit għandu jagħti wkoll ħajja ġdida lill-isforzi sabiex jinkisbu l-MDGs, b'iffukar fuq il-pajjiżi li għadhom l-aktar lura. Se jiġi adottat Pjan ta' Azzjoni Konġunt għall-2011-2013, inklużi azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu segwiti jew jiġu mnedija, dwar l-oqsma strateġiċi u t-tkomplija fuq il-kisbiet sa mill-2007.

Qabel il-parteċipazzjoni fis-Summit, il-President Barroso, il-Viċi President Tajani u l-Kummissarju Piebalgs, fit-28 ta' Novembru, se jieħdu sehem fil-Forum Kummerċjali Afrika-UE fil-Laqgħa tal-Kapijiet Eżekuttivi organizzata qabel is-Summit. Dan il-Forum se jiddiskuti speċjalment mezzi sabiex tiġi żviluppata strateġija konġunta sabiex jiġu żgurati mudelli inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli u għat-tkabbir fl-Afrika.

Sfond

Fl-2007, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern mill-Ewropa u l-Afrika nedew s-Sħubija Strateġika Konġunta Afrika-UE sabiex ikomplu jsegwu flimkien l-interessi komuni, lil hinn mill-attenzjoni tal-politika tradizzjonali ta' żvilupp. Tmien sħubiji tematiċi jiżguraw is-segwitu operazzjonali: Il-paċi u s-sigurtà; il-governanza demokratika u d-drittijiet umani; il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura; MDGs; l-enerġija; il-bidla fil-klima; il-migrazzjoni, il-mobbiltà u x-xogħol; ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju.

Fl-10 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-proposti tagħha dwar kif għandha tikkonsolida r-relazzjonijiet Afrika-UE, tirrikonoxxi li s-Sħubija teħtieġ li tevolvi aktar. Hija ssuġġeriet li jsir iffukar fuq il-kooperazzjoni tal-iżvilupp fuq l-appoġġ ta' tkabbir inklużiv u sostenibbli fl-Afrika, billi jitpoġġew attivitajiet ta' importanza kbira fiċ-ċentru ta' investimenti influwenti bil-għan li jsir l-aħjar użu tal-potenzjal kbir tas-Sħubija tagħna.

Għal aktar tagħrif ara wkoll:

MEMO/10/604

IP/10/1495 u MEMO/10/566 fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet Afrika-UE

IP/10/1494 u MEMO/10/565 dwar il-Green Paper: "Il-politika tal-UE għall-iżvilupp b’appoġġ għal tkabbir inklussiv u l-iżvilupp sostenibbli; żieda fl-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp”

Il-websajt tas-Sħubija Afrika-UE: http://www.africa-eu-partnership.org/

Il-Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp: http://ec.europa.eu/development/index_en.cfm

Il-websajt tal-EuropeAid (AidCo): http://ec.europa.eu/europeaid/index_en.htm

Il-websajt tal-President José Manuel Barroso:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt għall-Forum Kummerċjali Afrika-UE http://www.euafrica-businessforum.org


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website