Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE mistennija li tirrevedi l-liġi dwar is-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

European Commission - IP/10/1596   24/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1596

Brussell, l-24 ta’ Novembru 2010.

L-UE mistennija li tirrevedi l-liġi dwar is-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

Il-Kummissjoni tilqa l-vot meħud mill-Parlament Ewropew illum sabiex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar l-użu tas-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. L-abbozz tal-leġiżlazzjoni, proposta mill-Kummissjoni fl-2008, se jsaħħaħ l-liġi eżistenti billi jissemplifika l-proċeduri għal restrizzjonijiet futuri għas-sustanzi u billi jagħmilha koerenti ma' leġiżlazzjoni oħra li tikkonċerna l-kimiki1. Il-vot ta' llum jikkonferma l-qbil fl-ewwel qari mal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni riveduta.-

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Qegħdin nużaw dejjem aktar prodotti elettriċi u elettroniċi u rridu niżguraw li dawn ikollhom l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem – kemm meta nużawhom kif ukoll meta narmuhom. Il-vot ta' llum se jwassal għal liġi aktar b'saħħitha li hija koerenti ma' leġiżlazzjonijiet oħra u li tkun eħfef biex tiġi implimentata u nfurzata. It-titjib ambjentali se jirriżulta mill-inklużjoni ta' kategoriji ġodda ta' prodotti bħal apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ. Fuq perjodu medju sa dak fit-tul, din se telimina l-preżenza ta' sustanzi projbiti f'dawn il-prodotti u fl-iskart derivat minnhom".

Minn meta daħlet fis-seħħ fl-2003, id-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (RoHS) evitat li eluf ta' tunnellati ta' sustanzi perikolużi jintremew u, possibilment, jiġu rilaxxati fl-ambjent. Din wasslet għal tibdiliet important fid-disinn ta' prodotti elettriċi u elettroniċi fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja u ffaċilitat l-irkuprar ta' ħafna sustanzi jew materjali rari li jintużaw fl-elettronika. Għaldaqstant, din il-liġi tgħin l-UE tkun aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-RoHS serviet wkoll bħala mudell għal liġijiet simili li ġew introdotti f'mill-inqas 15 –il ġuriżdizzjoni barra ż-Żona Ekonomika Ewropea

Attwalment, ir-RoHS tkopri spettru wiesa' ta' prodotti li jużaw l-elettriku, inkluż apparat domestiku żgħir u kbir, tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll oġġetti għall-konsumatur bħal radji, settijiet tat-TV, vidjokameras u sistemi hi-fi.

Id-Direttiva riveduta

Id-Direttiva riveduta, li ntlaħaq qbil dwarha llum, timmira lejn it-titjib tal-implimentazzjoni u tal-infurzar u tintroduċi koerenza akbar ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħar-REACH u l-qafas leġiżlattiv ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

L-elementi ewlenin jinkludu:

  • L-estensjoni tal-ambitu għat-tagħmir elettriku u elettroniku kollu, inkluż apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll.

  • Tagħmir elettriku u elettroniku li ma kienx kopert mill-ambitu tad-Direttiva RoHS attwali iżda li issa se jkun kopert mid-Direttiva riveduta, ma għandux għalfejn ikun konformi mar-rekwiżiti matul il-perjodu tranżizzjonali ta' 8 snin, biex, b'hekk, jingħata żmien lill-produtturi biex jadattaw;

  • L-introduzzjoni ta' mekkaniżmu eħfef u aktar effikaċi biex tiġi riveduta jew emendata l-lista ta' sustanzi projbiti, sabiex jiġi permess li jiġu kkunsidrati aktar sustanzi abbażi ta' evidenza xjentifika u kriterji speċifiċi, b'konformità mar-REACH; It-tibdiliet jistgħu imbgħad isiru permezz tal-komitoloġija;

  • Ir-regoli biex jiġu mogħtija eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq sustanza huma ulterjurment issemplifikati biex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi u sabiex tiġi żgurata koerenza mar-REACH;

  • Definizzjonijiet importanti huma kkjarifikati sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva hija applikata b'mod armonizzat madwar l-UE.

  • Infurzar aħjar tad-Direttiva fuq livell nazzjonali permezz ta' allinjament mal-pakkett leġiżlattiv dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

Il-passi li jmiss

It-test li ttieħed vot fuqu llum issa jrid jiġi adottat formalment mill-Kunsill. Id-Direttiva ġdida se tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara, l-Istati Membri jkollhom 18–il xahar biex tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali. Sa dakinhar, tkompli tapplika d-Direttiva RoHS eżistenti (Direttiva 2002/95/KE).

Sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni se tirrevedi t-tibdiliet fl-ambitu bejn id-Direttiva ta' qabel u l-ġdida li għadhom ma kienux soġġetti għal valutazzjoni ta' impatt.

Għal iktar tagħrif

Il-Kummissjoni għamlet erba' dikjarazzjonijiet fuq l-ambitu, ir-reviżjoni, in-nanomaterjali u t-tabelli ta' korrelazzjoni. Biex taqra dawn u għal aktar tagħrif, tista' żżur is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku:

http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/index_en.htm

1 :

Bħal REACH - Ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi Kimiċi (Regolament KE 1907/2006)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website