Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1595

Brussell, 25 ta' Novembru 2010

Skont l-Ewrobarometru, 38% tal-Ewropej iqisu l-ġlieda kontra l-faqar bħala sfida ewlenija għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika

Ewrobarometru speċjali dwar ir-relazzonijiet bejn l-UE u l-Afrika ppubblikat qabel is-Summit bejn l-UE u l-Afrika li se jsir fil-Libja fid-29 u t-30 ta' Novembru juri li ċ-ċittadini Ewropej ġeneralment jaqblu mal-punt ċentrali tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba. Għall-Ewropej, l-isfidi ewlenin għall-kooperazzjoni huma l-ġlieda kontra l-faqar (38%), il-paċi u s-sigurtà (34%), u d-drittijiet tal-bniedem (33%). Dan il-punt ċentrali huwa konsistenti mal-għan primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp li jikkonsisti fil-qerda tal-faqar, kif stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona u rifless fil-Green Paper riċenti tal-Kummissjoni dwar "il-politika tal-UE għall-iżvilupp b’appoġġ għal Tkabbir Inklussiv u l-Iżvilupp Sostenibbli".

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u l-ġlieda kontra l-faqar jibqgħu fil-qalba tal-isħubija tal-Ewropa mal-Afrika. Jagħtini ħeġġa li nara li dan huwa wkoll prijorità għaċ-ċittadini fl-Ewropa kollha. Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti dwar kif għandna nikkonsolidaw ir-relazzjoni tagħna billi nsaħħuha u niffukaw fuq tkabbir inklussiv u sostenibbli fit-tul. Is-Summit fi Tripli se jkun okkażjoni eċċellenti biex niddiskutu mezzi li bihom nistgħu ntejbu l-kooperazzjoni tagħna f'dan ir-rigward."

Dan l-Ewrobarometru "L-UE u l-Afrika – Ħidma lejn sħubija aktar mill-qrib" iħares lejn kif l-Ewropej iqisu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti. 34% tal-Ewropej jaħsbu li l-Afrika se ssir sieħeb importanti għall-Ewropa fid-deċennju li ġej, filwaqt li 42% jemmnu li r-relazzjoni se tibqa' l-istess. Ir-riżultati jvarjaw b'mod sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE. Fl-Isvezja, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, is-Slovenja u l-Portugall, il-maġġoranza ta' dawk li rrispondew jidhrilhom li l-importanza tal-Afrika bħala sieħeb se tiżdied. In-nuqqas ta' informazzjoni tibqa' sfida fl-Ewropa kollha peress li 15% tal-pubbliku m'għandux opinjoni preċiża dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika. Wara s-Summit bejn l-UE u l-Afrika fl-2007, l-attenzjoni tar-relazzjonijiet inbidlet minn approċċ sempliċi bejn donatur u benefiċjarju lejn sħubija reali fejn il-problemi jkunu trattati flimkien, b'kunsiderazzjoni tal-interessi taż-żewġ partijiet.

Jistgħu jiġu osservati tendenzi differenti fl-UE15 u fl-UE12. Fl-UE12 kien hemm tendenza li l-ewwel jissemmew il-faqar u l-ġuħ, filwaqt li fil-UE15 ingħatat iktar importanza lid-demokrazija u l-governanza tajba fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika.

Barra minn hekk, l-Ewropej ma jarawx il-migrazzjoni bħala qasam ta' importanza kbira minkejja l-kopertura tal-midja relattivament għolja tal-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni illegali, b'mod partikolari fl-Ewropa t'Isfel. Minkejja li dawk li rrispondew fi Spanja (11%) u f'Malta (18%) jagħtu lil din il-kwistjoni livelli ta' importanza sinifikament ogħla mill-medja Ewropea (6%), il-migrazzjoni għadha kkunsidrata bħala inqas importanti mill-faqar u d-drittijiet tal-bniedem.

L-immaġni pożittivi li l-Ewropej għandhom tal-Afrika huma bbażati l-iktar fuq is-sbuħija naturali tal-kontinent (28%) u n-natura selvaġġa (24%). 41% tal-Ewropej jassoċjaw l-Afrika ma' kwistjonijiet pożittivi oħra bħal pereżempju l-arti, swieqi mimlijin ħajja, innovazzjonijiet teknoloġiċi u suċċessi fl-isports. Fost dawn ix-xbihat tradizzjonali tal-Afrika, wieħed minn għaxar Ewropej semma' t-teknoloġija u l-ekonomija fost ix-xbihat pożittivi tal-kontinent, u dan jirrifletti progress f'oqsma ewlenin fil-mira mis-sħubija bejn l-UE u l-Afrika.

Il-Kummissjoni Ewropea tħaddan dawn l-alternattivi li qegħdin dejjem jiżdiedu f'livell politiku fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE (ippubblikata fl-10 ta' Novembru): Hi tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika li tagħti prijorità lil ambjent li jwassal għall-investiment, il-kummerċ u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn il-kwistjonijiet se jkunu indirizzati iktar matul it-tielet Summit bejn l-UE u l-Afrika fi Tripli, skont it-tema predominanti ta' "Investiment, Tkabbir Ekonomiku u Ħolqien tal-Impjiegi". Is-summit se jkollu l-għan li jieħu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti għal livell ġdid u iktar ambizzjuż u li jħaddan it-tkabbir u l-impjieg fiż-żewġ kontinenti, għall-benefiċċju tan-nies kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika.

L-isfond

Fl-2007, 80 Kap ta' Stat u ta' Gvern mill-Ewropa u l-Afrika niedu s-Sħubija Strateġika Konġunta bejn l-Afrika u l-UE biex ikomplu jsegwu flimkien l-interessi komuni u l-għanijiet strateġiċi, lil hinn mill-attenzjoni tal-politika tradizzjonali ta' żvilupp. L-isħubija bejn l-UE u l-Afrika hija l-unika sħubija bejn żewġ kontinenti li għandha l-UE. Tmien sħubiji tematiċi jiżguraw is-segwitu operattiv: Paċi u sigurtà, Governanza demokratika u drittijiet tal-bniedem, Kummerċ, integrazzjoni reġjonali u infrastruttura, Għanijiet ta' żvilupp tal-Millenju (MDGs), Bidla fil-klima, Migrazzjoni, mobilità u impjieg, Xjenza, soċjetà tal-informazzjoni u spazju.

Għal aktar tagħrif ara wkoll:

It-test sħiħ tal-Ewrobarometru Speċjali jinsab f'din il-websajt:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm#353

Għal tagħrif ġenerali dwar l-Ewrobarometru speċjali, ikkonsulta MEMO/10/609

IP/10/1495 u MEMO/10/566 fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika

IP/10/1494 u MEMO/10/565 dwar il-Green Paper: "Il-politika tal-UE għall-iżvilupp b’appoġġ għal tkabbir inklussiv u l-iżvilupp sostenibbli; żieda fl-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp”

Il-websajt tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp: http://ec.europa.eu/development/index_en.cfm

Il-websajt tal-EuropeAid (AidCo): http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Isħubija bejn l-Afrika u l-UE: http://www.africa-eu-partnership.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website