Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1541

Strasburgu, 23 ta' Novembru 2010

Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda: L-UE tistabbilixxi l-azzjonijiet biex tingħata spinta għall-impjegabilità u twassal għal riforma

Bħalissa hemm 23 miljun ruħ qiegħda madwar l-UE - 10 % tal-popolazzjoni attiva - b'konsegwenzi serji għat-tkabbir ekonomiku u s-sistemi ta' benefiċċji soċjali Ewropej. Fl-istess ħin, hemm min qed jirrapporta diffikultajiet biex isib ħaddiema jaħdmulu, speċjalment fl-impjiegi li jeħtieġu ħiliet kbar. Fil-ġejjieni jaf ikun hemm nuqqasijiet f'oqsma bħall-ICT jew is-setturi tas-saħħa bi żbilanċ stmat ta' 700 000 speċjalist tal-ICT sal-2015 u miljun riċerkatur sal-2025. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u tingħata spinta għar-rata tal-impjiegi fl-UE biex tilħaq il-75 % tal-irġiel u n-nisa sal-2020, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet inizjattiva ewlenija "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda". Hija tistabbilixxi 13-il azzjoni ewlenija bil-mira li jiġu rriformati s-swieq tax-xogħol, jiġu aġġornati l-ħiliet filwaqt li jiġu jaqblu mad-domanda tas-suq biex tingħata spinta lill-impjegabilità u ssir eħfef biex wieħed jibdel xogħlu, biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjieg, u biex jinħolqu l-impjiegi.

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: Il-prijorità hi li n-nies jibdew jaħdmu. Bażikament ma nistgħux naffordjaw li jkollna rata ta' qgħad ta' kważi 10 %. Il-kriżi ġabet fix-xejn ħafna mill-progress tal-imgħoddi li jfisser li għandna bżonn urġenti li nirriformaw is-swieq tax-xogħol, niżguraw li l-ħiliet ikunu konformi mad-domanda u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu tajbin għall-ħolqien tal-impjiegi." Huwa żied jgħid: "Jien konvint li ċ-ċittadini tal-UE se jibbenefikaw mill-azzjonijiet proposti, b'mod partikolari l-gruppi vulnerabbli li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi."

Il-Kummissarju Vassiliou qalet: Illum huwa kruċjali iktar minn qatt qabel li ċ-ċittadini kollha jirċievu edukazzjoni u taħriġ biex ikunu mgħammra bil-ħiliet li jeħtieġu biex isibu xogħol. It-tagħlim tul il-ħajja jrid isir realtà fl-Ewropa. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li jsir sforz konġunt mis-sħab kollha - il-gvernijiet, min iħaddem, it-trejdjunjins u ċ-ċittadini. "

Bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, "Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda" hija l-kontribut tal-Kummissjoni biex tintlaħaq il-mira ta' rata ta' impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta' 75 % għall-grupp tal-età 20-64 sal-2020. L-istrateġija tenfasizza wkoll il-miri tal-UE biex tnaqqas ir-rata ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni għal taħt l-10 % u żżid l-għadd ta' żgħażagħ f'edukazzjoni għolja jew edukazzjoni vokazzjonali ekwivalenti għal tal-inqas 40 %.

Li iktar nies jibdew jaħdmu hija kruċjali biex jiġi sostnut il-mudell soċjali u s-sistemi ta' benefiċċji soċjali tal-Ewropa hekk kif il-popolazzjoni fl-UE tan-nies fl-età biex jaħdmu dalwaqt tibda tiċkien.

Sabiex is-swieq tax-xogħol tal-Ewropa jaħdmu aħjar il-Kummissjoni tipproponi 13-il azzjoni konkreta li se jgħinu:

  • Biex iħaffu r-riforma fis-suq tax-xogħol biex titjieb il-flessibilità u s-sigurtà tas-swieq tax-xogħol ("flessigurtà"). Pereżempju, proposta konkreta hi li jiżdied l-użu ta' arranġamenti kuntrattwali miftuħa b'perjodu ta' prova suffiċjentement twil u żieda gradwali ta' drittijiet ta' protezzjoni, aċċess għat-taħriġ, tagħlim tul il-ħajja u gwida għall-karriera għall-impjegati kollha. Dan ikollu l-għan li jnaqqas id-diviżjonijiet bejn dawk b'kuntratt temporanju u dawk b'kuntratt permanenti.

  • Biex jingħataw l-inċentivi t-tajbin lin-nies u lin-negozji ħalli jinvestu f'taħriġ sabiex jaġġornaw kontinwament il-ħiliet tan-nies b'konformità mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tniedi dalwaqt "Panaroma ta' ħiliet tal-UE" li se jbassar il-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-ġejjieni u jgħin biex jiġi żgurat li n-nies ikollhom it-taħlita t-tajba ta' ħiliet (ICT u lingwi, pereżempju) biex tingħata spinta lill-prospetti u l-adattabilità għax-xogħol tagħhom. L-Aġenda tressaq proposta biex jiġi żviluppat interfejs komuni – Klassifika ta' Ħiliet, Kompetenzi u Okkupazzjonijiet Ewropej – biex jitressqu iktar lejn xulxin id-dinjiet tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kummissjoni ssejjaħ ukoll biex ikun hemm riformi li jiżguraw l-għarfien ta' kwalifiki professjonali u tipproponi Passaport Ewropew tal-Ħiliet, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirreġistraw il-ħiliet tagħhom b'mod trasparenti u kumparabbli.

  • Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti filwaqt li tittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u tipproponi inizjattiva leġiżlattiva għall-implimentazzjoni aħjar tad-direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema. Hija se tagħti ħarsa wkoll lejn il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol billi tħejji strateġija ġdida għall-ġejjieni.

  • Biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol it-tajbin qegħdin fis-seħħ għall-ħolqien tal-impjiegi bħal inqas piżijiet amministrattivi jew tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xogħol u l-mobilità li hu importanti speċjalment f'setturi ta' progress mgħaġġel bħas-setturi b'riċerka u żvilupp intensivi. L-aġenda se tħeġġeġ ukoll l-intraprenditorjat, pereżempju billi jkun hemm skambju tal-aqwa prassi dwar l-edukazzjoni dwar l-intraprenditorjat, u permezz tal-programm Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ (EYE).

  • L-Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda tikkomplementa l-inizjattiva "Żgħażagħ Attivi" li għadha kemm tnediet mill-Kummissjoni u li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ jiggwadanjaw l-għerf, il-ħiliet u l-esperjenza li għandhom bżonn biex l-ewwel xogħol tagħhom isir realtà. (ara IP/10/1124).

Sfond

Minn meta il-kriżi bdiet tolqot is-swieq tax-xogħol fl-2008, l-Ewropa tilfet 5,6 miljun impjieg. Jekk wieħed jassumi li s-suq tax-xogħol jistabbilizza ruħu fl-2010-2011, biex tintlaħaq rata ta' impjiegi ta' 75 % sal-2020 se jkun hemm bżonn ta' tkabbir medju fl-impjiegi kemm kemm 'il fuq minn 1 % fis-sena.

Ħafna swieq tax-xogħol madwar l-UE għandhom bżonn ta' riforma biex jaħdmu aħjar, u jrid ikun hemm fokus ferm iktar qawwi fuq l-aġġornament u t-tqabbil tal-ħiliet. Anke tul il-kriżi kien hemm min bata biex sab nies jaħdmulu li kellhom il-ħiliet it-tajba biex jimlew il-postijiet tax-xogħol battala. L-impjiegi jeħtieġu livelli ta' ħiliet dejjem iktar sofistikati: L-impjiegi li jkollhom nies bi kwalifiki għolja huma mistennija jiżdiedu b'16-il miljun bejn issa u l-2020, filwaqt li dawk b'ħaddiema b'ħiliet baxxi se jonqsu b'madwar 12-il miljun.

Informazzjoni ulterjuri

Ara l-MEMO/10/602.

"Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda": Komunikazzjoni:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6328&langId=en

"Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda": Taqsira għaċ-ċittadini:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6329&langId=en


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website