Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1538

Brussell, is-23 ta’ Novembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Pass ieħor lejn l-inviżibilità permezz ta' riċerka ffinanzjata mill-Kummissjoni

Sar pass ieħor 'il quddiem sabiex il-"mantell tal-inviżibilità" ta' Harry Potter isir realtà permezz ta' riċerka dwar in-nanoteknoloġija ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea. Xjentisti mill-Ġermanja, il-Greċja, it-Turkija u r-Renju Unit irnexxilhom jikkontrollaw, skont il-ħtieġa, il-fluss tad-dawl bl-użu tan-nanoteknoloġija u, b'hekk, mhux biss wittew it-triq għal applikazzjonijiet potenzjali fil-lenti u fiċ-ċirkwiterija ottika iżda wkoll għal apparat eżotiku tridimensjonali bħal "mantelli tal-inviżibilità". Minkejja li bħalissa huwa limitat biss għal oġġetti tad-drap ta' daqs submillimetriku, il-proġett ipprovda prova ta' prinċipju ewlenija għall-inġinerija tal-propjetajiet ottiċi ta' materjali b'modi li sa llum dehru impossibbli. Il-proġett huwa parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lir-riċerka ta' riskju għoli fl-ICT marbuta mat-teknoloġiji tal-informazzjoni futuri u emerġenti, għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Jien mistgħaġba bl-inġenjożità tar-riċerkaturi Ewropej. Dan il-proġett irnexxilu jikseb, fir-realtà, dak li konna familjari miegħu biss permezz ta' effetti speċjali fiċ-ċinema. Riċerka daqstant avanzata bħal din hija kruċjali biex jitqegħdu l-pedamenti għal teknoloġiji ġodda li huma essenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa."

Xjentisti involuti fil-proġett PHOME ddisinnjaw u ħolqu "metamaterjali fotoniċi" li jinfluwenzaw l-mod ta' kif jaġixxu r-raġġi tad-dawl. Din l-iskoperta hija bbażata fuq il-prinċipju tal-ottika tat-trasformazzjoni li ġie żviluppat mit-tim wara l-proġett.

Il-"mantell tal-inviżibilità" nnifsu huwa magħmul minn vireg żgħar ħafna li huma wiesgħin ftit nanometri biss u li huma rranġati fi struttura li tixbaħ munzell injam. Il-vireg huma rranġati b'mod attent sabiex ikunu jistgħu jgħawwġu parzjalment il-mewġ tad-dawl.

Billi jinbidlu l-ispid u d-direzzjoni ta' kif jivjaġġa d-dawl, ix-xjentisti jistgħu jiggwidaw il-mewġ tad-dawl madwar qabża ta' mikrometru (minħabba l-preżenza ta' oġġett) b'tali mod li jġibuha inviżibbli fi tliet dimensjonijiet, u b'meded ta' frekwenzi tad-dawl qrib dawk li huma viżibbli għall-bniedem. Il-ħidma għaddejja sabiex jiġi estiż l-effett għall-faxxa viżibbli u r-rizultati huma mistennija għal Jannar li ġej.

Sa llum, "mantelli tal-inviżibilità" bħal dawn ħadmu biss fiż-żewġ dimensjonijiet. Dan ifisser li l-oġġett moħbi kien inviżibbli meta l-osservatur prova jarah minn quddiem iżda deher viżibbli meta ġie osservat mill-ġenb L-istudju huwa l-ewwel wieħed li wassal għall-ħolqien ta' apparat li jagħmel l-oġġett inviżibbli fit-tliet dimensjonijiet kollha.

Applikazzjonijiet futuri ta' din ir-riċerka tista' twassal għall-iżvilupp ta' komponenti ottiċi kompletament ġodda, bħal lentijiet perfetti, apparat għall-ħażna tad-dawl u komponenti importanti għall-lasers u l-ottoelettroniċi bħall-modulaturi u l-iżolaturi. Filwaqt li mantelli tal-inviżibilità li jkopru il-ġisem kollu huma lilhinn mill-potenzjal tax-xjenza u teknoloġija attwali, din ir-riċerka tat prova ta' prinċipju importanti li sa ftit ilu deher impossibbli.

Sfond

Il-ħidma ta' riċerka fuq il-proġett PHOME bdiet f'April 2008 u se tintemm fl-2011. Il-kost totali tal-proġett huwa ta' EUR 1.88 miljun li l-Kummissjoni kkontribwiet EUR 1.43 miljun minnu fl-ambitu tal-baġit għal riċerka fl-ICT tas-Seba' Programm Kwadru ta' R&Ż għall-2007-2013.

Is-suċċess tal-programm tat-teknologiji tal-informazzjoni futuri u emergenti (l-FET Miftuħa) fl-iżvilupp ta' riċerka Ewropea mill-aktar avanzata ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi l-irduppjar tal-finanzjament disponibbli għar-riċerka fl-FET sal-2015 (MEMO/10/140 u IP/09/608).

L-FET-Miftuħa kontinwament jaċċettaw proposti ta' riċerka b'kunċetti ġodda u b'potenzjal kbir b'viżjoni fit-tul. Riċerkaturi minn tliet istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej, il-Fondazzjoni għar-Riċerka u t-Teknoloġija tal-Greċja; l-Istitut tat-Teknoloġija ta' Karlsruhe fil-Ġermanja; u l-Kulleġġ Imperjali ta' Londra fir-Renju Unit ħadmu fuq il-proġetti PHOME. L-Università ta' Bilkent fit-Turkija hija sieħba fil-proġett permezz tal-ftehim ta' assoċjazzjoni fir-riċerka tagħha mal-UE.

Aqra iktar dwar il-proġett: http://esperia.iesl.forth.gr/~ppm/PHOME/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website