Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1536

Brussell, it-22 ta’ Novembru 2010

Mil-Lapland Finlandiż għall-Indji tal-Punent u l-Limassol, iż-żgħażagħ iħejju ruħhom għall-konkors tat-traduzzjoni tal-UE

Fit-23 ta' Novembru sa 3 300 żagħżugħ minn madwar l-Ewropa kollha se jittestjaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom fir-raba' Konkors Annwali “Juvenes Translatores” tal-Kummissjoni Ewropea għall-iskejjel immirat lejn it-tradutturi żgħażagħ. Il-konkors se jsir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha, minn Kittilä fil-Lapland Finlandiża għal Saint Martin fl-Indji tal-Punent u Limassol fiċ-Ċipru. It-test se jdum sagħtejn, mill-10.00am sa nofsinhar, ħin ta' Brussell, taħt is-superviżjoni tal-iskejjel.

"Ninsab kuntenta li hemm daqshekk skejjel li jixtiequ jipparteċipaw fil-komkors – l-għadd ta' parteċipanti żdied bi 13 % mis-sena li għaddiet, bi kważi 60 skejjel aktar involuti din id-darba," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. "Din hija opportunità tajba ħafna għaż-żgħażagħ biex jużaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom biex jikkompetu mal-aħjar studenti f'pajjiżi oħra. Dan juri wkoll impenn eċċellenti għat-taħriġ tal-lingwa mill-awtoritajiet edukattivi u l-għalliema."

Aktar minn 1,600 skola applikaw biex jieħdu sehem f'dan il-konkors – l-akbar numru mindu tnieda. Għal raġunijiet prattiċi, il-Kummissjoni għażlet bix-xorti biex tiddeċiedi liema minn dawn l-iskejjel se jieħdu sehem fil-konkors. Il-lista sħiħa tal-iskejjel li qegħdin jipparteċipaw hija disponibbli fuq il-websajt tal-konkors:

http://ec.europa.eu/translatores/selected/selected_schools_en.htm

Il-parteċipanti jridu jkunu twieldu fl-1993 u kull skola tista' tinnomina sa ħames studenti biex jipparteċipaw f'dan it-test. L-istudenti jirċievu silta ta' faċċata u għandhom sagħtejn biex jittraduċuha b’mod kemm jista’ jkun mexxej minn lingwa li jagħżlu huma għal oħra li tkun fost it-23 lingwa uffiċjali tal-UE.

Tradutturi professjonali mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Traduzzjoni se jevalwaw u jimmarkaw it-traduzzjonijiet. Il-ġurija tal-konkors se tagħżel l-aħjar traduzzjoni minn kull Stat Membru u r-rebbieħa se jitħabbru fi Frar 2011.

Bħalma ġara fis-snin preċedenti, ir-rebbieħa kollha se jkunu mistiedna għaċ-ċerimonja ta' premjazzjoni biex jirċievu l-premji tagħhom mingħand Androulla Vassilious, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, u biex jiltaqgħu ma' tradutturi tal-UE.

Aktar informazzjoni dwar il-konkors hija disponibbli fuq:

Il-websajt tal-konkors: http://ec.europa.eu/translatores

Facebook: JuvenesTranslatores

Twitter: @translatores

DĠ Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website