Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tippreżenta sett ġdid ta' miżuri tal-UE biex iċ-ċittadini Ewropej jitħarsu aħjar

European Commission - IP/10/1535   22/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1535

Brussell, it-22 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni tippreżenta sett ġdid ta' miżuri tal-UE biex iċ-ċittadini Ewropej jitħarsu aħjar

L-"Istrateġija ta' Sigurtà Interna fl-Azzjoni tal-UE", adottata llum, tkopri 41 azzjoni li huma mmirati lejn l-aktar theddid ta' sigurtà urġenti li għandha quddiemha l-Ewropa. Dawn jinkludu aġenda bi sħab biex jitħarbtu netwerks kriminali u terroristiċi, biex jitħarsu ċ-ċittadini, in-negożji u s-soċjetajiet kontra l-kriminalità li tinxtered bl-internet, biex tiżdied is-sigurtà tal-UE permezz ta' ġestjoni tal-konfini aktar għaqlija, u biex jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija f'każ ta' kriżijiet, u r-reazzjoni għalihom.

Is-sigurtà interna tal-UE tradizzjonalment dejjem tmexxiet b'mentalità kompartimentata, fejn ġie trattat qasam wara l-ieħor. Issa, qed nieħdu approċċ komuni dwar kif għandna nirreaġixxu għat-theddid kontra s-sigurtà u l-isfidi quddiemna. It-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali organizzata, u dik li ssir permezz tal-internet, kif ukoll il-kriżijiet u d-diżastri huma oqsma fejn jeħtieġ li ngħaqqdu l-isforzi tagħna u naħdmu flimkien biex insaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini, tan-negozji u tas-soċjetajiet tagħna madwar l-UE. Din l-istrateġija taċċenna għat-theddid li għandna quddiemna u għall-azzjonijiet meħtieġa li rridu nieħdu biex inkunu nistgħu niġġildulhom. Inħeġġeġ lill-atturi relevanti kollha biex jerfgħu r-responsabbità tagħhom u jimplimentaw dawn l-azzjonijiet biex b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-UE", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Is-serq tal-karozzi, is-serq mid-djar, it-traffikar tad-droga u l-frodi fejn jidħlu l-karti ta' kreditu ħafna drabi jkunu manifestazzjonijiet lokali ta' netwerks kriminali globali li jkunu qed joperaw minn konfini għall-ieħor kif ukoll permezz tal-internet. Il-kriminali qegħdin dejjem aktar jużaw l-internet sew għal atti kriminali żgħar kif ukoll għal attakki fuq skala kbira. Il-konfini esterni tal-UE qed jiġu esplojtati għat-traffikar tad-drogi, ta' prodotti tal-marka ffalsifikati, tal-armi, kif ukoll tal-bnedmin, u n-netwerks kriminali qegħdin itellfu fuq skala massiva d-dħul għall-finanzi pubbliċi. Il-Fond Monetarju Internazzjonali jistma li l-profitti ġġenerati minn atti kriminali finanzjarji biss jammontaw għal sa ħamsa fil-mija tal-PDG globali. Il-kriżijiet u d-diżastri, sew jekk ikunu terremoti jew għargħar, kif ukoll jekk ikunu kkawżati minn żbalji tal-bnedmin jew inkella minn intenzjoni malizzjuża, jistgħu jikkawżaw miżerja umana kif ukoll ħsara ekonomika u ambjentali. Fl-istess ħin, it-terroristi jsibu mezzi ġodda ta' kif jagħmlu l-ħsara lis-soċjetajiet tagħna, fost affarijiet oħra billi jixħtu ħarsithom lejn individwi suxxettibbli permezz ta' propoganda vjolenti estremista.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi miżuri ġodda biex tkun tista' tindirizza dawn l-isfidi. Waħda minn dawn hija proposta leġiżlattiva għall-konfiska ta' assi kriminali. L-UE għandha wkoll tgħin biex il-komunitajiet jingħataw is-saħħa li jindirizzaw huma stess ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, u biex jidentifikaw mezzi għall-protezzjoni aħjar tal-infrastruttura tat-trasport, b'mod partikolari t-trasport fuq l-art, kontra t-terroriżmu. Qed jiġi propost it-twaqqif ta' ċentru Ewropew dwar il-kriminalità li ssir fuq l-internet biex fih jinġiebu flimkien l-esperti fl-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-kriminalità li ssir fuq l-internet, kif ukoll qed jitħejjew sensiela ta' passi għal approċċ aktar għaqli għall-ġestjoni tal-konfini u t-tħejjija għall-kriżijiet u d-diżastri, u r-reazzjoni għalihom.

L-Istrateġija ta' Sigurtà Interna fl-Azzjoni tal-UE tidentifika ħames għanijiet strateġiċi u tfassal sensiela ta' azzjonijiet għal kull waħda minnhom, biex, pereżempju:

1. Jiġu sfrattati netwerks internazzjonali ta' kriminali li jkunu qed jheddu s-soċjetà tagħna

  • Sensiela ta' proposti biex malajr u b'mod effiċjenti jinħatfu u jiġu kkonfiskati l-profitti u l-assi tal-kriminali (2011).

  • Proposta dwar l-użu tar-Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (2011).

  • Proposta biex l-Istati Membru jiġu sorveljati u assistiti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni (2011).

2. Jitbiegħdu l-possibbiltajiet ta' attakki terroristiċi u jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ

  • Politika għall-estrazzjoni u l-analiżi tal-UE ta' dejta ta' messaġġi finanzjarji, UE TFTP (2011).

  • It-twaqqif ta' netwerk tal-UE biex jitqajjem għarfien dwar ir-radikalizzazzjoni u ta' miżuri biex iservu ta' sostenn għas-soċjetà ċivili biex tkun tista' tesponi, tittraduċi u teħodha kontra propoganda vjolenti estremista (2011).

  • Tissaħħaħ il-politika tal-UE għas-sigurtà tat-trasport (2011).

3. Jikbru l-livelli ta' sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fis-sistemi tal-internet

  • It-twaqqif ta' ċentru tal-UE dwar il-kriminalità fuq l-internet (2013).It-twaqqif ta' netwerk ta' Timijiet ta' Reazzjoni għall-Emerġenzi fil-Kompjuter (2012).

  • It-twaqqif ta' sistema Ewropea għall-iskambju tal-informazzjoni u twissijiet EISAS (2013).

4. Tissaħħaħ is-sigurtà permezz ta' mmaniġġjar tal-fruntieri

  • It-twaqqif ta' sistema ta' sorveljanza tal-konfini esterni Ewropej, EUROSUR (2011).

  • Analiżi aħjar biex jiġu identifikati 'punti vulnerabbli' fil-konfini esterni (2011).

  • Rapporti konġunti dwar traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-bnedmin u kuntrabandu ta' oġġetti illegali bħala bażi għal operazzjonijiet konġunti (2011).

5. Tiżdied il-ħila tal-Ewropa li tilqa' għall-kriżijiet u d-diżastri

  • Proposta dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta' solidarjetà (2011).

  • Proposta għal Kapaċità Ewropea ta' Reazzjoni għall-Emerġenza (2011).

  • It-twaqqif ta' politika ta' ġestjoni tar-riskju li tgħaqqad mat-teħid tad-deċiżjonijiet l-evalwazzjoni tal-kobor ta' theddida kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riskju (2014).

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport annwali ta' progressi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna, il-COSI, li se jkollu rwol ċentrali biex jassigura l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija.

Sfond

L-Istrateġija ta' Sigurtà Interna hija karatteristika ċentrali tal-Programm ta' Stokkolma. Fi Frar 2010 il-Presidenza Spanjola tal-UE fissret l-isfidi li għandha quddiemha l-UE fejn tidħol is-sigurtà fi Strateġija ta' Sigurtà Interna ("Lejn Mudell Ewropew ta' Sigurta") u talbet lill-Kummissjoni biex tidentifika proposti għall-implimentazzjoni orjentati lejn l-azzjoni

Għal iktar informazzjoni

MEMO/10/598

Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall–Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website