Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT

IP/10/1529

Brussell, id-19 ta' Novembru 2010

Il-Kummissjoni tilqa' bil-ferħ l-irkupru fis-settur turistiku Ewropew

Waqt li kien qed jitkellem fil-Forum dwar it-Turiżmu Ewropew f'Malta llum, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani laqa' bil-ferħ ukoll id-dejta reċenti dwar l-irkuprar impressjonanti tal-industrija tat-turiżmu Ewropea bħala sinjal tal-irkupru ekonomiku ġenerali tal-Ewropa. It-tema tal-forum , 'Insaħħu r-Rwol tal-Ewropa bħala l-Iprem Destinazzjoni Turistika', tirrifletti l-istess ottimiżmu. Biex jinżamm it-tkabbir jeħtieġ li mal-Ewropa kollha jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità għolja. Jeħtieġ li ma jitħallewx jintilfu l-opportunitajiet ġodda u eċċitanti jekk l-Ewropa trid iżżomm il-pożizzjoni tagħha tal-iprem destinazzjoni turistika fid-dinja.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissjoni għall-industrija u l-intrapriża, qal: "L-Ewropa hija l-iprem destinazzjoni turistika fid-dinja u jeħtieġ li tibqa'.. Swieq ġodda emerġenti, bħall-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina, jistgħu joffru opportunità biex l-Ewropa żżomm ir-rata ta' tkabbir tagħha peress li l-industrija tat-turiżmu jista' jkollha rwol fit-taffija tal-effetti tal-kriżi. Illum qed niddiskutu pjan biex nimplimentaw b'suċċess l-istrateġija tat-turiżmu Ewropew. Huwa itinerarju ċar għall-iżvilupp tal-azzjonijiet ewlenin bħall-Osservatorju tat-Turiżmu Ewropew, il-Pjattaforma dwar it-Turiżmu u l-ICT u l-Marka tal-Kwalità Ewropea."

Huwa stmat li t-turiżmu jiġġenera iktar minn 5% tal-PGD tal-UE u jipprovdi postijiet ta' xogħol għal madwar 10 miljun ruħ. Biex jissokta t-tkabbir tagħha, l-industrija turistika Ewropea trid tfittex is-swieq promettenti u emerġenti tal-pajjiżi BRIC, biċ-Ċina bħala eżempju prominenti. Għalkemm f'termini assoluti l-Amerika ta' Fuq għadha bil-wisq l-ikbar suq f'termini ta' turisti li jiġu fl-Ewropa, u warajha l-Ġappun u r-Russja, iċ-Ċina għandha l-ikbar potenzjal, b'popolazzjoni ta' ftit iktar minn 1,3 biljuni u rata ta' tkabbir ta' nfiq turistiku fir-rigward tat-turiżmu 'l barra ta' 21% (UNWTO 2009). Biex ma titlifx l-opportunitajiet ta' swieq ġodda u ssaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija tagħha, l-Ewropa bħala destinazzjoni trid turi li taf iġġib flimkien il-kwalità għolja u s-sostenibilità.

L-aħħar ċifri mill-Eurostat dwar turisti internazzjonali li waslu fl-2010 juru li l-irkupru tas-settur turistiku diġà beda, minkejja li kellu problemi bħal pereżempju l-isbruffar tal-vulkan tal-Islanda. Tqabbil tal-ewwel sitt xhur tal-2009 u l-2010 juri żieda fit-turisti li waslu ta' 9% mill-Amerika ta' Fuq, 8% mill-Ġappun, 18% mill-Federazzjoni Russa, 19% miċ-Ċina u ċifra impressjonanti ta' 46% mill-Brażil. Barra minn hekk, ir-rati tan-nies fix-xogħol fl-Ewropa żdiedu b'5.4% fit-tielet trimestru ta' din is-sena u ċ-ċifri tal-industrija tjiebu f'kull sottoreġjun.

Fost it-temi mitħaddta fil-Forum dwar it-Turiżmu Ewropew din is-sena (18-19 ta' Novembru) kien hemm il-valur miżjud ta' "Marka Ewropa" bħala azzjoni komplementari tal-attivitajiet reġjonali u nazzjonali ta' promozzjoni, tisħiħ tad-dehra tal-Ewropa fil-kontinenti l-oħra u tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (bħar-rotot kulturali IP/10/1177) fil-qasam tat-turiżmu. Dibattitu ministerjali kkonċentra fuq kif l-aħjar timplimenta s-sett ta' azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Ġunju ta' din is-sena dwar "L-Ewropa, id-destinazzjoni turistika Nru 1 fid-dinja" (IP/10/858) f'erba' oqsma ta' prijorità:

  • L-istimolu tal-kompetittività fis-settur tat-turiżmu Ewropew;

  • Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità għolja;

  • It-tisħiħ tad-dehra tal-Ewropa bħala fejn hemm destinazzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità għolja;

  • It-tlaħħiq tal-ogħla potenzjal tal-istrateġiji politiċi tal-UE u l-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp tat-turiżmu.

Il-ksib ta' dawn l-objettivi jiddependi fuq l-impenn tal-partijiet kollha interessati u fuq il-kapaċità tagħhom li jaħdmu flimkien f'livelli differenti. Dan ġie enfasizzat ukoll dan l-aħħar mill-Kunsill fil-konklużjonijiet dwar qafas politiku ġdid għat-turiżmu fl-Ewropa (12/10/10), bl-insistenza fuq l-importanza tat-tkomplija tal-inizjattivi ta' suċċess tal-Kummissjoni f'dan il-qasam u l-ħtieġa għal approċċ integrat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

Sfond

It-Trattat ta' Lisbona li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2009 ta lill-UE setgħat ġodda fil-qasam tat-turiżmu, fejn jgħid li "l-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b'mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f'dan is-settur." (Artikolu 195).

Għal iktar tagħrif

Il-websajt tal-Kummissjoni"

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/index_en.htm

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill:

http://www.eutrio.be/files/bveu/media/source1854/documents/117004EN.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website