Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tiddeskrivi pjan għal Politika Agrikola Komuni għal wara l-2013 li tħares ‘il quddiem

Commission Européenne - IP/10/1527   18/11/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1527

Brussell, it-18 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni tiddeskrivi pjan għal Politika Agrikola Komuni għal wara l-2013 li tħares ‘il quddiem

Il-Kummissjoni Ewropea llum ppubblikat Komunikazzjoni dwar "il-Politika Agrikola Komuni (PAK) lejn l-2020 – Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali". Ir-riforma timmira biex tagħmel is-settur agrikolu Ewropew aktar dinamiku, kompetittiv, w effettiv bi tweġiba għall-viżjoni Ewropa 2020 tax-xprunar tat-tkabbir sostenibbli, tat-tkabbir intelliġenti u tat-tkabbir inklussiv. Id-dokument jiddeskrivi 3 għażliet għal aktar riforma. Wara d-diskussjoni ta' dawn l-ideat, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi formali f'nofs l-2011

Illum, huwa u jiddeskrivi l-Komunikazzjoni, il-Kummissarju tad-Direttorat Ġenerali tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Dacian Cioloş, enfasizza l-importanza li l-PAK issir "aktar ekoloġika, ġusta, effiċjenti u effettiva". Huwa żied jgħid: "Il-PAK mhijiex biss għall-bdiewa, hi għaċ-ċittadini tal-UE kollha – bħala konsumaturi u ċittadini li jħallsu t-taxxi. Hu għalhekk importanti li nfasslu l-politika tagħna b'mod li tinftiehem aħjar mill-pubbliku ġenerali u li turi l-benefiċċji pubbliċi li l-bdiewa jipprovdu lis-soċjetà globalment. L-agrikoltura Ewropea għandha bżonn mhux biss tkun ekonomikament kompetittiva, iżda wkoll ambjentalment kompetittiva."

Iktar kmieni matul is-sena, il-Kummissjoni kellha dibattitu pubbliku u konferenza kbira dwar il-futur tal-PAK. Il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet identifikaw 3 objettivi prinċipali fil-PAK:

  • Produzzjoni vijabbli tal-ikel (il-forniment ta' provvisti tal-ikel sikuri u suffiċjenti, fil-kuntest tad-domanda globali li qed tikber, tal-kriżi ekonomika u taż-żieda kbira fil-volatilità tas-suq, biex jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel);

  • Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u azzjoni dwar il-klima (il-bdiewa ta' spiss ikollhom ipoġġu konsiderazzjonijiet ambjentali qabel konsiderazzjonijiet ekonomiċi - iżda dawn l-ispejjeż mhumiex ikkumpensati mis-suq);

  • iż-żamma tal-bilanċ territorjali u d-diversità fiż-żoni rurali (l-agrikoltura tibqa' forza qawwija ekonomika u soċjali f'żoni rurali, u fattur importanti biex il-kampanja tibqa’ ħajja)

Din il-Komunikazzjoni tħares lejn l-istrumenti futuri li jistgħu jkunu xierqa biex dawn l-objettivi jinkisbu aħjar. Għall-pagamenti diretti, il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-importanza tad-distribuzzjoni mill-ġdid, tat-tfassil mill-ġdid u tal-indirizzar aħjar tal-appoġġ, ibbażati fuq kriterji oġġettivi u ġusti, faċli biex jinftiehmu miċ-ċittadini li jħallsu t-taxxa. Dawn il-kriterji għandhom ikunu kemm ekonomiċi (jiġifieri jenfasizzaw l-element "appoġġ għad-dħul" tal-pagamenti diretti) kif ukoll ambjentali (jirriflettu l-beni pubbliċi pprovduti mill-bdiewa), b'appoġġ indirizzat aħjar lejn bdiewa attivi. Distribuzzjoni aktar ġusta ta' fondi għandha tkun organizzata b'mod ekonomiku u politikament fattibbli bi tranżizzjoni biex ikun evitat tfixkil sinifikanti.

Metodu wieħed jista' jkun li jiġi pprovdut pagament bażiku ta' appoġġ għad-dħul (li jista' jkun uniformi għal kull reġjun – iżda mhux b'rata fissa madwar l-UE – ibbażat fuq kriterji ġodda, u limitat għal ċertu livell); flimkien ma' pagamenti ambjentali obbligatorji għal azzjonijiet addizzjonali (annwali) li jmorru lil hinn mir-regoli bażiċi ta' konformità reċiproka (bħal kopertura ekoliġika, rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba', mergħa permanenti, jew twarrib ekoloġiku); flimkien ma' pagament għal-limiti naturali speċifiċi (definiti fil-livell tal-UE) u ammonti li jikkomplementaw imħallsa permezz tal-miżuri tal-Iżvilupp Rurali); kif ukoll għażla ta' pagament "akkoppjat" limitat għal tipi ta' biedja partikolarment sensittivi (simili għall-għażla attwali introdotta [taħt l-Artikolu 68] fil-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK). Skema ta' appoġġ speċifika u sempliċi għandha ttejjeb il-kompettittività ta' azjendi agrikoli żgħar, tinqata' l-burokrazija u tikkontribwixxi għall-vitalità taż-żoni rurali.

Dwar il-miżuri tas-suq, bħall-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat, jista' jkun hemm lok għall-miżuri ta' simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni, u possibbilment l-introduzzjoni ta' elementi ġodda fir-rigward tat-titjib fit-tħaddim tal-katina alimentari. Għalkemm dawn il-mekkaniżmi kienu l-għodda tradizzjonali tal-PAK, riformi sussegwenti tejbu l-orjentazzjoni tas-suq agrikolu tal-UE u naqqsuhom għal xibka ta' miżuri ta' sikurezza – sal-punt li ħażniet pubbliċi kienu prattikament eliminati. Billi diġà fl-1991 il-miżuri tas-suq kienu jirrappreżentaw 92% tan-nefqa tal-PAK, 7% biss tal-baġit tal-PAK intnefaq fuqhom fl-2009.

Il-politika tal-Iżvilupp Rurali ppermettiet li tittejjeb is-sostenibbilità ekonomika, ambjentali u soċjali tas-settur tal-biedja u taż-żoni rurali, iżda hemm appell qawwi biex ikunu integrati bis-sħiħ konsiderazzjonijiet ambjentali, tat-tibdil fil-klima u ta innovazzjoni fil-programmi kollha b'mod orizzontali. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-importanza ta' bejgħ dirett u swieq lokali, u għall-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ u tal-parteċipanti l-ġodda fis-suq L-approċċ LEADER se jkun integrat aktar. Sabiex ikun aktar effettiv, qed jiġi ssuġġerit pass lejn approċċ aktar ibbażat fuq ir-riżultat, possibbilment b'miri kwantifikati. Element ġdid fil-politika tal-iżvilupp rurali tal-futur għandu jkun kaxxa tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskju li tgħin biex wieħed jittratta aħjar mal-inċertezzi fis-suq u mal-volatilità fid-dħul. L-għażliet għandhom ikunu miftuħa għall-istati membri biex jindirizzaw riskji ta' produzzjoni u ta' dħul, li jvarjaw minn għodda ġdida ta' stabilizzazzjoni ta' dħul kompatibbli mad-WTO, għal appoġġ imsaħħaħ għal strumenti ta' assigurazzjoni u fondi reċiproċi. B’mod simili għall-pagamenti diretti, irid ikun hemm allokazzjoni ġdida tal-fondi bbażata fuq kriterji oġġettivi, waqt li jkun limitat tfixkil sinifikanti fis-sistema attwali.

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi 3 għażliet għad-direzzjoni futura tal-PAK, sabiex dawn l-isfidi l-kbar jiġu iindirizzati – 1) l-aġġustar tan-nuqqasijiet l-aktar urġenti fil-PAK permezz ta' bidliet gradwali; 2) il-PAK issir aktar ekoloġika, ġusta, effiċjenti u effettiva; u 3) it-tnaqqis mill-użu tal-appoġġ tad-dħul u tal-miżuri tas-suq u l-iffokar fuq l-objettivi ambjentali u t-tibdil fil-klima. Fit-3 għażliet, il-Kummissjoni tipprevedi ż-¿amma tas-sistema attwali ta' 2 Pilastri – l-1 Pilastru (li jkopri pagamenti diretti u miżuri tas-suq, fejn ir-regoli huma definiti b'mod ċar fil-livell tal-UE) u t-2 Pilastru (li jinkludi miżuri ta' żvilupp rurali multiannwali, fejn il-qafas għall-għażliet huwa stabbilit fil-livell tal-UE, iżda l-għażla finali tal-iskemi hi f'idejn l-istati membri jew ir-reġjuni taħt ġestjoni konġunta). Element ieħor komuni fit-3 għażliet kollha hu l-idea li s-sistema futura ta' pagamenti diretti ma tistax tkun ibbażata fuq perjodi ta' referenza storika, iżda għandha tkun marbuta ma' kriterji oġġettivi "Is-sistema attwali tipprovdi regoli differenti għall-UE-15 u għall-UE-12, li ma jistgħux jitħallew wara l-2013", insista llum il-Kummissarju Cioloş. Kriterji aktar oġġettivi huma wkoll neċessarji għall-allokazzjonijiet tal-Iżvilupp Rurali.

Aktar tagħrif:

anness: deskrizzjoni tat-tliet għażliet ta' politika ġenerali

sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/communication/index_en.htm

MEMO/10/587

ANNESS: DESKRIZZJONI TAT-TLIET GĦAŻLIET TA' POLITIKA ĠENERALI

Pagamenti diretti

Miżuri tas-suq

Żvilupp rurali

Għażla Nru 1

Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri (bla ma tinbidel is-sistema attwali ta' pagamenti diretti)

Jissaħħu l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju

Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati

Tinżamm l-orjentazzjoni tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK, li tikkonsisti fiż-żieda ta' fondi biex jagħmlu tajjeb għall-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, il-bijodiversità u l-enerġija rinnovabbli, u l-innovazzjoni.

Għażla Nru 2

Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri u tibdil sostanzjali fit-tfassil tagħhom.

Il-pagamenti diretti jkunu magħmulin minn:

rata bażika li sservi bħala appoġġ għad-dħul,

għajnuna addizzjonali obbligatorja għal beni pubbliċi "ekoloġiċi" speċifiċi permezz ta' azzjonijiet ambjentali sempliċi, ġeneriċi, annwali u mhux kuntrattwali agriambjentali, abbażi tal-kostijiet supplimentari għat-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet,

pagament addizzjonali biex jikkumpensa għal-limiti naturali speċifiċi,

u komponent ta' appoġġ akkoppjat ta' natura volontarja għal setturi u reġjuni speċifiċi1,

Introduzzjoni ta' skema ġdida għal azjendi agrikoli żgħar.

Jiddaħħal limitu massimu għar-rata bażika, filwaqt li jitqies ukoll il-kontribut li l-azjendi agrikoli kbar jagħtu għall-iżvilupp rurali.

Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu ssimplifikati u mtejbin

L-istrumenti attwali jiġu aġġustati u kkomplementati biex jiġu jaqblu aktar mal-prijoritajiet tal-UE, fejn l-appoġġ ikun iffokat fuq l-ambjent, it-tibdil fil-klima u/jew ir-ristrutturar u l-innovazzjoni, u biex jittejbu l-inizjattivi reġjonali/lokali.

Jiġu msaħħa l-għodod attwali tal-ġestjoni tar-riskju u jiddaħħal strument ta' stabilizzazzjoni mhux obbligatorju li jkun kompatibbli mal-"kaxxa ħadra" tal-WTO biex jagħmel tajjeb għal telf ta' dħul sostanzjali.

Tista' ssir ukoll xi distribuzzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn l-Istati Membri li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi.

Għażla Nru 3

Eliminazzjoni gradwali tal-pagamenti diretti minn kif isiru bħalissa

Minflok, jingħataw pagamenti limitati għal beni pubbliċi ambjentali u pagamenti addizzjonali għal limitazzjonijiet naturali speċifiċi

Jitneħħew il-miżuri tas-suq kollha, bl-eċċezzjoni possibbli ta' klawżoli ta' emerġenza li jistgħu jiġu attivati f'każijiet ta' kriżi serja

Il-miżuri jkunu ffokati l-aktar fuq aspetti ambjentali u ta' tibdil fil-klima

1 :

Dan ikun ekwivalenti għall-appoġġ akkoppjat kurrenti mħallas skont l-Artikolu 68 u miżuri ta' appoġġ akkoppjat oħrajn.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site