Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Europeana tagħti aċċess onlajn għal aktar minn 14-il miljun eżempju tal-wirt kulturali Ewropew

European Commission - IP/10/1524   18/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1524

Brussell, it-18 ta’ Novembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Europeana tagħti aċċess onlajn għal aktar minn 14-il miljun eżempju tal-wirt kulturali Ewropew

Permezz tal-librerija diġitali tal-Ewropa Europeana issa kulħadd jista' jkollu aċċess madwar id-dinja kollha għal aktar minn 14-il miljun ktieb, mappa, ritratt, pittura, film u filmat mużikali ġejjin mill-istituzzjonijiet kulturali fl-Ewropa kollha. Varata fl-2008 b'żewġ miljun oġġett, Europeana diġà qabżet il-mira inizjali tagħha tal-2010 li jkollha 10 miljun oġġett. Illum, il-Grupp ta' Riflessjoni ("Comité des Sages" - Maurice Lévy, Elisabeth Niggemann, Jacques de Decker) imwaqqaf mill-Kummissjoni sabiex jesplora modi ġoddi kif il-wirt kulturali Ewropew jitqiegħed onlajn (IP/10/456) qed jindirizza lill-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea u lill-Kumitat għall-Kultura tal-Parlament Ewropew. Ir-rapport tal-Comité des Sages għandu jiġi ppubblikat fil-bidu tal-2011.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Europeana hija eżempju tajjeb ħafna ta' kif il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew tista' tassew ittejbilna lkoll ħajjitna. 14-il miljun oġġett disponibbli onlajn hija aħbar tajba għall-utenti kollha tal-Internet li jrid ikollhom aċċess għall-materjal kulturali mil-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji kollha Ewropej. Iżda Europeana tista' tkun saħansitra aħjar jekk aktar istituzzjonijiet kulturali jiddiġitizzaw il-kollezzjonijiet tagħhom u jagħmluhom aċċessibbli permezz ta' dan il-portal Ewropew. Nemmen li l-Comité des Sages dalwaqt se jagħti rakkomandazzjonijiet ambizzjużi sabiex ikun jista' jitħaffef il-proċess."

Europeana ġiet varata bħala prototip f'Novembru 2008 f'forma ta' aċċess tal-Ewropa li jippermetti lill-utenti tal-Internet li jfittxu u li jkollhom aċċess dirett għal kotba, mapep, pitturi, ġurnali, ritratti, biċċiet minn films u kull xorta ta' dokument ieħor awdjoviżiv diġitalizzat mill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej. Aktar minn 14-il miljun minn dawn l-oġġetti, flimkien ma' filmati mużikali issa huma aċċessibbli fuq www.Europeana.eu, li huwa ħafna aktar mill-mira inizjali li kellha l-Kummissjoni, dik ta' 10 miljun xogħol għall-2010.

Oġġetti ġodda li żdiedu din is-sena jinkludu manuskritt fuq parċmina tal-1221 mill-Bulgarija, li jixhed l-istorja tal-lingwa Bulgara; ‘Catechismusa prasty szadei’, l-ewwel ktieb Litwan, ippubblikat fl-1547; kopja tal-1588 tax-xogħol ta' Aristotli "Technē rētorikēs" bil-Griek antik u bil-Latin; pitturi tal-pittur Olandiż tas-seklu sbatax Jan Steen; ix-xogħlijiet kompleti tal-awturi Ġermaniżi Goethe u Schiller; filmati tal-1907 ta' festivitajiet li saru għall-anniversarju mill-Kostituzzjoni Daniża; u serje ta' ritratti ta' qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija tal-Monasteru ta' Glendalough fl-Irlanda (ara MEMO/10/586 għal aktar eżempji).

Ritratti, mapep, pitturi, oġġetti fil-mużewijiet u immaġnijiet oħra diġitalizzati jikkostitwixxu 64 % tal-kollezzjoni ta’ Europeana. 34 % tal-kollezzjoni hija ddedikata lit-testi diġitalizzati, li jinkludu aktar minn 1.2 miljun ktieb komplet li wieħed jista' jarahom onlajn u/jew iniżżilhom. It-testi jkopru eluf ta' manuskritti rari kif ukoll uħud mill-ewwel kotba li ġew stampati (incunabula) qabel l-1500. Il-materjali vidjo u awdjo jirrappreżentaw anqas minn 2 % tal-kollezzjonijiet. Ħafna mill-materjal disponibbli fuq Europeana huwa aktar qadim minn hekk jiġifieri mhuwiex kopert mid-drittijiet tal-awtur. Dan huwa l-aktar minħabba d-diffikultajiet u l-ispejjeż tal-approvazzjoni tad-drittijiet sabiex isseħħ id-diġitizzazzjoni u jingħata aċċess lill-materjal kopert mid-drittijiet tal-awtur (ukoll għall-materjal li m'għadux jitqassam b'mod kummerċjali jew li m'għadux jiġi stampat) jew materjal li d-detentur potenzjali tad-drittijiet tiegħu għadu mhux magħruf (xogħlijiet orfni).

L-Istati Membri kollha tal-UE taw il-kontribut tagħhom lil Europeana, iżda kontributi għad mhux qed isiru b’mod ugwali. Franza huwa dak il-pajjiż li għadu jikkontribwixxi l-aktar għal din il-kollezzjoni (18 % tat-total tal-oġġetti). Il-Ġermanja żiedet is-sehem tagħha għal-17 %. Sabiex tiżgura li Europeana tirrappreżenta kampjun rappreżentattiv reali tal-wirt kulturali Ewropew, hemm bżonn ta' aktar materjal ta' kwalità mill-Istati Membri kollha.

Dan l-aħħar, fil-Premijiet għat-Tagħlim Elettroniku organizzati minn European Schoolnet, il-parteċipanti wrew il-potenzjal tal-użu ta’ Europeana fl-iskejjel. Il-proġett rebbieħ, mill-Portmarnock Community School fl-Irlanda kien jinvolvi studenti li joħolqu l-blogs tagħhom stess dwar personalitajiet storiċi billi jużaw riżorsi diġitali.

Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla Europeana tesperimenta b'kontenut maħluq mill-utent u tistieden lill-utenti jikkontribwixxu f‘Europeana permezz ta' materjal marbut mat-tema tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Bħalissa, hemm żewġ wirjiet virtwali disponibbli fuq Europeana. 'Reading Europe' tippreżenta għażla kbira ta‘ kotba u xogħlijiet litterarji rari Ewropej. Il-wirja tal-'art nouveau' turi l-potenzjal li jista’ jirriżulta meta jinġabar flimkien il-materjal kulturali minn pajjiżi differenti.

Sfond

Europeana www.europeana.eu hija sforz kollaborattiv tal-istituzzjonijiet kulturali tal-Ewropa. Iktar minn 1500 istituzzjoni kulturali mill-Ewropa kollha qed jagħtu l-kontribut tagħhom f'materjal diġitalizzat. Kienet imnedija bħala prototip, f'Novembru 2008 u fil-bidu kellha 2 miljun oġġett kulturali disponibbli onlajn (IP/08/1747).

L-Uffiċju ta’ Europeana huwa f'idejn il-Librerija Nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi f'Den Haag. Huwa mmexxi mill-Fondazzjoni Europeana u 80 % minnu huwa ffinanzjat mill-UE. Fit-tnedija tiegħu fl-2008 il-proġett qajjem ħafna aktar interess min-naħa tal-utenti milli kien mistenni, tant li kellu jagħlaq għal xahar.

Ara MEMO/10/586 għal aktar informazzjoni dwar Europeana.

Il-Kontenut ta’ Europeana skont il-pajjiżi
(perċentwal tan-numru totali ta' oġġetti f’Europeana li kkontribwixxew pajjiżi differenti)

Stati Membri tal-UE

Perċentwali

Franza

17.98%

Il-Ġermanja

17.10%

L-Isvezja

9.69%

Spanja

8.85%

Il-Pajjiżi l-Baxxi

7.89%

L-Italja

7.03%

L-Irlanda

6.47%

Ir-Renju Unit

6.14%

Il-Polonja

2.81%

Il-Belġju

1.45%

Il-Greċja

1.40%

Il-Finlandja

1.31%

Is-Slovenja

0.98%

L-Awstrija

0.32%

L-Estonja

0.27%

Ir-Rumanija

0.17%

Is-Slovakkja

0.15%

Id-Danimarka

0.11%

Il-Portugall

0.11%

Il-Bulgarija

0.08%

Ir-Repubblika Ċeka

0.08%

L-Ungerija

0.07%

Il-Litwanja

0.05%

Il-Lussemburgu

0.04%

Il-Latvja

0.01%

Ċipru

<0.01%

Malta

<0.01%

Il-kollezzjonijiet Ewropej mingħajr attribuzzjoni għal kull Stat Membru, eż, minn proġetti Ewropej

2.91%

Pajjiżi mhux tal-UE

In-Norveġja

5.76%

Oħrajn

0.85%


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website