Navigation path

Left navigation

Additional tools

Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni tħeġġeg lill-Istati Membri biex ikattru l-għarfien tan-numru uniku ta' emerġenza tal-Ewropa, il-112.

European Commission - IP/10/151   11/02/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/151

Brussell, 11 ta' Frar 2010

Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni tħeġġeg lill-Istati Membri biex ikattru l-għarfien tan-numru uniku ta' emerġenza tal-Ewropa, il-112.

Għall-Jum Ewropew tal-112 fil-11 ta' Frar, il-Kummissarju Ewropew għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, kitbet lill-Istati Membri u talbithom iżidu l-isforzi tagħhom biex ikattru l-għarfien dwar in-numru uniku ta' emerġenza tal-Ewropa, il-112. Waqt li l-għarfien żdied xi ftit, tlieta minn kull erba' ċittadini tal-UE għadhom ma jafux li jistgħu jċemplu 112 f'emerġenza biex jikkuntatjaw lill-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar jew is-servizzi mediċi, kemm mid-dar kif ukoll meta jivvjaġġaw fl-UE. Billi jirreaġixxu u jċemplu dan in-numru ta' emerġenza 112, li issa huwa stabbilit fil-pajjiżi kollha tal-UE, jistgħu jsalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu l-korrimenti.

Neelie Kroes, il-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali qalet "Numru Ewropew uniku ta' emerġenza jista' jgħin biss jekk il-poplu jkun jaf bih. Fil-Jum Ewropew tal-112, inħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex iżidu l-ħidma fost iċ-ċittadini tagħhom biex jixtered l-għarfien dwar il-112, numru li jista' jsalva l-ħajjiet."

Stħarriġ reċenti tal-Eurobarometer juri li kwart biss (25%) taċ-ċittadini tal-UE li ġew interrogati setgħu jidentifikaw spontanjament in-numru 112 bħala n-numru li jċemplu għas-servizzi ta' emerġenza f'kull pajjiż fl-UE. Dan juri titjib ta' punt perċentwali wieħed biss fil-livell tal-UE mill-2009 (minn 24%). F'xi pajjiżi, madankollu, iċ-ċittadini huma ferm aktar konxji tan-numru 112 bħala n-numu ta' emerġenza għall-UE kollha, mis-sena l-oħra: Il-Belġju u s-Slovakkja (żieda ta' 9 punti perċentwali), is-Slovenja (żieda ta' 7 punti perċentwali) u l-Polonja (żieda ta' 6 punti perċentwali), il-Litwanja u l-Ungerija (żieda ta' 5  perċentwali). Fir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Finlandja aktar min-nofs il-popolazzjoni jafu bil-112. Madankollu, bħas-sena l-oħra, fl-Italja, il-Greċja u r-Renju Unit inqas minn 10% taċ-ċittadini jafu bil-112, il-livelli l-iktar baxxi ta' għarfien fl-UE.

F'21 pajjiż tal-UE, in-numru Ewropew ta' emerġenza 112 jidher fid-direttorji tat-telefon u f'20 pajjiż tal-UE jinstab fuq il-vetturi ta' emerġenza. Madankollu, huma biss 22% taċ-ċittadini tal-UE li qalu li rċevew tagħrif rigward il-112, skont dan ir-rapport. Maġġoranza (62%) qalu wkoll li ma rċevewx biżżejjed tagħrif dwar in-numru ta' emerġenza tal-UE. Bosta ċittadini għandhom ukoll problemi ta' lingwa: wieħed minn kull għaxar persuni kellhom diffikultajiet biex jikkomunikaw b'lingwa oħra meta ċemplu l-112 waqt li kienu barra minn pajjiżhom, minkejja li l-Istati Membri jgħidu li ċ-ċentri ta' emerġenza tal-112 tagħhom jistgħu jwieġbu t-telefonati tal-112 tal-anqas bl-Ingliż.

Tagħrif dwar il- provenjenza ta' minn iċempel 112 jista' jnaqqas il-ħin sakemm jaslu s-servizzi ta' emerġenza; inaqqas il-gravità tal-korrimenti u anke jsalva l-ħajjiet. Ċentri tat-telefonati 112 f'20 pajjiż tal-UE (imqabbla ma' 9 pajjiżi fl-2008) joffru informazzjoni dwar il-provenjenza tat-telefonati 112 lis-servizzi ta' emerġenza kważi immedjatament, permezz ta' sistemi ta' provenjenza push jew pull. Madankollu, il-Kummissjoni ħadet azzjoni legali kontra l-Italja għaliex għadha ma pprovdietx informazzjoni dwar il-provenjenza tat-telefonati lis-servizzi ta' emerġenza għal sejħiet mill-mowbajls ( IP/09/1784 ).

Sfond

Il-112 huwa n-numru Ewropew ta' emerġenza, u jintlaħaq minn telefon fiss jew mobbli, bla ħlas, fl-UE kollha. Minn Lulju 2009, ċittadini li jużaw il-mowbajls tagħhom bir-roaming filwaqt li jkunu f'pajjiż ieħor tal-UE jirċievu SMS b'tagħrif dwar il-112.

Ir-riforma tar-regoli tal-UE tat-telekomunikazzjonijiet ( MEMO/09/568 ) ġabet regoli aktar stretti dwar il-112 fl-UE, b'mod partikolari dwar forniment aktar malajr ta' tagħrif dwar il-provenjenza tat-telefonati lill-awtoritajiet ta' emerġenza, tkattir ta' għarfien (speċjalment lil min jivvjaġġa), estensjoni ta' obbligi ta' aċċess lil ċerti tipi ta' fornituri tat-telefonija tal-internet (VoIP) u aċċess lill-utenti bi bżonnijiet speċjali.

Biex jiġi żgurat li l-112 qed jaħdem b'mod effikaċi, il-Kummissjoni ħadet azzjoni legali kontra 14-il Stat Membru minħabba nuqqas ta' disponibbiltà ta' informazzjoni dwar il- provenjenza tat-telefonati; 13 minnhom huma magħluqa wara li ttieħdu miżuri korrettivi (baqa' każ pendenti kontra l-Italja, IP/09/1784 ). Ittieħdet ukoll azzjoni legali u ngħalqet kontra il-Polonja, u l-Bulgarija, minħabba d-disponibbiltà tal-112 ( IP/05/1585, IP/09/163 ), u kontra l-Italja minħabba trattament mhux adekwat tat-telefonati 112 minn servizzi ta' emerġenza, fejn il-każ ġie magħluq reċentement ( IP/10/65 ).

Issa l-112 huwa stabbilit fil-pajjiżi kollha tal-UE ( IP/08/1968 ). Waqt li l-112 jitħaddem flimkien ma' numri nazzjonali eżistenti ta' emerġenza, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Olanda, il-Portugall, l-Isvezja, ir-Rumanija u Malta ddeċidew li jagħmlu l-112 bħala n-numru nazzjonali ewlieni tagħhom ta' emerġenza.

Il-websajt tal-112 tal-Kummissjoni issa hija disponibbli b'sitt lingwi (il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ingliż, l-Ispanjol, it-Taljan u l-Polakk):

www.ec.europa.eu/112

Kif jaħdem il-112 f'pajjiżi:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/ms/index_en.htm

Rokna tat-tfal (disponibbli bit-23 lingwa uffiċjali kollha tal-UE):

http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/kids/index_en.htm

Flash Eurobarometer 285 "The European Emergency Number 112" (In-Numru Ewropew ta' Emerġenza 112):

http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/docs/survey_2010.pdf

Ir-rapport tal-COCOM dwar l-implimentazzjoni tal-112:

http://circa.europa.eu/Public/irc/infso/cocom1/library?l=/public_documents_2010&vm=detailed&sb=Title

Vidjo ġdid biex ikattar l-għarfien tan-numru 112:

www.ec.europa.eu/112

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=details&prodid=12592&src=1

Ara wkoll MEMO/10/35 .

Anness

Estratti minn Flash Eurobarometer 285 "The European Emergency Number 112" (In-Numru Ewropew ta' Emerġenza 112) (Frar 2010).

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED



Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website