Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-infrastruttura tal-enerġija: Il-Kummissjoni tipproponi kurituri prijoritarji tal-UE għall-grilji tal-enerġija u għal pipelines tal-gass

European Commission - IP/10/1512   17/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1512

Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010

L-infrastruttura tal-enerġija: Il-Kummissjoni tipproponi kurituri prijoritarji tal-UE għall-grilji tal-enerġija u għal pipelines tal-gass

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-prijoritajiet għall-infrastruttura tal-enerġija għaż-żewġ deċennji li ġejjin, bl-għan li jkun hemm netwerks xierqa għas-seklu 21. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-kurituri prijoritarji għall-elettriku, il-gass u ż–żejt. Din il-mappa ta' prijoritajiet se sservi bħala bażi għall-għoti ta' permessi fil-futur kif ukoll għad-deċiżjonijiet finanzjarji dwar proġetti konkreti tal-UE.

Günther Oettinger, il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija, qal: "L-infrastruttura tal-enerġija hija kruċjali għall-miri kollha tagħna għall-enerġija: mis-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Għalhekk, huwa essenzjali li niġbru flimkien ir-riżorsi tagħna u naċċelleraw ir-realizzazzjoni tal-proġetti prijoritarji tal-UE."

Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi għadd limitat ta' kurituri prijoritarji li jeħtieġu żvilupp urġenti biex nilħqu l-miri tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista billi jiġu konnessi dawk l-Istati Membri li huma kważi iżolati minn swieq Ewropej oħra tal-enerġija, jiġu msaħħa ferm dawk l-interkonnessjonijiet transfruntieri eżistenti u tiġi integrata l-enerġija rinnovabbli fin-netwerk. Imsejsa fuq dawn il-kurituri predefiniti, fl-2012 se jiġu identifikati l-proġetti konkreti ta' "interess Ewropew", li għandhom jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE kif ukoll minn permessi tal-bini, inkluż limitu ta' żmien għad-deċiżjoni finali filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika. Fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti, il-Kummissjoni tiffavorixxi kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi. Hi tiddefinixxi ulterjurment il-miri fit-tul, bħall-"awtostradi tal-elettriku Ewropej".

Fis-settur tal-elettriku ġew identifikati erba' kurituri prijoritarji tal-UE:

  • Grilja fl-Ibħra tat-Tramuntana u konnessjoni għall-Ewropa tat-Tramuntana u Ċentrali sabiex tiġi trasportata enerġija, li tiġi prodotta f'parks, fil-baħar, tal-enerġija mir-riħ, lill-konsumaturi fl-ibliet il-kbar u biex tinħażen fl-impjanti idroelettriċi fl-Alpi u l-pajjiżi Nordiċi.

  • Interkonnessjonijiet fil-Lbiċ tal-Ewropa biex tiġi trasportata l-enerġija ġġenerata mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma lejn il-bqija tal-kontinent

  • Konnessjonijiet bejn il-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa biex, b'hekk, jissaħħaħ in-netwerk reġjonali.

  • Integrazzjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fis-suq Ewropew.

Fis-settur tal-gass ġew identifikati tliet kurituri prijoritarji tal-UE:

  • Il-Kuritur tan-Nofsinhar biex jitwassal il-gass direttament mill-baħar Kaspju sal-Ewropa sabiex jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-gass

  • L-integrazzjoni u l-konnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija mal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

  • Kuritur bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa sabiex jitneħħew il-konġestjonijiet u jkun possibbli l-aħjar użu ta' provvisti esterni possibbli.

Sfond:

L-UE hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'20 % sal-2020, iżżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal 20 % tal-konsum finali tal-enerġija u żżid l-effiċjenza enerġetika b'20 %. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri għall-enerġija u l-klima, għandhom jiġu investiti madwar EUR 200 biljun fit-trasport tal-enerġija waħdu, fil-pipeliness tal-gass u l-grilji tal-enerġija. Huwa stmat li parti biss minn dan l-investiment se jiġi kopert mis-settur privat biex, b'hekk, tifdal differenza finanzjarja ta' EUR 100 biljun.

Aktar tagħrif :

Għal aktar tagħrif ara wkoll MEMO/10/582.

Aktar tagħrif dwar il-Komunikazzjoni fuq l-infrastruttura tal-enerġija tinsab hawn:

http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/strategy/2020_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website