Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1505

Brussell, il-15 ta’ Novembru 2010

Noħolqu Ewropa mingħajr ostakoli: Il-Kummissjoni Ewropea tfittex li 80 miljun persuna b'diżabbiltajiet ikollhom aċċess aħjar

Il-biċċa l-kbira tan-nies jeħduha bħala fatt li jistgħu jirkbu xarabank biex imorru jixtru, jisserfjaw fuq l-internet jew isegwu xi sensiela televiżiva. Iżda għal 80 miljun Ewropew li għandhom diżabbiltà, jista' jkun hemm ostakoli kbar li ma jħalluhomx jagħmlu dan. Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija ġdida biex tneħħi dawn l-ostakoli. Il-pjan jippreżenta b'mod ġenerali kif l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-persuni li għandhom diżabbiltajiet is-setgħa biex ikunu jistgħu jgawdu jeddijiethom. Il-miżuri speċifiċi maħsubin għall-għaxar snin li ġejjin ivarjaw mill-għarfien reċiproku tal-karti nazzjonali tal-persuni b'diżabbiltà u l-promozzjoni tal-istandardizzazzjoni sal-użu aktar immirat tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn il-miżuri se jġibu magħhom benefiċċji sostanzjali fl-aspetti li għandhom x'jaqsmu mas-soċjetà umana, iżda għandu jkollhom ukoll effett indirett fuq l-ekonomija tal-Ewropa. Jistgħu, ngħidu aħna, itejbu s-suq tal-UE għat-tagħmir u s-servizzi ta' assistenza, li llum il-ġurnata diġà għandu valur annwali stmat ta' 'l fuq minn30 biljun. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll jekk għandhiex tipproponi "Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà" sal-2012 sabiex tkompli tiżviluppa s-Suq Uniku għal prodotti u servizzi aċċessibbli.

"Sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u l-ekonomija tagħna, jeħtieġ li l-persuni li għandhom diżabbiltajiet ikollhom aċċess aktar faċli għall-binjiet pubbliċi, għat-trasport pubbliku u għas-servizzi diġitali," qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni u Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, id-drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding. "Mod effettiv ħafna biex niksbu dan huwa li jiġu żviluppati standards għal prodotti u servizzi aċċessibbli fil-livell Ewropew u li jsir użu mill-akkwist pubbliku biex jiġu promossi l-binjiet pubbliċi aċċessibbli. Fl-Istati Uniti miżuri bħal dawn kellhom suċċess kemm mill-aspetti li għandhom x'jaqsmu mas-soċjetà umana kif ukoll ekonomikament. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li n-nies ma jsibux ma' wiċċhom xkiel addizzjonali meta jaqsmu fruntiera: jeħtieġ li persuna b'diżabbiltà magħrufa li tiddeċiedi li tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tkun tista' tgawdi l-istess benefiċċji, bħal trasport pubbliku bla ħlas jew bi prezz imraħħas, bħalma tagħmel f'pajjiżha. It-tir tiegħi huwa li sal-2020 ikollna Ewropa li tkun tabilħaqq ħielsa mill-ostakoli għall-persuni b'diżabbiltajiet."

Persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun – għandha diżabbiltà minn ħafifa sa severa. 'Il fuq minn terz tan-nies ta' 'l fuq minn 75 sena għandhom diżabbiltajiet li b'mod jew b'ieħor jillimitawhom. Dawn in-numri huma mistennija jikbru hekk kif il-popolazzjoni tal-UE bil-mod il-mod tkompli tixjieħ. Il-biċċa l-kbira ta' dawn in-nies spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija minħabba ostakoli fiżiċi jew ta' tip ieħor, kif ukoll minħabba d-diskriminazzjoni.

It-tneħħija tal-ostakoli mhijiex biss biċċa xogħol tajba mill-aspett tas-soċjetà umana, iżda tista' wkoll toħloq opportunitajiet ġodda għas-suq. Studju li sar mir-Royal National Institute of the Blind tar-Renju Unit wera li investiment ta' £35,000 minn katina ta' supermarkits biex għamlet is-sit tagħha fuq l-internet aċċessibbli rriżulta fi dħul addizzjonali ta' aktar minn £13-il miljun fis-sena. Fi studju li sar il-Ġermanja nstab li faċilitajiet aktar aċċessibbli jwasslu biex jiżdied l-ivvjaġġar minn persuni b'diżabbiltajiet, u dan jirriżulta f'bejn €620 miljun u €1.9 biljun f'valur addizzjonali tal-bejgħ għall-industrija turistika Ġermaniża.

B'dan fl-isfond, l-istrateġija li qed tiġi ppreżentata llum mill-Kummissjoni timmarka tiġdid tal-impenn tal-UE li ttejjeb il-qagħda tal-Ewropej li għandhom diżabbiltajiet. Din l-istrateġija tikkumplimenta u ssostni l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà ewlenija rigward il-politiki dwar id-diżabbiltà.

L-istrateġija tal-UE tiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lin-nies li għandhom diżabbiltajiet biex ikunu jistgħu jgawdu jeddijiethom daqs ħaddieħor u fuq it-tneħħija tal-ostakoli mill-ħajja ta' kuljum. L-azzjonijiet ewlenin huma:

  • Inizjattiva dwar l-aċċessibbiltà: nikkunsidraw kif nużaw ir-regoli dwar l-istandardizzazzjoni, l-akkwist pubbliku jew l-għajnuna mill-Istat biex il-prodotti u s-servizzi kollha nagħmluhom aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltajiet filwaqt li ninkuraġġixxu suq Ewropew għal tagħmir ta' assistenza ("L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà"). Dan is-suq mistenni jikber b'mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, jekk wieħed jara kif żviluppaw l-affarijiet fl-Istati Uniti;

  • Parteċipazzjoni: niżguraw li l-persuni li għandhom diżabbiltajiet u l-familji tagħhom jeżerċitaw daqs ħaddieħor id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE permezz tal-għarfien reċiproku tal-karti tal-persuni b'diżabbiltà u ta' drittijiet relatati; niffaċilitaw l-użu tal-lingwa tas-sinjali u tal-Braille meta ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom jew meta jkollhom x'jaqsmu mal-istituzzjonijiet tal-UE; nippromwovu format aċċessibbli tas-siti fuq l-internet u tax-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur, bħalma huma l-kotba;

  • Finanzjament: niżguraw li l-programmi u l-fondi tal-UE f'oqsma politiċi li huma rilevanti għall-persuni b'diżabbiltajiet jintużaw biex jippromwovu kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol għal dawk li jieħdu ħsiebhom b'mod professjonali jew informali u biex jiġu żviluppati skemi ta' assistenza personali;

  • Aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri (permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diżabbiltà) u s-soċjetà ċivili: nipprovdu forum għall-iskambju ta' dejta u għall-koordinazzjoni tal-politiki, b'mod partikulari dwar il-ġarr minn post għal ieħor tad-drittijiet, bħad-dritt għall-assistenza personali;

  • Inżidu l-għarfien: naħdmu biex in-nies ikunu jafu aktar dwar id-diżabbiltà u dwar l-aċċessibbiltà, ngħidu aħna permezz tal-premju Ewropew għall-ibliet aċċessibbli;

  • Ġbir u monitoraġġ tad-dejta: intejbu l-konoxxenza dwar il-qagħda tan-nies b'diżabbiltajiet fl-Ewropa u l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, filwaqt li wkoll nidentifikaw u nippromwovu strutturi ta' appoġġ li daħħlu l-Istati Membri fil-livell nazzjonali u li rnexxew

L-istrateġija tinkludi lista ta' azzjonijiet konkreti u skeda. Il-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari dwar il-kisbiet u l-progress tal-pjan biex timxi skont l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (United Nations Convention on the Rights of People with Disabilities, UNCRPD), li hija ffirmat.

Sfond

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħid li l-"Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità." Barra minn hekk, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha kollha kemm huma diġà impenjaw ruħhom li joħolqu Ewropa mingħajr ostakoli billi ffirmaw l-UNCRPD.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà li qed tiġi ppreżentata llum tispeċifika azzjoni tal-UE taħt l-istrateġija Ewropa 2020 (IP/10/225) kif ukoll azzjonijiet proposti fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (IP/10/1390).

Aktar tagħrif

L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 intitolata "Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" u d-dokumenti li jmorru magħha jinsabu hawn:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=933&furtherNews=yes

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

MEMO/10/578


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site