Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1501

Brussell, l-10 ta' Novembru 2010

Sajd: Il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd sostenibbli u bbażati fuq ix-xjenza għall-2011

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2011 fejn iffissat livelli ta' qabda totali permissibbli (total allowable catch, TAC) u sforz tas-sajd għall-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, u ilmijiet internazzjonali rregolati minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. Il-proposta hija bbażata fuq pariri xjentifiċi dwar il-kwantitajiet ta' ħut li jistgħu jinqabdu b'mod sostenibbli. Il-Kummissjoni ddiskutiet metodi ta' ħidma mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati u qieset il-parir tagħhom filwaqt li baqgħet konsistenti mal-għan li tilħaq l-ogħla rendiment sostenibbli (Maximum Sustainable Yield, MSY) sal-2015.

Fil-kummenti tagħha dwar il-proposta, il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki qalet: "Jeħtieġ li l-fatti bażiċi ma nneħħuhomx minn quddiem għajnejna. L-ammont ta' ħut fil-baħar huwa limitat u l-ammont ta' ħut li jista' jinqabad kull sena mingħajr ma jitqiegħed f'riskju l-futur tal-istokkijiet huwa limitat ukoll. Kull sena nistaqsu lix-xjenzati jgħidulna x'inhuma dawk il-limiti. Il-Kummissjoni qiegħda tibbaża l-proposta tagħha fuq dak il-parir." Il-Kummissarju kompliet tgħid: "B'ħeġġa nixtieq nara lill-UE tilħaq il-mira tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fejn l-istokkijiet tal-ħut jiġu sfruttati sal-ogħla rendimenti sostenibbli tagħhom sal-2015. Dik l-iskadenza mhijiex 'il bogħod u jeħtieġ li nibdew niċċaqalqu issa. M'hemmx dubju li deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza huma l-uniku mod li bih l-istokkijiet tal-ħut jistgħu jilħqu mill-ġdid il-livelli li jsostnu industrija tas-sajd fl-UE li tkun b'saħħitha u li tirrendi qligħ. Jiddispjaċini ngħid li se jkun hemm aħbarijiet diżappuntanti rigward xi livelli tal-kwoti, iżda l-esperjenza tal-passat uriet li dawk li jaħsbu li jistgħu jinnegozjaw man-natura mhux se jkollhom futur twil fis-settur tas-sajd."

Fil-pariri xjentifiċi tagħhom għall-2011, l-esperti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries, STECF) għal darb'oħra enfasizzaw l-istat fqir ta' ħafna riżorsi tal-ħut fl-ilmijiet tal-UE. Il-kontribuzzjoni tas-sajd Ewropew lill-ekonomija u lill-provvista tal-ikel hija ferm iżgħar illum minn dik li kienet ftit deċennji ilu. Il-progress biex l-istokkijiet kollha tal-ħut Ewropej jilħqu livelli sostenibbli kien bil-mod minħabba li l-flotot ma kinux kapaċi jadattaw malajr biżżejjed għall-pariri xjentifiċi. Għal madwar 72 % tal-istokkijiet ivvalutati, is-sajd żejjed huwa sitwazzjoni tant serja li jinqabad aktar ħut kieku jkun hemm anqas sajd. Nafu li jsir sajd sostenibbli għal madwar 40 % biss tal-istokkijiet tagħna vvalutati. Fuq nota pożittiva mis-sena l-oħra 'l hawn kien hemm xi ftit titjib, għaliex dawn iċ-ċifri kienu 86 % u 31 % rispettivament; u sar titjib ċar f'uħud mill-istokkijiet importanti bħall-marlozz u l-lingwata.

Sabiex nilħqu miri sostenibbli fuq terminu ta' żmien twil, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea, ICES) ipprovda pariri dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat sfruttament konsistenti mal-ogħla rendiment sostenibbli (MSY) sal-2015. Pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali qegħdin jiġu implimentati għall-istokkijiet kummerċjali ewlenin kollha. Dawn il-pjanijiet ikopru 30 % tal-qabdiet totali għall-2011. Jekk inżidu l-istokkijiet varji li huma ġestiti b'mod konġunt man-Norveġja li għalihom ukoll ġew implimentati arranġamenti għall-ġestjoni, aktar minn 80 % - skont il-piż - tal-ħut meħud mis-sajjieda tal-UE huwa soġġett għal ġestjoni multiannwali. Stokkijiet ġestiti b'dan il-mod għandhom tendenza li jmorru aħjar minn dawk soġġetti għal teħid ta' deċiżjonijiet fuq terminu ta' żmien qasir. Madankollu, il-pjanijiet ta' ġestjoni jeħtieġ li jiġu implimentati kif xieraq, u għandhom japplikaw salvagwardji speċjali jekk ir-riżultati osservati fil-post ma jkunux kif mistennija.

Abbażi ta' dan l-isfond, il-Kummissjoni għadha mħassba ħafna rigward il-konservazzjoni tal-merluzz, li għalih il-pjan ta' ġestjoni ilu fis-seħħ mill-2004. Stokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, il-baħar Irlandiż u l-Punent tal-Iskozja mhuma qed juru l-ebda sinjal ta' rkupru. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tipproponi tnaqqis ta' 50 % f'dawn it-TACs u talbet lill-Istati Membri jikkollaboraw f'analiżi dettaljata tal-ġestjoni tal-merluzz. Din l-analiżi se tiffoka fuq ir-raġunijiet għala l-miżuri miftiehma taħt il-pjan ta' ġestjoni multiannwali ma tawx it-titjib mistenni.

Is-sitwazzjoni fil-Baħar tat-Tramuntana marret għall-agħar fl-2008, meta nqabad proporzjon tal-istokk li kien akbar minn dak fi kwalunkwe sena mill-1999. Għeluq fil-ħin reali u skemi li jevitaw il-qbid tal-merluzz ma kinux biżżejjed biex l-istokk jiġi protett u kellhom ftit li xejn effett fuq ix-xejriet tas-sajd. Il-ġestjoni tal-merluzz tal-Baħar tat-Tramuntana tinqasam man-Norveġja, u jeħtieġ li jsiru diskussjonijiet sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-2011 tirrakkomanda żidiet fil-kwoti għal sitt stokkijiet, tnaqqis fil-kwoti għal 64 stokk u għal 23 stokk tirrakkomanda li l-kwoti ma jinbidlux (id-dettalji fit-tabella mehmuża). Dawn il-bidliet jammontaw għal tnaqqis fil-kwoti ta' 89 400 tunellata – jew 10% - kumplessivament. Dawn l-istatistiċi ma jinkludux dawk l-istokkijiet li l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom iridu jiġu diskussi ma' pajjiżi terzi – bħan- Norveġja – jew fi ħdan Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd minn issa sal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-sajd tal-Istati Membri f'Diċembru. F'dik il-laqgħa fit-13 u l-14 ta' Diċembru l-Ministri tas-sajd, flimkien mal-Kummissjoni, se jiddiskutu din il-proposta u se jiffissaw il-livelli tas-sajd għall-2011.

Tabella fl-anness: deskrizzjoni ġenerali tal-proposti tal-Kummissjoni għall-2011

Aktar tagħrif dwar il-mapep jista' jinstab hawn: http://ec.europa.eu/fisheries/index_mt.htm

MEMO/10/571


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website